-
-
Il-Ħamis 23 t’April 2015, sar servizz funebri inter-reliġjuż għall-24 immigrant li ddaħħlu Malta bla ħajja nhar it-Tnejn li għadda. L-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech u l-Imam Mohammed El Sadi mexxew it-talb waqt dan is-servizz funebri li għalih kienu preżenti l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż. Preżenti wkoll Mons. Joe Galea Curmi, Vigarju Ġenerali. Il-Funeral sar barra l-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei.
Il-Messaġġ tal-Isqof Mario Grech
-
-
Għandna quddiemna erbgħa u għoxrin katavru ta’ bnedmin mhux identifikati imma nafu li ħafna oħrajn, mijiet, qed jistrieħu fiċ-ċimiterju kbir li sar il-Mare Nostrum illum il-ġurnata. Ma nafux ismijiethom, ħajjithom – nafu biss li kienu qed jaħarbu minn sitwazzjoni ta’ disperazzjoni biex ifittxu l-ħelsien u ħajja aħjar.
Insejħulhom Mhux Identifikati. Imma nibkuhom, nibku t-telfa tagħhom, nixtiequ nagħtuhom l-aħħar turija ta’ rispett. Għaliex? Għax fil-fond ta’ qalbna, irrispettivament mit-twemmin, il-kultura, in-nazzjonalità, ir-razza tagħna, aħna nafu li huma bnedmin ħutna.
“Min hu l-proxxmu tiegħi?” – Fil-Vanġelu smajna lill-għaref tal-liġi jitlob lil Ġesù interpretazzjoni tal-kmandament tal-imħabba. Hu – l-għaref tal-liġi – kien jafha l-liġi. Imma ma jħossux komdu bit-tweġiba ta’ Ġesù għax dan ma jagħtihx id-diskors akkademiku li kien qed jistenna, imma tweġiba konkreta u li tolqot fil-laħam il-ħaj.
Quddiem din is-sitwazzjoni drammatika, bħal dak l-għaref tal-liġi, aħna nistgħu nduru fuq il-liġi u neżaminawha biex naraw min hu responsabbli ta’ xiex, u min għandu jsib soluzzjoni għall-influss kbir ta’ immigranti li qed jaslu fi xtutna. Ċertament, qed inħabbtu wiċċna ma’ sitwazzjoni kumplessa, u la hija l-kompetenza tiegħi u lanqas hu l-waqt it-tajjeb li nipproponu soluzzjonijiet. Nitolbu lill-Mulej Alla jdawwal lil dawk li għandhom f’idejhom din il-ħidma xejn ħafifa.
Imma, fid-dawl ta’ din il-parabbola, niftakru li t-triq tal-liġi mhix biżżejjed biex insolvu l-emerġenzi umanitarji. Nistgħu nkomplu neżaminaw il-liġijiet kif jagħmel l-għaref tal-liġi, imma dan mhux biżżejjed. It-triq tal-liġi, it-triq tal-ġustizzja, għandha tinfetaħ għat-triq tal-imħabba. F’kull sfera tar-relazzjonijiet interpersonali l-ġustizzja għandha, biex ngħidu hekk, sa ċertu punt tiġi “ikkoreġuta” mill-imħabba li, kif jgħidilna San Pawl, “taf tistabar u tħenn” jew, fi kliem ieħor, għandha l-karatteristiċi ta’ dik l-imħabba ħanina li hi hekk fil-qalba tal-Vanġelu u tal-Kristjaneżmu.[1] L-imħabba tmur lil hemm mill-ġustizzja, għax li nħobb ifisser nagħti, noffri minn “tiegħi” lill-oħrajn. L-imħabba tittraxxendi l-ekonomija tan-negozju.
Il-ġustizzja mfassla fuq loġika ta’ nagħtik u tagħtini waħidha ma tistax tmexxi r-relazzjonijiet umani. Ma tistax issolvi din il-kriżi. Aħna nistgħu, l-ewwel wieħed jien, nadottaw l-istil tal-“qassis” u tal-“Levita” tal-Vanġelu li jillimitaw ruħhom għal li jħarsu lejn dawn il-persuni foqra u jgħaddu min-naħa l-oħra tat-triq. Jekk jaħarbilna dan il-mument epokali għax nagħżlu li ma niqfux biex nisimgħu l-karba ta’ ħutna li desperatament qed ifittxu l-kenn, is-sitwazzjoni mbagħad tiġġenera ruħha f’dik li l-Papa Franġisku jsejħilha l-globalizzazzjoni tal-indifferenza. Xi kultant sempliċement nieqfu, inxerrdu ftit tad-dmugħ, u mbagħad inkomplu fi triqitna. Nafu nkunu mexjin skont il-liġi pożittiva. Imma fit-triq tal-imħabba nkunu ħatja ta’ omissjoni.
“Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu”. L-imħabba, l-imħabba ħanina, lill-vittma mhux identifikata toħroġha mill-anonimità tagħha – issir ħija, persuna li hi l-proxxmu tiegħi u ninkwieta għaliha. Il-ħniena li taf timxi dak il-mil iżjed mhux biss tibdel il-persuni maħbuba imma wkoll lil dawk li jersqu lejhom bi mħabba.
Jekk inħallu din l-imħabba ħanina tibdilna, is-sitwazzjoni attwali tinbidel ukoll: minn dawk li jġarrbu l-influss tal-immigranti aħna nsiru proxxmu ta’ dawk li jaslu fuq xtutna. L-imħabba ħanina ssuqna biex mhux biss noqogħdu nistennew din is-sitwazzjoni drammatika tkompli tikber iżjed, imma naġixxu, immissu b’idejna l-għeruq li qed jikkawżaw dan l-eżodu.
L-imħabba ħanina mhux biss tgħaddi mill-qrib, imma tħabbat wiċċha ma’ din l-isfida bl-għajnejn tas-Samaritan it-Tajjeb li mhux biss jiddispjaċih imma jagħti l-għajnuna billi jpoġġi ġidu b’mod inkundizzjonat għas-servizz ta’ min hu fil-bżonn. L-imħabba ħanina kapaċi tħares lejn kull persuna, anki lejn l-għadu ddikjarat – kif kienu l-Lhud f’għajnejn is-Samaritani – bħala xi ħadd fil-bżonn. Li nħallu l-kompassjoni tqanqalna jfisser li nkunu f’sintonija ma’ oħrajn li qed ibatu, hi x’inhi l-kawża u huma min huma. Għal San Ġwann Kriżostmu, li wieħed jissintonizza ruħu b’kompassjoni “hi b’mod speċjali karatteristika tal-qaddisin. La l-glorja, la l-ġieħ, u l-ebda ħaġa oħra mhi prezzjuża għalihom daqs il-ġid tal-proxxmu tagħhom”.
Kif raġel nawfragu jismu Pawlu ġab lil dawn il-gżejjer il-bxara ta’ Mħabba li tifdi lid-dinja, hekk ukoll dawn l-aħwa “nawfragi” li jinsabu quddiemna siekta huma għaċ-ċittadini Maltin, Ewropej u tad-dinja tal-Punent kollha kemm hi, messaġġiera tal-ħtieġa li nterrqu l-mixja tal-Imħabba ħanina, biex insiru proxxmu għal dawk li qed ibatu l-inġustizzja, l-inugwaljanza, id-diskriminazzjoni u l-faqar fil-bqija tad-dinja. Huma ħabbara siekta tal-karba għall-imħabba li hi r-ruħ li tagħti l-ħajja lil soluzzjonijiet soċjali u politiċi effettivi. L-imħabba hi l-prinċipju normattiv mhux biss fir-relazzjonijiet iż-żgħar (ħbiberiji, familja, gruppi ċkejknin) imma wkoll fir-relazzjonijiet il-kbar, jiġifieri fil-kuntest soċjali, ekonomiku u politiku.[2]
Il-ħniena biss tista’ tkisser iċ-ċirku tal-egoiżmu u l-vjolenza u toħloq il-possibbiltà ta’ futur ġdid. Il-kompassjoni hi l-awtorità etika aħħarija kontra l-kefrija umana. Soċjetà mingħajr imħabba u kompassjoni ma tibqax soċjetà umana.
Jalla dawn ħutna rġiel u nisa jistrieħu fis-sliem! Ma stajniex noffrulhom l-ospitalità tagħna, it-tbissima tagħna, it-tgħanniqa tagħna; imma issa aħna u nafdawhom f’idejn Alla, nitolbuhom ukoll jaħfrulna talli nqasna li nieħdu f’waqthom il-miżuri meħtieġa li setgħu salvawlhom ħajjithom. Jalla t-tifkira tagħhom tibqa’ ħajja fl-impenn imġedded tagħna biex insiru proxxmu għal dawk li diġà jinsabu fuq artna jew qed joqorbu lejn xtutna.
Hekk kif illum nerġgħu lura lejn ir-rutina tal-ħajja tagħna ta’ kuljum, jalla l-kelma “Ħniena” tħalli eku f’qalbna u tgħinna nirriflettu u naġixxu. Kif kiteb darba San Girgor it-Teologu: “Uri li int alla għal dawk inqas ixxurtjati minnek billi ssir tixbah il-ħniena ta’ Alla. Mhemm xejn fil-bniedem li jiġbed daqshekk lejn Alla mill-għemil tal-opri tajba”. Il-Mulej ibierek lil dawk is-“Samaritani t-tajba” kollha – awtoritajiet ċivili, ħaddiema tas-salvataġġ, voluntiera, irġiel u nisa ta’ rieda tajba li qed jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex jilħqu lil dawn ħutna li qed ibatu. Grazzi li qed tkunu xhieda u mudelli ta’ din l-imħabba ħanina!
Għeżież ħuti, jien u nagħlaq din ir-riflessjoni tiegħi, forsi tistgħu tistaqsuni: Mela issa x’qed tipproponi? Kliem sabiħ, Dun… imma xejn ma jinbidel! Imnebbaħ minn dan il-Vanġelu, nitlob lill-Mulej jibdilli qalbi bl-Imħabba ħanina tiegħu… u dan jista’ jibdilni biex insir proxxmu għal ħuti kollha. Nistieden jagħmlu l-istess lil dawk kollha li jemmnu f’Alla l-Ħanin li jgħix għal dejjem. Ammen.
✝ Mario Grech
Isqof t’Għawdex
-
-
Ritratti: Photocity, Valletta.
www.photocitymalta.com