.

Agħfas HAWN għall-Filmat

.

L-Unjoni Ewropeja qed tiddedika is-sena 2013 għaċ-ċittadin. L-iskop hu li ċ-ċittadini kollha tal-Ewropa jagħrfu d-drittijiet li għandhom bħala ċittadini Ewropej ħalli d-deċiżjonijiet li jieħdu f’ħajjithom ikunu ta’ ġid għalihom u għall-oħrajn u jinħoloq ambjent demokratiku.

Għalhekk din is-sena ġejt hawn l-MĊAST, fost iż-żagħagħ li qiegħdin jistudjaw, għax iż-żgħażagħ tal-llum huma ċ-ċittadini t’għada.

Fi żmien Ġesù ma tantx kien hemm ambjent demokratiku kif jidher saħansitra mill-ġrajja tat-Twelid ta’ Ġesù Bambin, il-ġrajja tal-Milied.

It-twelid ta’ Ġesù Bambin iseħħ fil-kuntest ta’ Ċensiment li kien nieda Ċesari Awgustu fl-art tal-Lhudija. Skont l-editt taċ-ċensiment, kull min kien jgħix fil-Lhudija kien fid-dmir li jmur jagħti ismu fil-belt fejn twieled. Ġuzeppi u Marija li kienu qed jgħixu f’Nazzaret, kellhom imorru Betlehem, għax Guzeppi kien mill-familja ta’ David li kien minn Bethlehem. Ilkoll nafu li dan kien ifisser tbatija kbira għal din il-familja, għax il-vjaġġ bil-mezzi ta’ dak iż-żmien ma kienx faċli, u Marija kienet qed tistenna tarbija u kienet waslet biex twelled. Biex jaqdu dmirhom ta’ ċittadini, Marija u Guzeppi kellhom ibatu hafna.

Nistaqsu: Ġuzeppi u Marija ħadu xi ħaġa lura għal din it-tbatija tagħhom biex jaqdu dmirhom? Jidher li ma ħadu xejn għax is-sitwazzjoni politika li kienu qed jgħixu fiha kienet diffiċli. Arthom kienet okkupata mir-Rumani u lil dawk li ma kienux ċittadini Rumani kienu jisfrtuttawhom billi jiġbru ħafna taxxi minn għandhom. Dawn iċ-ċittadini tat-tieni grad, bħal Ġuzeppi u Marija, kellhom ħafna dmirijiet imma ftit li xejn kienu jgawdu drittijiet. Din kienet inġustizzja kbira, għalhekk il-Lhud ta’ żmien Ġesù kienu ħerqana ħafna li jeħilsu mir-Rumani. Xi wħud ħasbu li Ġesù kien ser jeħlishom mill-ħakma tar-Rumani. In-nies ta’ żmien Ġesù ma kienu jgħixu f’ambjent  demokratiku għalhekk id-drittijiet tagħhom ma kienux qed jiġu mħarsa.

L-ambjent demokratiku jiddependi mill-bilanċ bejn id-drittijiet u d-dmirijiet. Fin-nuqqas ta’ dan il-bilanċ ikun hemm it-tbatija, għax iċ-ċittadini ma jkunux qed jieħdu dak li jkun ħaqqhom. Iċ-ċittadinanza trid tassigura l-ħajja ta’ kull individwu biex tiġi evitata t-tbatija. Jekk minkejja li inti ċittadin, tkun qed tbati, bħal meta ma jkollokx aċċess għall-edukazzjoni jew għas-servizzi tas-saħħa, jew issofri xi inġustizzja, allura ċ-ċittadinanza tiegħek ftit tkun tiswielek.

Għall-grazzja t’Alla s-sitwazzjoni tagħna f’pajjizna u fl-Ewropa mhijiex hekk, għax aħna ngħixu f’ambjent demokratiku. Fil-każ tagħna aktar hemm il-periklu li ċ-ċittadini jistennew wisq minn pajjiżhom, jew mill-Unjoni Ewropeja, mingħajr ma jagħtu sehemhom biżżejjed biex jissaħħah ambjent demokratiku li jfittex il-ġid ta’ kulħadd.

Il-mexxejja għandhom jagħmlu minn kollox biex il-benefiċċji li joħloq il-pajjiż u l-Unjoni Ewropeja jaslu għand kulħadd sa l-inqas wieħed u ma jkun hemm ħadd li jibqa’ imwarrab għall-ebda raġuni. Għanda tiġi eliminata kull forma ta’ diskriminazzjoni. Preferibbilment iċ-ċittadini kollha ma jkun jonqoshom xejn u jgħixu b’mod li jixraq lid-dinjità tagħhom ta’ bnedmin, ħolqien t’Alla u mifdija minn Kristu. Meta ħa n-natura tagħna l-bnedmin Ġesù kompla jgħolli d-dinjità umana, u wassal il-messaġġ li trid tiġi rispettata. Alla wera preferenza lejn l-imwarrbin għax l-aħbar tat-twelid ta’ Ġesù, l-ewwel ma rċevewha kienu r-ragħajja, li kienu jgħixu fil-periferija tas-soċjetà.

Min-naħa tagħhom iċ-ċittadini għandhom jagħtu sehemhom biex is-soċjetà tilħaq l-iskop tagħha li tipprovdi l-ġid għaċ-ċittadini kollha fi ħdanha. Ġesù jgħallimna nagħmlu dan, għax il-messaġġ prinċipali tiegħu hu li nħobbu lil xulxin u ngħinu konkretament lil xulxin. Hu tagħna l-aqwa eżempju meta sar bniedem u ta ħajtu għalina.

Iċ-ċittadin tajjeb hu dak li ma jaħsibx fl-interessi tiegħu biss, b’tali mod li jara x’jista’ jakkwista mill-Istat, imma mal-ġid tiegħu jfittex il-ġid taċ-ċittadini l-oħra. Anzi jekk ma jarax li sħabu ċ-ċittadini qed jgħixu kif jixraq lid-dinjità tagħhom, hu jaqbeż għalihom. Iċ-ċittadin tajjeb, barra li jaqdi dmiru, bħal ngħidu aħna jibża għall-pajjiżu u jikkontribwixxi billi jħallas it-taxxa ġusta, jagħti sehemu fil-volontarjat għall-gid tal-oħrajn.

Jien nħeġġeġ lilkom żgħażagħ hawn preżenti u lill-Maltin u l-Għawdxin kollha biex tkunu ċittadini tajbin. Hu wieħed mid-doveri tan-Nisrani li jkun ċittadin tajjeb. Inħeġġiġkom lkoll biex tkunu l-ewwel u qabel kollox Insara tajbin. Jien konvint li jekk tkunu Nsara tajbin, tkunu bilfors ċittadini tajbin, għaliex il-Vanġelu jgħallimna dawk il-valuri li għandna bżonn biex ngħixu flimkien fis-soċjetà u noħolqu ambjent demokratiku biex id-drittijiet ta’ kull ċittadin jigu mħarsa.

Nieħu din l-okkażjoni biex insellem lilkom, għeżież emigranti. Xtaqt li dan il-messaġġ ngħaqqdu ma’ messaġġ ieħor ċkejken. Jien ċert li Ġesù ma baqax fl-għar ta’ Betlehem. Wara dak il-lejl sab min jilqa’ lilu u l-familja tiegħu f’post aħjar, f’xi dar kennija. Żgur li Ġuzeppi u Marija qasmu ma’ dawk li laqgħuhom il-ferħ kollu li ġab miegħu it-twelid ta’ Ġesù, li kien ukoll l-Iben t’Alla. Intom l-emigranti bħala Nsara għandkom il-missjoni taqsmu l-ferħ tal-Fidi li trawwimtu fiha f’Malta, ma’ dawk li laqgħukom f’pajjizhom biex tgħixu fosthom. Hekk il-preżenza tal-imħabba tal-Mulej Ġesù tinxtered mad-dinja kollha permezz tagħkom ukoll. Nixtiqilkom ilkoll il-Milied u s-Sena t-Tajba u nagħtikom il-Barka tiegħi.

Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta