.
Agħfas HAWN biex tara l-filmat
.
L-Unjoni Ewropea qed tiddedika s-sena 2013 għaċ-ċittadin. L-iskop hu li ċ-ċittadini kollha tal-Ewropa jagħrfu d-drittijiet li għandhom bħala ċittadini Ewropej ħalli d-deċiżjonijiet li jieħdu f’ħajjithom ikunu ta’ ġid għalihom u għall-oħrajn u jinħoloq ambjent demokratiku.
Għalhekk, din is-sena, ġejt hawn l-MCAST fost iż-żgħażagħ li qegħdin jistudjaw, għax iż-żgħażagħ tal-lum huma ċ-ċittadini t’għada.
Fi żmien Ġesù ma tantx kien hemm ambjent demokratiku kif jidher saħansitra mill-ġrajja tat-Twelid ta’ Ġesù Bambin, il-ġrajja tal-Milied.
It-twelid ta’ Ġesù Bambin iseħħ fil-kuntest ta’ ċensiment li kien nieda Ċesari Awgustu fl-art tal-Lhudija. Skont l-editt taċ-ċensiment, kull min kien jgħix fil-Lhudija kien fid-dmir li jmur jagħti ismu fil-belt fejn twieled. Ġużeppi u Marija, li kienu qed jgħixu f’Nazzaret, kellhom imorru Betlehem għax Ġużeppi kien mill-familja ta’ David li kien minn Betlehem. Ilkoll nafu li dan kien ifisser tbatija kbira għal din il-familja, għax il-vjaġġ bil-mezzi ta’ dak iż-żmien ma kienx faċli, u Marija kienet qed tistenna tarbija u kienet waslet biex twelled. Biex jaqdu dmirhom ta’ ċittadini, Marija u Ġużeppi kellhom ibatu ħafna.
Nistaqsu: Ġużeppi u Marija ħadu xi ħaġa lura għal din it-tbatija tagħhom biex jaqdu dmirhom? Jidher li ma ħadu xejn għax is-sitwazzjoni politika li kienu qed jgħixu fiha kienet diffiċli. Arthom kienet okkupata mir-Rumani u lil dawk li ma kinux ċittadini Rumani kienu jisfruttawhom billi jiġbru ħafna taxxi mingħandhom. Dawn iċ-ċittadini tat-tieni grad, bħal Ġużeppi u Marija, kellhom ħafna dmirijiet imma ftit li xejn kienu jgawdu drittijiet. Din kienet inġustizzja kbira, għalhekk il-Lhud ta’ żmien Ġesù kienu ħerqana ħafna li jeħilsu mir-Rumani. Xi wħud ħasbu li Ġesù kien ser jeħlishom mill-ħakma tar-Rumani. In-nies ta’ żmien Ġesù ma kinux jgħixu f’ambjent demokratiku; għalhekk id-drittijiet tagħhom ma kinux qed jiġu mħarsa.
L-ambjent demokratiku jiddependi mill-bilanċ bejn id-drittijiet u d-dmirijiet. Fin-nuqqas ta’ dan il-bilanċ ikun hemm it-tbatija, għax iċ-ċittadini ma jkunux qed jieħdu dak li jkun ħaqqhom. Iċ-ċittadinanza trid tassigura l-ħajja ta’ kull individwu biex tiġi evitata t-tbatija.
Jekk, minkejja li inti ċittadin, tkun qed tbati, bħal meta ma jkollokx aċċess għall-edukazzjoni jew għas-servizzi tas-saħħa, jew issofri xi inġustizzja, allura ċ-ċittadinanza tiegħek ftit tkun tiswielek.
Għall-grazzja t’Alla s-sitwazzjoni tagħna f’pajjiżna u fl-Ewropa mhijiex hekk, għax aħna ngħixu f’ambjent demokratiku. Fil-każ tagħna aktar hemm il-periklu li ċ-ċittadini jistennew wisq minn pajjiżhom, jew mill-Unjoni Ewropea, mingħajr ma jagħtu sehemhom biżżejjed biex jissaħħaħ ambjent demokratiku li jfittex il-ġid ta’ kulħadd.
Il-mexxejja għandhom jagħmlu minn kollox biex il-benefiċċji li joħloq il-pajjiż u l-Unjoni Ewropea jaslu għand kulħadd sal-inqas wieħed u ma jkun hemm ħadd li jibqa’ mwarrab għall-ebda raġuni. Għandha tiġi eliminata kull forma ta’ diskriminazzjoni. Preferibbilment iċ-ċittadini kollha ma jkun jonqoshom xejn u jgħixu b’mod li jixraq lid-dinjità tagħhom ta’ bnedmin, ħolqien t’Alla u mifdija minn Kristu. Meta ħa n-natura tagħna l-bnedmin Ġesù kompla jgħolli d-dinjità umana, u wassal il-messaġġ li trid tiġi rispettata. Alla wera preferenza lejn l-imwarrbin għax l-aħbar tat-twelid ta’ Ġesù l-ewwel ma rċevewha kienu r-rgħajja, li kienu jgħixu fil-periferija tas-soċjetà.
Min-naħa tagħhom iċ-ċittadini għandhom jagħtu sehemhom biex is-soċjetà tilħaq l-iskop tagħha li tipprovdi l-ġid għaċ-ċittadini kollha fi ħdanha. Ġesù jgħallimna nagħmlu dan, għax il-messaġġ prinċipali tiegħu hu li nħobbu lil xulxin u ngħinu konkretament lil xulxin. Hu tana l-aqwa eżempju meta sar bniedem u ta ħajtu għalina.
Iċ-ċittadin tajjeb hu dak li ma jaħsibx fl-interessi tiegħu biss, b’tali mod li jara x’jista’ jakkwista mill-istat, imma mal-ġid tiegħu jfittex il-ġid taċ-ċittadini l-oħra. Anzi jekk ma jarax li sħabu ċ-ċittadini qed jgħixu kif jixraq lid-dinjità tagħhom, hu jaqbeż għalihom. Iċ-ċittadin tajjeb, barra li jaqdi dmiru bħal, ngħidu aħna, jibża’ għal pajjiżu u jikkontribwixxi billi jħallas it-taxxa ġusta, jagħti sehmu fil-volontarjat għall-ġid tal-oħrajn.
Jien inħeġġeġ lilkom żgħażagħ hawn preżenti u lill-Maltin u l-Għawdxin kollha biex tkunu ċittadini tajbin. Hu wieħed mid-doveri tan-Nisrani li jkun ċittadin tajjeb. Inħeġġiġkom ilkoll biex tkunu l-ewwel u qabel kollox Insara tajbin. Jien konvint li jekk tkunu Nsara tajbin, tkunu bilfors ċittadini tajbin, għaliex il-Vanġelu jgħallimna dawk il-valuri li għandna bżonn biex ngħixu flimkien fis-soċjetà u noħolqu ambjent demokratiku biex id-drittijiet ta’ kull ċittadin jiġu mħarsa.
Nixtieq il-Milied u s-Sena t-Tajba lil kulħadd, u nagħtikom il-Barka tiegħi.