-
-
Is-Sibt 19 ta’ Novembru 2016, waqt it-tieni sessjoni tal-Assemblea Djoċesana 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna spjega l-viżjoni tiegħu għall-Knisja f’Malta b’rabta mat-tema tal-konverżjoni għall-pastorali tal-ħniena. Il-laqgħa saret fil-Katekumenju, il-Mosta.
Ispirat mill-kliem u l-kitbiet tal-Papa Franġisku u ta’ San Ġorġ Preca, l-Arċisqof saħaq fuq kemm l-Operaturi Pastorali għandhom ikunu dawk il-persuni li jiffaċilitaw il-grazzja u mhux jikkontrollawha. Fi kliem il-Papa Franġisku, mill-Evangelii Gaudium (prg. 270) l-Arċisqof tenna li għandna nidħlu fl-eżistenza konkreta tal-oħrajn, u b’hekk tingħaraf “kemm hi kbira il-qawwa tal-ħlewwa” fil-ħidma li tagħmel il-Knisja fix-xogħol pastorali.
L-Arċisqof fakkar minn kliem il-Papa li “l-Knisja mhix dwana”, dik li tikkontrolla x’dieħel u x’mhux, imma hija “d-Dar tal-Missier” li tilqa’ lil kulħadd.L-Arċisqof fakkar li l-istorja tal-Knisja f’Malta hija glorjuża fil-qadi tagħha, imma hija wkoll tqila għax kellha atteġjamenti li ma kinux ta’ tenerezza imma ta’ riġidità. Fil-ħidma pastorali li twettaq il-Knisja, għandha jkollha “qalb ħelwa li taħfer lill-għedewwa”, u f’mumenti ta’ kritika nġusta jrid ikollha risposta mansweta. Dan jitlob ukoll ħafna kontroll u umiltà, qal l-Arċisqof. “Persuna attiva pastoralment qatt m’għandha tiddejjaq li tkun sinjal li jmeruha”.
“Infittxu l-wiċċ ta’ Ġesù”
L-Arċisqof saħaq li l-operaturi pastorali jridu jfittxu wiċċ Kristu f’min għandu bżonn l-għajnuna, kemm spiritwali kif ukoll dik materjali. F’dan il-kuntest, l-Arċisqof wera l-apprezzament tiegħu lejn il-ħidmiet tal-Knisja fl-oqsma kollha, fejn tagħti s-sehem tagħha lil kategoriji diversi ta’ nies. L-Arċisqof tenna li l-Knisja trid tiġġedded kontinwament biex turi l-wiċċ ta’ Ġesù lid-dinja. Qal li fix-xhur li ġejjin ser issir ħidma biex tkun iktar preżenti fl-iskejjel. Semma li biex il-Knisja tilħaq liż-żgħażagħ, ma tistax tibqa’ tistenniehom jiġu l-Knisja u għall-quddies, imma trid tmur hi.
L-Arċisqof saħaq li dak li jgħid jew iwissi dejjem jgħidu b’imħabba u jemmen li l-imħabba tibqa’, u d-dawl fil-kuxjenza tal-bniedem twassal biex il-messaġġ jasal ukoll. Xi ħaġa li tbeżżgħu hija li jfixkel lil xi ħadd fil-mixja tiegħu. F’dan l-aspett huwa saħaq fuq l-importanza tas-smigħ, mhux biss minn Alla, iżda li wieħed jisma’ wkoll lil ħaddieħor. Huwa qal li wieħed għandu jakkumpanja lil ħaddieħor bi ħniena u empatija fil-mixja tiegħu.
Agħfas hawn biex tara r-ritratti kollha matul l-Assemblea Djoċesana 2016.
Segwi d-diskors ta’ Monsinjur Arċisqof fuq YouTube
Agħfas hawn biex issegwi ċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Arċisqof fuq YouTube u wara agħfas il-buttuna ‘Subscribe’. -
-
Ritratti/Filmat: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja