Nhar l-Erbgħa 19 ta’ Jannar, 2011, il-Knisja Arċipretali tal-Floriana kienet mimlija b’insara minn ħafna denominazzjonijiet li nġabru flimkien għal Servizz Ekumeniku ta’ talb għall-Għaqda fost l-Insara. Ippresieda l-Arċisqof Pawlu Cremona OP, filwaqt li kienu preżenti ministri minn dawn il-komunitajiet: Kattolika, Rit Bizantin, Anglikana, Presbiterjana u Luterana. L-omelija tal-okkażjoni saret mill-Kanonku Anglikan Simon Godfrey, il-Kanċillier tal-Pro-Katidral ta’ San Pawl fil-Belt Valletta.

It-tema tas-servizz kienet “ħaġa waħda fit-tagħlim tal-Appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb” (Atti 2,42). Il-Kan. Simon Godfrey beda l-omelija tiegħu billu rrefera għall-ktieb ta’ William Dalrymple, From the Holy Mountain, li fih huwa jagħti stampa mill-aktar ħajja tar-relazzjonijiet xi kultant diffiċli fost l-Insara ta’ Ġerusalemm. Hu semma wkoll it-tbatijiet tal-Insara ppersegwitati fl-Art Imqaddsa, kif ukoll fl-Iraq u l-E[ittu.

Il-predikatur irrefera wkoll għad-diskors tal-Papa Benedittu waqt iż-żjara statali ta’ Settembru 2010 fir-Renju Unit meta kien Lambeth Palace, ir-residenza uffiċjali tal-Arċisqof ta’ Canterbury, kif ukoll għall-ewwel enċiklika tal-Papa, Deus Caritas Est, fejn jgħid hekk: “Aħna emminna fl-imħabba ta’ Alla – hekk in-nisrani jista’ jistqarr l-għażla fondamentali ta’ ħajtu. Bħala bidu għall-eżistenza nisranija m’hemmx xi deċiżjoni etika jew xi idea għolja, iżda hemm laqgħa ma’ ġrajja, ma’ Persuna, li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċiżiva”.

Agħfas hawn biex tniżżel ktejjeb maħruġ mill-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana fl-okkażjoni tal-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara 2011.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]