• Il-Ħadd 28 ta’ Diċembru 2014
    Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

  • ​Nirringrazzjakom ħafna talli ġejtu biex nawguraw lil xulxin l-isbaħ xewqat f’dan iż-żmien tal-Milied, aħna u nippreparaw biex nibdew sena ċivili ġdida. 

    Nixtieq naqsam magħkom ħsieb żgħir li nixtieq noffrih għal kull wieħed u waħda minna, nibda minni nniffsi. Dan li se nitlob ma jiġix mill-kapaċitajiet tagħna, imma huwa frott talgħajnuna li jagħtina Alla: Ejjew nitolbu lill-Mulej biex f’din is-sena l-ġdida nkunu preżenza sabiħa, qawwija u ta’ servizz fis-soċjetà Maltija. Id-dawl m’hemmx għalfejn ikun fiċ-ċentru biex idawwal il-kamra, imma l-vokazzjoni tiegħu hu li jkun dawl. Il-ħmira, tkun fejn tkun flgħaġna, xorta tagħmel l-effett tagħha u tgħin lill-għaġna ssir dak li hemm bżonn. 

    Il-vokazzjoni tagħna hija li nkunu preżenza sabiħa, preżenza wkoll ta’ ċertu effikaċja. Jekk aħna qegħdin ngħidu li għandna nkunu ta’ servizz, ejjew verament nieħdu fuqna l-ispirtu ta’ qadi li għallimna l-Mulej. Ejjew ma nibżgħux nidħlu fi djalogu mas-soċjetà Maltija li qegħda titbiddel u li aħna nemmnu li għandha bżonn ix-xhieda sabiħa tal-Evanġelju.

    Irridu nkunu aħna l-ewwel li nkunu persważi li din ix-xhieda ġġib fil-qalb tal-bniedem ħafna paċi u ħafna ferħ. L-attwalità tal-Evanġelju dan hu, li f’kull żmien jibqa’ aħbar tajba li toffrilna sfida imma wkoll tqawwina biex il-ħajja tagħna tkun ħajja sabiħa. U għalhekk, mingħajr ma’ nimponu l-valuri tagħna, aħna nixhdu għalihom bil-ferħ u bil-kuraġġ, u hekk inkunu tassew ta’ servizz għal xulxin u għas-soċjetà tagħna. 

    Aħna u nistennew id-deċiżjoni tal-Papa Franġisku fuq l-Arċisqof l-ġdid tagħna, ejjew inkomplu nitolbu lill-Ispirtu Qaddis tal-Mulej biex idawwal l-imħuħ u l-qlub, u jagħtina don ta’ ragħaj skond il-qalb tiegħu. 

    ​Nawgura lil kulħadd il-kumplament tal-Milied hieni u sena ġdida mimlija risq. Grazzi.

     Charles Jude Scicluna
    Isqof titulari ta’ San Leone
    Amministratur Appostoliku ta’ Malta 

  • Ritratti: Photocity, Valletta
    www.photocitymalta.com