Is-Sibt 24 ta’ Novembru 2012

Il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Eċċellenza President ta’ Malta, Eminenzi, Eccellenzi, ħuti.

Aħna ġejna hawnhekk biex nifirħu ma’ Mons Charles Scicluna fl-għażla tiegħu bħala Isqof Awżiljarju tiegħi fil-Knisja ta’ Malta. Aħna l-ewwelnettt nirringrazzjaw lil Alla talli jagħżel bnedmin biex ikunu tant qrib tal-rieda salvifika tiegħu għall-bnedmin. Jiena personalment f’isem il-Knisja Maltija nirringrazzja lill-Qdusija Tiegħu il-Papa Benedittu talli għoġbu jibgħatilna lil Mons Scicluna – bil-bravura u l-esperjenza tiegħu – biex jgħin lili u l-Knisja Maltija lejn it-triq ta’ Perfezzjoni.

Il-grad tal-Isqof huwa parti mis-sagrament tal-Ordni Sagri. Huwa fit-tielet grad tal-Ordinazzjoni wara l-Presbiterat u d-Djakonat. Fih tinsab il-milja tas-Sacerdozju. Il-qadi tiegħu bħal dak ta’ kull nisrani jrid ikun skont Alla l-Imbierek kif urihulna Sidna Ġesù Kristu.

Alla tagħna, kif urih Sidna Ġesù Kristu, b’differenza minn reliġjonijiiet oħra, huwa Alla li għandu fiċ-ċentru tiegħu l-bniedem. Waqt li Alla fir-reliġjonijiet l-oħra jibqa’ fuq, jistenna lill-bnedmin li jersqu lejh, fir-reliġjon Kristjana, hu Alla li jiġi, fil-persuna ta’ Sidna Ġesù Kristu, biex jiġbidna lejh. Dan diġa’ huwa l-mudell ta’ xinhi l-Knisja u l-mudell ta’ x’għandu jkun Isqof li jirrapreżenta lil Kristu.

Dawn narawh fl-ewwel lezzjoni li kellna llum mill-Profeta Iżaija, u fil-Vanġelu.

It-test ta’ Iżaija ġie magħżul għaliex huwa t-test li għażel Sidna Ġesù Kristu biex jippreżenta l-missjoni tiegħu ġewwa s-Sinagoga ta’ Nazaret. Sidna Ġesù Kristu, minn Iżaija beda b’dawn il-kliem: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani…” Minn hemm il-quddiem iċ-ċentru tażd-diskors ta’ Iżaija huwa l-bniedem, l-aktar fit-tbatijiet tiegħu. L-ebda saċerdot ma jista’ jiitbiegħed minn din id-dikjarazzjoni ta’ Ġesù, biex jibdilha ma’ strateġija oħra jew valuri oħra.

Fil-Vanġelu li ġie magħżul illum, Sidna Ġesù Kristu jieħu l-qagħda ta’ Ragħaj. Iżda fil-waqt li jfaħħar lir-Ragħaj, jidher li dawk li huma prezzjużi huma n-nagħaġ li għalihojm jagħti ħajtu. Il-valur ta-nagħaġ huwa fiċ-ċentru ta’ din it-tixbieħa ta’ Ġesù.

Għażiż Mons Scicluna id-dinjita tagħna tiddependi mid-dinjita’ tal-bniedmin li huma fdati f’idejna. Illum, Alla l-Imbierek qed iħalli f’idejk dak li hu l-iktar prezzjuż għalih, li huma l-bnedmin. Minn hemm tiġi d-dinjita’ tagħna. Huwa unur kbir u sinjal ta’ fiduċja kbira li Alla l-Imbierek jagħżel l-ewwel lill-Knisja, u mbagħad xi wħud mill-membri tagħha u jafdalhom f’idejhom lill-bnedmin.Huwa dan li qed jafadlek f’idejk illum.

Għalhekk il-konsagrazzjoni li semma Iżaija tieħu togħma differenti. Għaliex issa fuqek se jinżel l-Ispirtu Divin li se jikkonsagrak biex twettaq fi żmien u post determinat dak li jsemmi Iżaija, u li Sidna Ġesù Kristu ħa għalih bħala missjoni: li tkun f’isem Alla l-Imbierek dak li “jniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej”, lill-bnedmin, u l-iktar lill-fqar u dawk li qegħdin ibatu. Hawnhekk tagħmel sens il-kelma ta’ Iżaija, li Kristu irrefera għaliha ġewwa Nazaret: “għax il-Mulej ikkonsagrani”. Il-konsagrazzjoni li għamilt fll-Ordinazzjoni Saċerdotali, u li biha ħallejt il-vojt taċ-ċelibat, issa jimtela bil-milja tal-Ordinazzjoni Episkopali.

Id-dinjita’ li jagħtina Alla l-Imbierek, ma tiġix biss mill-bnedmin, iżda għax fdaha f’idejn il-Knisja anki l-għajnuniet li permezz tagħhom twassal lill-bnedmin biex jingħaqdu mal-Mulej. Din hija s-saċerdozju tal-fidili, għaliex il-Knisja hija bejjiena bejn Alla u l-bnedmin kollha. Hija l-kontinwazzjoni tal-missjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu f’kull post u f’kull żmien. Is-saċerdozju ministerjali, li tiegħu int se tieħu l-pjenezza fl-Episkopat, huwa il-missjoni li permezz tagħha l-Isqof iwassal lill-aħwa biex jgħixu s-sejħa tagħhom bħala insara. Għalhekk id-dinjita’tal-Isqfijiet mhijiex biss dinjita’ personali iżda ġiet mogħtija lilhom għall-oħrajn. Hija dinjita’ u risponsabbilta’ kbira li l-Knisja tagħti lill-Isqof f’post determinat u tafda prinċipalment f’idejh l-għajnuniet kollha li għandha biex jitqaddsu l-Insara: is-sagramenti u l-Kelma ta’ Alla.

Il-kliem ta’ San Pawl lil Timotju huwa ċar: “Ħares bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fik it-teżor sabiħ li kien fdat f’idejk”. Illum, fil-Konsagrazzjoni l-Ispirtu s-Santu jiġi mogħti lilek b’doni speċjali biex taqdi l-missjoni tiegħek. It-’tezor sabih’ li ġie fdat f’idejk’ hija din il-qawwa spiritwali li permezz tagħha l-Isqof jista’ iwassal lil ħafna għall-perfezzjoni.

San Pawl jgħidilna wkoll li din l-għażla li rċieva, l-Isqof irid jgħixha b’ħafna sens ta’ umilta’ u misteru. Jikteb San Pawl: “li (l-Mulej) salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax qies l-għemejjel tagħna imma skont il-pjan tiegħu stess u skont il-grazzja tiegħu”. Il-Mulej ma jagħżilx għax diġa’ jsib il-merti fina, għax kiekeu ma kienx jagħżel sajjieda u publikan bħala appostli, iżda jagħżilna biex jiffurmana bl-Ispirtu ħalli naqdu lill-poplu tiegħu. L-episkopat mhuwiex punt ta’ wasla iżda t-triq ta’ perfezzjoni għal min jintgħażel. Il-kliem li jrid inebbaħna huwa dak stess li Sidna Ġesù Kristu stess qal lil Pietru: “Xmun Bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?” (Ġw 21,15 ss). Għat-tweġiba pożitiva ta’ Pietru, Ġesù jgħidlu li din l-imħabba trid tissarraf billi jieħu ħsieb in-nagħaġ u l-ħrief tiegħu. Il-ministeru kollu ta’ Pietru, u allura ta’ Isqof, irid jibbaża ruħu fuq relazzjoni ta’ mħabba ma’ Ġesù u jixtered fuq l-imħabba ta’ dawk fdati f’idejħ.

Nistgħu nerġgħu nisimgħu it-twissijiet ta’ San Pawl lil Timotju meta jiktiblu fis-silta li qrajna bħala t-tieni lezzjoni llum: “dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju, li għalih jien kont magħmul predikatur, appostlu u magħallem”. San Pawl lil Timotju jħeġġu u jħeġġeġ fih lill-Isqfijiet biex jikkoperaw mal-Ispirtu fil-ħidma tagħhom ta’ Isqfijiet: “Għażiż, infakkrek biex tqajjem fik id-don ta’ Alla, li jinsab fik bit-tqegħid ta’ idejja: għax Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan”.

Jalla ġewwa qalbna ikollna dak il-kliem li San Pawl jikteb lill-Filippin fil-bidu tal-Ittra tiegħu: “niżżi ħajr lil Alla tiegħi kull meta niftakar fikom, u nitlob dejjem ferħan fit-talb tiegħi għalikom… Iva, jixhidli Alla kemm jien miġbud lejkom bil-qalb ta’ Kristu Ġesu” (Fil 1, 3.8).

✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta