.
Ħuti,
Din is-sena, il-messaġġ tal-Milied qiegħed nagħmlu mill-Isptar Mater Dei. Qed nagħmlu mill-Isptar għax dan huwa post fejn il-Mulej ikun ħafna qrib tagħna. Dan għaliex hawn issib ħafna nies bi tbatija, u Ġesu ġie biex jagħti l-ferħ tiegħu fil-Milied b’mod speċjali lil dawk li qegħdin ibatu. Qiegħed ukoll f’dan l-isptar għaliex it-tbatija ta’ xi wħud tagħti lok għal ħafna ġenerożita minn persuni oħrajn li jagħtu l-ħidma tagħhom b’ħafna ħerqa. Ma’ dawn inzid lil dawk li joffru l-ħin tagħhom fil-volontarjat ħalli jkunu jistgħu jaqdu wkoll lil dawk li qegħdin ibatu.
Għalina l-Insara dan kollu jagħmel sens għaliex il-Milied huwa l-mument fejn aħna nitgħallmu min hu verament Alla l-Imbierek kif uriena l-Mulej Ġesu. ‘Alla huwa mħabba’, u din irridu nżommuha ġewwa qalbna. Fil-Milied din il-kelma mħabba għandha togħma speċjali. Din it-togħma speċjali hija l-għotja. Il-Milied huwa l-mument fejn aħna nirriflettu fuq l-imħabba bħala għotja. Għandna ’l Alla l-Missier li jagħti lil Ibnu għalina lkoll; għandna l-Iben li jiġi fostna u jagħti ħajtu. Mhux bagħtilna l-grazzja biss, imma daħal fl-istorja tagħna, sar parti minna, għex kif ngħixu aħna u tana l-ħin u l-ħajja tiegħu biex aħna nkunu aħjar.
Nixtieq li din tkun ir-riflessjoni tagħna għall-Milied ta’ din is-sena: it-togħma speċjali ta’ l-imħabba. Jiena nkun naf verament li nħobb, meta nagħti minni nnifsi. Nistgħu nagħmlu dan fil-familja tagħna, jew fil-qadi ta’ dmirijietna, imma b’mod speċjali llum xtaqt li nirriflettu fuq dak li huwa l-volontarjat: li persuna, lil hin mid-dmirjiet tagħha, bħala nisranija tkun kapaċi tagħti mill-ħin tagħha lil ħaddieħor.
Xtaqt li llum nipproponi bħala mudell dik li hija l-isbah nisranija li nafu biha għax kienet l-isbah dixxiplu tal-Mulej Ġesu’. Sidtna Marija! L-ewwel haġa li għamlet Marija meta ġie l-anġlu Gabrijel kienet li offriet id-disponibilita` tagħha: “Jiena, Mulej, il-qaddejja tiegħek, nixtieq li nkun nista’ ngħix skont kelmtek”. Aħna wkoll, bħall-Madonna, f’dan il-Milied nisimgħu u ngħidulu: ‘Mulej, anke aħna l-qaddejja tiegħek u nixtiequ li nagħmlu kollox skont kelmtek’. Dan ifisser li ngħixu l-imħabba għax l-kelma tal-Mulej hija l-imħabba.
It-tieni haġa li għamlet il-Madonna konsegwenza ta’ dan, hu li marret iżżur lil-qariba tagħha Elizabetta li kienet imdaħħla fiż-żmien, fil-fatt kienet qed tistenna li jkollha tarbija. Naħseb li dan huwa l-ewwel mument ta’ volontarjat li naraw wara l-miġja ta’ Ġesu. Meta l-Madonna saret taf f’hiex kienet Elizabbeta, il-Madonna mhux bagħtitilha messaġġ, il-Madonna mhux bagħtitilha rigal, il-Madonna telqet minn fejn kienet u marret għand Elizabetta, damet tliet xhur magħha, tat l-ħin tagħha biex hi tkun tista’ tgħin lil Elizabetta. Dan huwa l-qofol tal-volontarjat.
Nixtieq li f’dan il-Milied nagħmlu din ir-riflessjoni aħna lkoll. Nistaqsu: ħajti magħluqha fiha nfisha jew inkella nista nagħti biċċa lil ħaddieħor? Ma nistax jiena nagħti ftit minn ħini, li llum sar tant prezzjuż, biex ngħin lil ħaddieħor? Dan għaliex il-Mulej ried jagħtina tagħlima, li hemm bżonn li aħna nżommu ġewwa qalbna. Hemm pjaċir meta inti tirċievi, imma hemm ferħ ikun il-messaġġ għall-Milied ta’ din is-sena, is-siwi tal-volontarjat u l-ferħ li jgib mieghu. meta inti tagħti, meta tagħti mill-ħin tiegħek, tagħti minnek innifsek. U jiena nixtieq li dan
Nixtieq ukoll li anke dan il-volontarjat ma jkunx biss deċiżjoni personali ta’ xi whud, imma jkun atmosfera li aħna l-Insara jirnexxielna nibnu matul is-sena kollha u mhux fil-Milied biss. Kemm hu sabih li l-ġenituri fil-familja, lit-tfal tagħhom diga jgħallmuhom li jkunu kapaċi jagħtu lil xulxin u jgħallmuhom mhux l-imħabba li tiġi f’moħhom biss, imma din il-kwalita ta’ l-imħabba li tiġi mill-Mulej Ġesu’. Kemm nixtieq li kull tifel u tifla li hawn f’Malta jkollhom l-esperjenza, permezz tal-ġenituri tagħhom, li jidħlu f’dan il-ferħ li jkunu kapaċi jagħtu. Dan hu li jbiddel s-soċjeta` tagħna.
Ħafna jgħidulna li pajjiżna huwa mmarkat bil-preżenza tal-Mulej Ġesu u tal-Knisja. Jalla anke din il-fidi tagħna tissarraf f’atmosfera ta’ għotja, ta’ ġenerożita, ta’ volontarjat u li f’pajjiżna tkun ħafna u ħafna qawwija. Dan hu li jiena qiegħed nipproponi lill-komunita`, u b’mod speċjali lill-komunita` li temmen. Huwa f’dan id-dawl li nawgura li s-sena 2011, li hija s-sena Ewropeja tal-Volontarjat, tkun mimlija wkoll b’dan l-ispirtu nisrani ta’ għotja li aħna nduqu fil-Milied.
+ PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta