Imnebbħin mill-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu li jitfa’ dawl fuq id-dinjità tal-bniedem, aħna l-Isqfijiet nixtiequ nwasslulkom dan il-messaġġ bi tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ser isiru fl-24 ta’ dan ix-xahar.
Aħna nemmnu li l-progress veru tal-bniedem u tas-soċjetà jkun assigurat jekk ikunu mħarsa dawk il-prinċipji fundamentali li ma nistgħux nilagħbu magħhom. Nindikaw xi wħud minn dawn il-prinċipji ewlenin:
1. Id-dritt għall-ħajja umana li għandha tiġi mħarsa sa mill-mument tat-tnissil sa dak tal-mewt naturali;
2. It-tisħiħ tal-familja naturali, mibnija fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara;
3. Id-dritt tal-bniedem għal xogħol dinjituż u li jkollu paga ġusta;
4. It-tħaddim meqjus tal-prinċipji tas-solidarjetà u s-sussidjarjetà fin-nisġa tal-qafas tar-relazzjonijiet soċjali;
5. Misjuqa mill-ħniena, is-soċjetà tkompli toffri trattament uman lill-immigranti u tgħinhom jintegraw ruħhom;
6. Ir-rispett lejn l-ambjent.
Peress li huwa dmir tan-Nisrani li, b’kuxjenza ffurmata, jimbotta ’l quddiem proġetti li jaqblu ma’ dawn il-prinċipji, infakkru fid-dritt u d-dmir ta’ kull ċittadin Nisrani biex jivvota f’dawn l-elezzjonijiet biex hekk huwa jkun qed jagħti s-sehem tiegħu biex il-proġett Ewropew ikun verament b’risq il-bniedem.
✠ MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex
President tal-Konferenza Episkopali
✠ PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
✠ CHARLES J. SCICLUNA
Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta
Agħfas hawn biex tnizzel id-dokument.