Ħuti,

Reġa wasal iż-żmien meta jiena naqsam magħkom messaġġ dwar il-Milied. Din is-sena, dan il-messaġġ qed nagħtuh mir-residenza ta’ San Vinċenz De Paul. Naħseb xi wħud minnkom jistaqsu għaliex ġejna f’din ir-residenza. Ir-raġuni hi li s-sena 2012 hija s-sena Ewropeja għall-Anzjanità Attiva kif ukoll għas-Solidarjetà Bejn il-Ġenerazzjonijiet. U allura jiena ġejt f’din ir-residenza flimkien ma’ grupp ta’ tfal u żgħażagħ biex aħna nżuru l-morda u biex inkunu nistgħu nwasslu dan il-messaġġ minn hawn.

Dawn iż-żgħazagħ u tfal kienu hawnhekk għal żewġ raġunijet: l-ewwelnett biex nuru li hemm solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, u t-tieni biex aħna niftakru li allavolja aħna ġejna nżuru l-anzjani, dawn darba kienu żgħażagħ u darba kienu tfal, u mxew il-mixja kollha tal-ħajja. Jiena xtaqt li fuq dan is-suġġett naqsam magħkom ukoll xi riflessjonijiet dwar il-Mulej Ġesù.

Fil-Milied aħna qegħdin niċċelebraw il-Miġja ta’ Ġesù Bambin fostna l-bnedmin. Waħda mill-effetti ta’ din il-miġja hija li l-Iben ta’ Alla, mill-eternità tal-ħajja tiegħu daħal fostna l-bnedmin u sar bħalna, jiġifieri sar suġġett għaż-żmien. Kien tifel, kien żagħżugħ, immatura, imma sfortunatament aħna l-bnedmin ma ħallejniehx jkompli jmur għal dik il-maturità tal-anzjanità għaliex sfortunatament ġie maqtul msallab ta’ tlieta u tlettin sena.

Ma nafx jekk ġieli kontu qed tirriflettu fuqha: meta naqraw il-Vanġelu hemm ħafna opri tal-ħniena, imma ftit li xejn hemm fuq li żżur lill-anzjani. Ir-raġuni naħseb li hi għaliex is-soċjetà ta’ dak iż-żmien kienet ħafna differenti minn tagħna. F’dak iż-żmien, dik li ngħidulha ‘life expectancy’ kienet qasira ħafna. Kienu ftit dawk li jaslu għal anzjanità. It-tieni raġuni hi għaliex anke f’dik is-soċjetà kienu jagħtu ħafna kas ta’ dik li hija r-rispett lejn l-anzjanità, lejn l-esperjenza tal-anzjani, lejn l-għerf tagħhom. U allura kienu jagħtu ħafna kas ta’ dawk li kienu anzjani. B’mod speċjali, naħseb nistgħu ngħidu li anki f’dik il-kultura, ir-raba’ kmandament ‘weġġaħ il missierek u ‘l ommok’ kien jingħata ħafna mportanza u kien parti ntegrali mill-kultura ta’ dak iż-żmien.

Illum fi żmienna għandna realità differenti għaliex għandna bosta nies li qegħdin jaslu sa età kbira. Il-‘life expectancy’ illum twalet ħafna aktar. Hemm ħafna li jgħixu fuq it-tmenin. It-tieni raġuni hi għaliex illum għandna żewġ kwalitajiet ta’ anzjanità. Għandna  l-anzjani li huma attivi u għandna l-anzjani li għandhom bżonn lil ħaddieħor biex jgħinnhom. It-tielet raġuni hija għaliex illum, is-soċjetà tagħna, donnha iktar tagħti kas ta’ dak li huwa ġdid u dak li huwa nnovattiv, u forsi hemm bżonn li aħna nagħtu kas iktar ta’ dik li hija l-esperjenza ta’ dawk li ġew qabilna, l-esperjenza li permezz tagħhom aħna nkunu nistgħu nitgħallmu wkoll fuq il-preżent tagħna.

Għalhekk din is-sena b’mod speċjali, kemm hu sabiħ li nibdew minn dan il-Millied u naraw jekk ikunx hemm xi ħadd li forsi jiġi minnha u se jkun waħdu, b’mod speċjali dawk li jinsabu fir-residenzi tal-anzjani u nfittxu li mmorru nzuruhom u narawhom. Irridu nibdew fil-Milied imma ma nieqfux hemmhekk. Anke s-sena d-dieħla, nagħmlu sforz kemm bħala ndividwi fil-familji, kif ukoll bħala membri ta’ xi għaqda jew għaqdiet, nieħdu iniżjattivi biex dak li huwa l-‘loneliness’, il-fatt li wħud iħossuhom waħedhom, kemm jista’ jkun intaffulhom lill-anzjani tagħna dan it-toqol.

Jiena nawguralkom il-Milied it-tajjeb lilkom ilkoll, u jalla l-membri kollha tal-familji tagħna jkunu jistgħu jgawdu dan il-Millied b’ferħ ta’ solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u jalla, s-Sena l-Ġdida tibgħat fuqna diversi grazzji li jkunu jolqtu wkoll il-familji kollha u jolqtu lill-anzjani tagħna.

Nawguralkom il-Milied it-Tajjeb.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta