Għeżież,

Għadna kemm smajna esperjenza sabiħa. Nieħu spunt minn dak li għidtu intom: ‘ il-futur ma nafuhx, nafu ħaġa waħda, li l-Mulej se jimxi magħnA’. Fil-każ tiegħi mexa miegħi meta dħalt fil-bidu tal-vokazzjoni, mexa miegħi meta kont saċerdot, mexa miegħi meta kont kappillan u naf li qiegħed jimxi miegħi bħala Isqof. U l-futur tagħkom huwa l-istess. Ma tafux x’inhu, imma tafu li Alla se jimxi magħkom.

Jiena xtaqt li naqsam daqsxejn ta’ ħsibijiet fuq din ir-realta’. Nixtieq nibda billi ngħid li jien hawnhekk m’inhiex qed nara koppji miżżewġa. Hawnhekk qed nara individwi, raġel u mara, li ħassew is-sejħa li jidħlu fis-sagrament taż-żwieġ. L-ewwel lezzjoni tal-lum, mill-ktieb tal-Profeta Isaija, bdiet hekk: “Alla l-Missier jixtieq li aħna naqduh u nwettqu l-missjoni tiegħu”. U intom individwalment lil Alla qed tgħidulu: ‘Mulej smajt bis-sejħa’. Nixtieq ninsisti fuqha li ladarba għażiltu s-sagrament taż-żwieġ, u mhux żwieġ u familja bla sagrament, ifisser li f’xi mument lil-Mulej għedtulu: ‘Mulej, jien il-mara tiegħi inħobbha, ir-raġel tiegħi inħobbu, imma kollox irid joħroġ mill-fatt li jien nixtieq naqdik’. Il-kwalita tar-relazzjoni ta’ bejnietkom mhix se tibda meta tiġu ma’ xulxin, imma tibda fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minnkom, li inti meta tkun waħdek, tgħidlu: ‘Mulej, se nagħti s-sehem tiegħi ħalli l-għaqda ta’ bejnietna tkun tista’ tikber’. Ftakru li kull problema taż-żwieġ ma tibdhiex l-ewwel fir-relazzjoni, imma tibda fil-qalb ta’ kull wieħed, jew ta’ xi ħadd li hemm fiż-żwieġ. Allura nibdew minn dan il-fatt: aħna qed nagħmlu r-rieda t’Alla l-Imbierek. U dan nixtieq ngħaqqdu ma’ fatt li llum qegħdin nisimgħuh ħafna u li jista’ jfixkilna: Ġesu iva, imma l-Knisja le.

Darba kien hemm waħda mara fuq ir-radju li qaltli: ‘it-tifla tiegħi qaltli li Ġesu iva imma l-Knisja le’. U jien niftakar it-tweġiba tiegħi kienet: ‘ħaġa tajba, nittama li t-tifla tiegħek qed tifhem li meta qed tgħid Ġesu iva ifisser li qed tagħmel dak li jrid Ġesu, li qed tħobb bħal Ġesu, li qed tagħmel dak li hu tajjeb skont Ġesu. Ma nistgħux inħallu din il-kelma tfixkilna billi nifirdu – u iva ’l Ġesu nafu, inħobbu, imbagħad ma nagħmilx u ma mmexxiex ħajti skont dak li qal il-Mulej Ġesu. U din hija dik li intom, kull wieħed – l-istess nerġa ninsisti – int u hu jew hi, individwalemnt tridu tgħixu qabel ma mbagħad ir-relazzjoni ta’ bejnietkom tkun tista’ tikber iktar.

X’ġara waqt is-sagrament taż-żwieġ fil-mument li għamiltu l-wegħdiet lil xulxin? Intom għidtu: ‘fit-tajjeb u fil-ħażin’. Nittama li intom fhimtu li dak il-ħin għamiltu att ta’ fiduċja. Att ta’ fiduċja li permezz tiegħu għidtu: ‘Mulej, jiġri x’jiġri, aħna se nadattaw lilna nfusna biex nibqgħu ngħixu l-imħabba’. Dak li tfisser! Mhux iċ-ċirkostanzi jiddeterminawli jekk nibqax ngħix fiż-żwieġ, le! Dak il-ħin għamiltulu wegħda ’l Mulej: ‘Mulej, jiġri x’jiġri, jien se nadatta ruħi biex nibqa’ nħobbu; ta’ ħdejja forsi qalli xi kelma li kienet daqsxejn iebsa, Mulej, kapaċi naħfer u kapaċi noqgħod attent’. U din nixtieq li tkun fil-qalb tagħkom illum. Intrabtu ma’ l-ewwel mument, il-kunsens. Illum, kultant is-soċjeta’ tgħidilna tintrabatx ma’ kunsens, imbagħad imxi skont iċ-ċirkostanzi. Le, mhux hekk. Intrabat mal-kunsens biex terġa tirritorna għalih u tgħidlu: ‘Mulej, minn dak il-kunsens mhux se nerġa niġi lura. Se nadatta ruħi fiċ-ċirkostanzi differenti imma nibqa’ fidil għal dak il-kunsens’. Dik tfisser il-fedelta fiż-żwieġ.

U dak li ġara dakinhar meta intom irċevejtu s-sagrament taż-żwieġ, intom irċevejtu lil min hemm ħdejkom b’dawl differenti. Għax dak il-ħin l-għarusa rċeviet l-għarus tagħha bħala don mingħand Alla l-Missier, u l-għarus irċieva l-għarusa tiegħu bħala don mingħand Alla l-Missier. Forsi ġieli smajtuni ngħidha u nerġa ngħidha issa: intom għandkom tlett kunjati; diġa tnejn wisq, aħseb u ara tlieta! It-tielet kunjatu huwa Alla l-Missier. U lilek se jistaqsik: ‘U r-raġel tiegħek kif ittrattajtu? U lil mara tiegħek kif ittrattajtha?’ Ir-relazzjoni ma tiġiex mall-ewwel fuq il-persuna li hemm ħdejja imma tiġi l-ewwel ma’ Alla l-Missier li tani dan id-don. Għax intom imsejħin biex tħobbu lil xulxin, mhux toqogħdu ma’ xulxin biss. Allura jien nissuġerixxi xi ħaġa oħra. Filgħodu, kif tqumu, hu jew hi, irringrazzjaw lill-Mulej għall persuna li hemm ħdejkom. Mhux bilfors jogħġbok kollox fih; forsi mnieħru jogħġbok u widnejh ma togħġbokx! Imma biex tiftakar li int ħadt pakkett sħih, għalhekk iżżewwiġtek u żżewwiġha u forsi anke d-difetti, mhux forsi, anke d-difetti tieghu! Ta kuljum ibdew il-ġurnata billi tirringrazzjaw lil Mulej: ‘Grazzi, Mulej tar-raġel/tal-mara.’ Taf għaliex? Għax inkella tibda tara biss id-difetti ta’ min hemm ħdejk. Araw jekk hux hekk. Kien hawn min hu mizzewweġ u ilu ħafna. Allura ibqgħu araw is-sabih li għalih intom kontu żżewwiġtu.

Ħsieb ieħor li xtaqt naqsam magħkom huwa: intom dan il-pjan kollu tridu tgħixuh fir-realta ta’ kuljum u hawn tiġi, biex ngħid hekk, l-isfida tagħkom, iċ-challenge tagħkom. Min jaf kemm tiftakru f’affarijiet oħrajn, min jaf kemm qalulkom affarijiet sbieħ! Ħa nfakkarkom f’xi ħaġa.

L-ewwel ħaġa, ftakru li dan huwa don li biex tħarsu, ma tistax tintelaq. Dan huwa don. L-imħabba tagħkom intom tridu tkunu attenti li ma jidħol xejn u ħadd biex ifixkilkom. Ħa ngħidilkom storja. Darba kien hemm waħda persuna, lanqas naf min hi; kienet ġiet darba u din kienet għadha tfajla imma kien hemm mument fejn xi ħadd ittantaha. Qed nagħmlu talba flimkien u t-talba tagħha kienet: ‘Agħmel, Mulej, li ma niltaqax ma’ raġel bħal dak’. Waqqaftha! Għidtilha: ‘mela inti ma tafx li hawn irġiel li kapaċi jippruvaw iwaqqgħuk fit-tentazzjoni?’ Biddilna t-talba. ‘Mulej, agħmel li niltaqa’ ma min niltaqa’ jien ngħid le jekk hemm xi ħaġa jew xi ħadd li se jfixkilni’. Għax inkella nkunu qed ngħixu ġo bozza li mhiex reali. Se ssibu minn jipprova jfixkilkom imma l-importanti dak li jkun hemm ġewwa fik. Mela t-talba għamluha: ‘Mulej, agħmel li xejn u ħadd ma jfixkilni milli nkompli ngħix din il-kelma tiegħek’.

It-tieni ħaġa, naħseb hi importanti niftakruha. Illum hemm il-kelma: irrid l-ispazju. Ħa niċċajta ftit magħkom. Fl-għerusija l-ħin kollu rridu nkunu flimkien u weekends, u ħmistax … Ħa nkun daqsxejn negattiv, meta tiżżewweġ: irrid l-ispazju! Inqalbet il-biċċa xogħol! Wara li tiżżewweġ, ma jfissirx li ma jkunx hemm tikka … imma l-iktar importanti hija li nkunu flimkien, mhux din il-kelma ‘rridu l-ispazju!’ Għax ir-relazzjoni trid paċenzja, trid ħin, inkella ma tistax tibniha; żewġ persuni qed jgħixu flimkien imma mhux qed ikun hemm dik li hija l-għaqda ta’ bejniethom.

Il-Mulej jkun jixtieq jgħinkom jekk tħallulu ċans. Storja oħra; kollha stejjer vera dawn. Darba kien hemm xi ħadd u ġie għandi, ġie jqerr, spiċċa u neżlin it-taraġ flimkien. U qalli ‘Father, illum ġejt inqerr u sejjer nitqarben wara tletin sena għax il-mara tiegħi ħallitni u l-lejla jew għada nixtieq immur biex ngħidilha biex forsi tirritorna’. U jien niftakar li r-reazzjoni tiegħi kienet din: ‘il-lejla jien nitlob miegħek’. Ma tagħmilx sens: tinsa ’l Mulej għal tletin sena, kollox waqa’ u mbagħad tistennih jagħmel miraklu? Mhijex dik ir-relazzjoni! Il-Mulej jixtieq jimxi ġurnata b’ġurnata miegħek meta tħallilu spazju u jdawlek. Illum għidt kelma mhux f’postha lil min hemm ħdejk. Ipprova itolbu maħfra. Jew min hemm ħdejk qal kelma mhux f’postha, aħfer illum mhux wara għaxar snin.

U ngħaqqad ma’ dak li qalu Alistair u Pamela. Hemm bżonn, ħuti, li taraw minn fejn se ssibu l-qawwa, il-ferħ, dak li bihom dħaltu fiż-żwieġ. Ħa npoġġiha f’dan id-dawl. Fuq ix-xogħol tagħkom, jew fil-post tad-divertiment, ma tħossux li kultant huwa diffiċli – allanqas hekk jgħiduli lili – kultant huwa diffiċli biex int tesprimi l-ferħ taż-żwieġ tiegħek? U min iwaqqgħek għaċ-ċajt, u min iwaqqa’ ż-żwieġ għaċ-ċajt! Kif tista’ tibqa’ tgħix il-ferħ tiegħek taż-żwieġ taħt dawk il-kundizzjonijiet? Allura x’iddeċidew li jagħmlu Pamela u Alistair? Li jkun hemm mument fejn niltaqgħu ma’ gruppi oħrajn, fejn niltaqgħu flimkien, ilkoll għandna l-ferħ taż-żwieġ u naqsmuh flimkien! Hemmhekk se jkollok il-qawwa biex imbagħad meta tmur fix-xogħol, jgħidu x’jgħidu! Għax tkun ħadt il-qawwa minn hemm, inkluż il-quddies tal-Ħadd. Kif tista’ ma tieħux vitamini u tippretendi li tibqa’ tgħix il-qawwa li ħadt mis-sagrament? Din hija – ippermettuli ngħidha bl-Ingliż self-defeating.

Nagħlaq bl-isbaħ definizzjoni taż-żwieġ. Darba kien hemm koppja li għaddew minn miscarriage. Kien mument diffiċli ħafna; illum għandhom it-tfal. U r-raġel ġie għandi u qalli hekk: ‘Father nixtieq ngħidlek xi ħaġa. Jiena lil-mara tiegħi la żżewwiġtha għalija, la żżewwiġtha għaliha imma żżewwiġtha biex inħobb lil Alla fiha. Ma żżewwiġthiex għalija għax inkella mal-ewwel infittex wiċċ ħaddieħor, għal gosti tiegħi. Ma żżewwiġthiex għaliha għax tista timradli u allura ma nibqax inħobbha. Iżżewwiġtha biex inħobb ’l Alla tiegħi. Qabel ma mmur norqod indur lejn il-Mulej ngħidlu: ‘Mulej, jekk il-mara tiegħi għidtilha kelma sabiħa, ħabbejtek. Jekk illum m’għidtilhiex kelma sabiħa, ma ħabbejtekx.’ Dan huwa l-idejal li intom tridu taħdmu għalih u li Alla kapaċi jagħtikom għax nafu li l-pjan tal-Mulej hu ħafna ferħ.

+ PAWLU CREMONA O.P.

Arċisqof ta’ Malta