Pope Benedict XVI

Tema: Migranti f’eta’ bikrija u refuġjati

Għeżież ħuti,

Iċ-ċelebrazzjoni tal-jum dinji tal-Migranti u Refuġjati għal darba oħra jagħtini l-opportunita’ li nesprimi it-tħassib tal-Knisja għal dawk li minħabba raġunijiet differenti jkollhom jesperjenzaw ħajja ta’ emigrazzjoni. Dan il-fenomenu li kif ktibt fl-enċiklika Caritas in Veritate jinkwetana minħabba l-għadd kbir ta’ nies li jinvolvi u minħabba l-problemi soċjali, ekonomiċi, politiċi, kulturali u reliġjużi li joħorġu mill-isfidi drammatiċi li qajjem kemm għall-kommunitajiet nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Il-migranti huwa persuna umana li għandu id-drittijiet sagrosanti u fundamentali li għandhom ikunu rispettati minn kulħadd u f’ kull ċirkostanza (cf. n. 62).

Is-suġġett ta’ din is-sena -“Migranti u refuġjati tfal”- jolqot aspett li l-insara jħarsu lejh b’interess kbir, billi jiftakru fit-twissija ta’ Kristu meta qal li, fil-Gudizzju Universali, dak li nagħmlu ma’ “l-iċken minn dawn iż-żgħar” (cf. Mt 25:40,45). U, kif jista’ jkun, li wieħed ma jqisx bħala l-iċken lir-refuġjati u migrant ż-żgħar. Kif naraw fl-evanġelju, Gesu stess meta kien tifel kellu jemigra biex jaħrab mit-theddid ta’ Erodi u flimkien ma’ Ġużeppi u Marija kellu jfittex refuġju l-Eġittu (cf. Mt 2:14)

Waqt li l-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal tgħid ċar u tond li l-interessi tat-tfal għandhom dejjem ikunu mħarsa (cf. Art. 3, 1), billi tqis id-drittijiet fundamentali tagħhom daqs dawk tal-kbar, sfortunatament dan, fil-prattika, mhux dejjem issir.

Għalkemm in-nies qed iżidu dejjem aktar l-għarfien għall-ħtieġa ta’ azzjoni aktar immedjata u inċisiva biex ikunu protetti, b’dan kollu, ħafna qed ikunu abbandunati u jirrisskjaw li, b’ħafna modi jkunu esplojtati. Il-mibki Predeċessur tiegħi, Gwanni Pawlu II kien semma l-qagħda drammatika li jgħixu fiha fil-Messaġġ li kien baghat lis-Segretarju  Generali tal-Ġnus Magħquda fit-22 ta’ Settembru 1990, fl-okkażjoni tal-Konferenza Dinjija tat-tfal.

“Jiena xhud tal-qagħda tal-biki ta’ miljuni ta’ tfal fil-kontinenti kollha. Huma l-iktar vulnerabbli minħabba li huma l-inqas li jistgħu isemmgħu leħinhom” (L’Osservatore Romano, Edizzjoni Ingliża, l-1 ta’ Ottubru 1990, p.13) Nispera, b’qalbi kollha, li tingħata attenzjoni xierqa lit-tfal migrant li jeħtieġu ambjent soċjali li jippermetti u jsaħħaħ l-iżvilupp tagħhom, fiżiku, kulturali, spiritwali u morali. Billi jgħixu f’ art barranija, mingħajr ma ħadd jieħu ħsiebhom, ta’ spiss jinħolqu ħafna tbatijiet u problem li kultant ikunu wkoll serji minħabba li jsibu ruħhom imċaħħdin mill-għajnuna tal-familja.

Aspett tipiku tal-migrazzjoni tat-tfal huwa ta’ dawk li jitwieldu fil-pajjiż li jilqagħhom u ta’ dawk it-tfal li ma jgħixux mal-ġenituri tagħhom wara t-twelid tagħhom u li jingħaqdu magħhom wara. Dawn iż-żgħazagħ jagħmlu parti minn żewġ kulturi, bil-vantaġġi u l-problemi kollha marbutin maż-żewġ ambjenti. Qagħda li wara kollox tista’ toffrilhom l-opportunita’ li jesperjenzaw il-ġid tat-tlaqqigħ ta’ żewġ tradizzjonijiet kulturali differenti. Huwa mportanti li dawn iż-żgħażagħ jingħataw il-possibilita’ li jattendu l-iskola u sussugwentement li jiddaħħlu fid-dinja tax-xogħol u li l-integrazzjoni soċjali tagħhom tkun mgħejjuna bi strutturi edukattivi u soċjali. Qatt ma għandu jintesa li l-adoloxxenza tikkostitwixxi fażi fundamentali mill-formazzjoni tal-persuna umana.

Kategorija partikolari tat-tfal hija dik ta’ dawk li qed ifittxu ażil, li minħabba għadd ta’ raġunijiet qed jaħarbu minn pajjiżhom fejn ma kinux qed jingħataw il-protezzjoni meħtieġa. L-istatistika turi li l-għadd tagħhom qed dejjem jikber. Dan huwa fenomenu, għalhekk, li jitlob evalwazzjoni għaqlija u aġir ko-ordinat b’ implimentar xieraq ta’ prevenzjoni, protezzjoni u lqugħ kif inhu stipulat fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-tfal (cf. Art. 22).

Issa ndur fuq parroċċi partikolari tal-Knisja u fuq għaqdiet Kattoliċi li, mogħnija bi spirtu ta’ fidi u mħabba, jitħabtu biex jaqdu l-ħtieġijiet ta’ dawn ħutna. Waqt li nesprimi l-gratitudni tiegħi għal dak kollu li qed isir b’ġenerożita kbira, nixtieq nistieden lil insara kollha biex ikunu konxji ta’ l-isfidi soċjali u pastorali li jitqajmu minn migranti u refuġjati tfal.

Il-kliem ta’ Kristu jidwi f’qalbna: “Kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35), kif ukoll il-kmandament ewlieni li ħallielna: li nħobbu l’ Alla b’ qalbna kollha, b’ ruħna kollha u b’ moħħna kollu, kif ukoll li nħobbu lill-proxxmu (cf. Mt 22: 37-39).

Dan iġgħelna li naraw li l-indħil konkret tagħna għandu l-ewwel nett ikun imqanqal mill-fidi fil-grazzja ta’ Alla u l-Providenza Divina. B’dan il-mod l-ospitalita’ u s-solidarjeta’ tagħna mal-barranin, speċjalment jekk dawn ikunu tfal, għandha tkun għajta ta’ Evanġelju ta’ solidarjeta’. Il-Knisja tagħti għarfien lil dan, meta tiftaħ idejha u tara li d-drittijiet tal-migranti u refuġjati jkunu rispettati, tixpruna l-kapijiet tal-ġnus u lil dawk responsabbli għal għaqdiet u istituzzjonijiet internazzjonali biex joħolqu inizjattivi xierqa għat-tisħiħ tagħhom.

Jalla l-Imqaddsa Verġni Marija tħarisna u tgħinna nifhmu l-problemi ta’ dawk kollha li huma involuti fid-dinja enormi tal-migranti u refuġjati. Naċċertakom mit-talb tiegħi u nibgħatilkhom, minn qalbi, il-Barka Apostolika.

Benedictus PP.XVI