Pope John Paul II

Il-Vatikan żvela l-ħames attivitajiet ewlenin li se jikkostitwixxu l-beatifikazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Mejju li ġej, meqjusa madwar id-dinja kollha bħala ġrajja ekkleżjali kbira. Komunikat tal-Vatikan qal li s-Sibt, lejliet il-beatifikazzjoni, se jsir vġili bi preparazzjoni mit-8 sal-10.30pm f’Circus Maximus ta’ Ruma. L-attivita se tkun organizzata mid-djoċesi ta’ Ruma, preseduta mill-Vigarju tal-Papa f’Ruma, il-Kardinal Agostino Vallini. Il-Papa se jkun qed isegwi l-attivita b’link awdjo viżiv. Il-quddiesa tal-beatifikazzjoni se ssir il-Ħadd l-1 ta’ Mejju fi Pjazza San Pietru fl-10am, preseduta mill-Papa Benedittu XVI innifsu.

“Il-Parteċipazzjoni mhix se tkun b’biljetti individwali. L-aċċess għal Pjazza San Pietru u ż-żoni tal-madwar se jkun taħt is-superviżjoni tal-membri tas-sigurta. Wara l-quddiesa tal-beatifikazzjoni, il-fdalijiet tal-Beatu l-ġdid se jkunu għall-qima tal-fidili fil-Bażilika ta’ San Pietru, quddiem l-artal. Il-Vatikan qal li kulħadd se jingħata ċans jagħti din il-qima.

It-Tnejn 2 ta’ Mejju, imbagħad,  is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone se jippresiedi quddiesa ta’ radd il-ħajr fi Pjazza San Pietru fl-10.30am. Il-fdalijiet tal-Papa beatu ġdid imbagħad se jkunu trasferiti lejn il-Kappella ta’ San Sebastjan fil-Bażilika ta’ San Pietru, bl-attivita ssir privatament.