• Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta

    2 ta’ Ġunju 2017

    “Ħadd ma jista’ jgħid ‘Ġesù hu l-Mulej’ jekk mhux imqanqal mill-Ispirtu s-Santu” (1Kor 12, 3). Dan il-kliem qalu l-appostlu Missierna San Pawl f’ittra li kiteb lin-nies li kienu joqgħodu fil-belt ta’ Korintu ġewwa l-Greċja u għalhekk insejħulhom Korintin. Kif tafu, l-appostlu Missierna kien jibgħat xi ittri lill-komunitajiet li kien waqqaf. Waqqaf diversi komunitajiet fil-Greċja, bħalma għamel ukoll fit-Turkija, bħalma għamel ukoll f’Malta – lilna jekk bagħtilna postcard tlifnieha għax ma nafux fejn qiegħda – imma lil diversi nies kitbilhom xi ittri li baqgħu magħna u għadhom magħna sal-lum u parti mill-Bibbja.

    F’din l-Ittra, l-appostlu Missierna San Pawl, jgħid li n-Nisrani vera huwa dak li jilqa’ lil Ġesù ta’ Nazaret bħala l-Mulej. Ħa nispjega ftit. Aħna, fil-Milied, niċċelebraw it-twelid ta’ tarbija, u fl-ewwel tas-sena, tmint ijem wara, niċċelebraw meta lil din it-tarbija ħaduha s-sinagoga, għamlulha ċ-ċeremonja u tawha l-isem. Dit-tarbija nafu li l-isem li tawha kien Ġesù. Dan l-isem, Ġesù, bl-Aramajk ifisser “Alla jsalva” jew “Alla Salvatur” u għażlu l-anġlu Gabrijel, lill-Madonna, anke lil San Ġużepp, il-Mulej jgħidilhom “u semgħuh Ġesù” (Lq 1, 31). Mela huwa isem magħżul minn Alla għall-Iben tiegħu magħmul bniedem.

    Ġesù kien magħruf bħala Ġesù ta’ Nazaret mhux għax twieled Nazaret, għax hu twieled Betlehem, imma għaliex trabba Nazaret. F’Nazaret kiber, f’Nazaret tgħallem is-sengħa ta’ mastrudaxxa, bħalma kienet is-sengħa ta’ San Ġużepp, u minn Nazaret telaq biex imbagħad jagħmel tliet snin iħabbar is-Saltna ta’ Alla u jistieden għall-indiema.

    Hu beda jissejjaħ “Mulej” wara li rxoxta. Fil-Ġimgħa l-Kbira, m’ilux, għamilna t-tifkira ta’ dan Ġesù li ġie ttradut, arrestat, ittorturat, iflaġġellat, inkurunat bix-xewk, ikkundannat għall-mewt, mgħobbi bis-salib, imsallab, minfud fuq is-salib u midfun f’qabar.

    F’Ħadd il-Għid aħna fraħna għax il-qabar kien vojt. Il-Mulej kien irxxota. Il-Mulej! Dan Ġesù ta’ Nazaret li kien il-mastrudaxxa li, għal tliet snin, ħabbar is-Saltna ta’ Alla, fejjaq il-morda, keċċa x-xjaten, qajjem lit-tifla ta’ Ġajru mill-imwiet, qajjem lit-tifel tal-armla ta’ Najm mill-imwiet, qajjem lil Lazzru mill-imwiet, tliet persuni li Ġesù qajjimhom mill-imwiet! Fl-aħħar hu midfun, iqum mill-imwiet hu. U aħna hawnhekk nagħrfu li huwa il-Mulej, Kyrios. Imma huwa wkoll Christos, Kristu, il-Midluk jew il-Messija. Mela dawn huma żewġ titli “Mulej” u “Kristu” li aħna nagħtu lil Ġesù ta’ Nazaret għax fih nagħrfu li huwa l-Iben t’Alla magħmul bniedem, dak li rebah il-mewt. 

    U inti, biex taċċetta lil Ġesù f’ħajtek bħala s-Sid ta’ ħajtek, il-Mulej ta’ ħajtek, irid ikollok din il-qawwa li ġejja mill-Ispirtu s-Santu. Illum se tingħatalkom din il-qawwa, għeżież żgħażagħ, biex intom u tikbru – u qegħdin tikbru bis-sigħat, malajr – intom tkunu tistgħu tgħixu ta’ Nsara. Biex tgħix ta’ Nisrani llum, l-ewwel nett trid tagħżel lil Ġesù bħala l-Mulej tiegħek. Għax mhux biss tgħid “Ġesù hu l-Mulej”, mhux kwistjoni ta’ kliem, “ħadd ma’ jista’ jgħid ‘Ġesù hu l-Mulej’ jekk mhux imqanqal mill-Ispirtu s-Santu”.

    Tinsewx li fl-ewwel snin, imma anke llum, hemm nies li meta jgħidu din il-kelma jkunu qegħdin jikkundannaw lilhom infushom għall-mewt. Ħudu fejn hemm l-ISIS. Xi sentejn ilu kien hemm saċerdot żagħżugħ kien qed iqaddes fi knisja fl-Iraq, daħlu tal-ISIS u lilu u l-erba’ djakni li kienu qegħdin jgħinuh fil-quddiesa tawh għażla: jew issir Musulman, jew noqtluk, jew tiċħad lil Ġesù l-Mulej tiegħek, is-Sid ta’ ħajtek, jew tmut, noqtluk. Flimkien ma’ sħabu għażel li jkompli jgħid “Ġesù hu l-Mulej, Ġesù huwa s-Sid ta’ ħajti”. U qatluh.  

    Aħna ngħidu “miet martri”. Xi tfisser martri? Kelma mill-Grieg li tfisser xhud. U inti m’hemmx għalfejn iċċarrar d-demm biex tkun xhud ta’ Ġesù, biżżejjed tagħżel li tgħix ta’ nies u tgħix tajjeb. Issa intom u tikbru se jkollkom tagħmlu ħafna għażliet. Mhux se jkollkom dejjem il-parrinu jew il-parrina magħkom, lanqas lil ommkom u missierkom, tridu tagħżlu intom, minn issa! 

    Xi ħadd jiġi u joffrilek id-droga jgħidlek “din tieħu bużż biha, ħa nagħtiehielek b’xejn did-darba”. Ommok u missierek ma jkunux miegħek, lanqas il-parrinu jew il-parrina. Int kieku x’tagħmel? Se tagħżel li ċċedi għat-tentazzjoni?                                       

    Xi ħadd jistiednek biex tagħmel xi ħaġa ħażina, imqar tkun qed tilgħab logħba futbol u joffri li jixtrik. Jgħidlek “ittellifhilniex din, rebbaħħhielna, agħtina xi awtogowl, u nħalsek tajjeb, anzi ħa nibda nagħtik xi ħaġa tal-flus minn issa”. X’se tagħżel? Tgħid “u le, ma ninqabadx”. Il-ħażin dejjem nagħżluh meta nagħmlu dan ir-raġunament: “u le ma ninqabadx, ma jiġri xejn”. U veru, jista’ jiġri li l-ewwel, it-tieni, it-tielet darba ma jiġri xejn u tibda tħossha komda dik in-naqra bużż, dawk il-flus żejda fil-but. Imma inti ma tibqax il-bniedem tajjeb li xtaqt li tkun, il-ħażen jirkbek. Imma min  jgħid “Ġesù hu l-Mulej” irid jitlob din il-qawwa li l-Mulej jagħtikom illum bil-miġja tal-Ispirtu s-Santu fir-ruħ tagħkom, il-qawwa li tagħżlu t-tajjeb. 

    Kull wieħed u waħda minnkom għandkom talenti sbieħ li aħna napprezzaw u nixtiequ ngħożżu u niċċelebraw. “Hemm imbagħad diversi doni”. Dawn huma d-doni li l-Mulej takom: min jaf ipinġi, min jaf ikanta, min jaf, kif għidt, jilgħab il-futbol, min hu bravu fl-iskola, min jaf isajjar, min jixtieq ikun fil-moda, jew inkella mudell.

    “Hemm diversi doni imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu” (1Kor 12, 4). Tgħidli: “imma l-Ispirtu s-Santu se jgħini biex jiena nkun kok tajjeb?” jekk dik hija l-vokazzjoni tiegħek, li bit-tisjir tfejjaq in-nies, iġġibhom flimkien u tferragħhom mela dik il-vokazzjoni tiegħek, il-Mulej se jgħinek fil-vokazzjoni tiegħek, għaliex? Għax kulma tagħmlu meta l-Mulej ikun s-sid ta’ qalbek, se jkun sinjal ta’ mħabba.   

    Mhux biss imħabba lejn il-ġenituri tiegħek, lejn ħutek, jew inkella lejn is-sieħeb jew is-sieħba ta’ ħajtek, jekk dik hi l-vokazzjoni tiegħek taż-żwieġ, imma mħabba lejn il-proxxmu kollu. Tinsewx li llum l-Ispirtu s-Santu jagħtikom ukoll il‑qawwa u d-dehen biex tħobbu ta’ nies adulti u biex inti tħobb ta’ bniedem adult, trid tikkontrolla r-rabja tiegħek, l-egoiżmu tiegħek, l-għira tiegħek; hemm ħafna kontroll fl-imħabba vera.

    Nixteq ngħid kelma lill-parrini. Intom il-parrini ġejtu msejħa biex tkunu ta’ sapport lil dawn iż-żgħażagħ. Mela sostenn: li inti issostnihom billi titlob għalihom, tagħtihom pariri tajba, u fuq kollox eżempju tajjeb. Mela l-ewwel nett li inti titlob għall-filjozz jew il-filjozza, imqar tgħid is‑Sliema u l‑Qaddisa kuljum, tiftakar fihom fit-talb. Għax bejnek u bejn il-filjozz jew il-filjozza llum se jkun hemm rabta spiritwali. Intom mhux biss iz-zija jew il-ħabib tal-familja, jew iz-ziju, jew ħuh, imma inti l-parrinu, il-parrinu tal-Griżma. Mhux biss xhud li rċieva d-don tal-Ispirtu s-Santu, imma wkoll bniedem, bniedma li se tkun ta’ sapport biex il-filjozz, iż-żagħżugħ jew iż-żagħżugħa li rċevew l-Ispirtu s-Santu llum ikomplu jgħożżu dan id-don.

    Tieni: Is-sapport. Il‑parrinu jrid isegwi l-iżvilupp, il-formazzjoni, il-ħajja ta’ dawn iż-żgħażagħ tagħna. Ma nħalluhomx weħidhom, ma nħalluhomx weħidhom!

    It-tielet huwa l-eżempju. Immaġinak tinduna li issa li qed jikbru m’għadhomx jiġu quddies il-Ħadd u inti tgħidlu: “Mela m’għadekx tmur quddies?”. Hu jgħidlek: “inti tmur?”  U x’se tgħidlu? “Iva, mmur tas-siegħa ta’ billejl, tkun rieqed meta mmur jien”. X’se tgħidlu? L-eżempju! Intom tafu li ż-żgħażagħ tagħna jippretendu l-eżempju minna l-adulti.

    Jiena nitlob għalikom, nitlob ukoll għall-ġenituri, nirringrazzjahom li wasslu lil uliedhom għal dan il-pass importanti imma llum mhux iċ-ċelebrazzjoni li mbagħad lill-Knisja tgħidilha “bye, bye, imbagħad niltaqgħu meta niżżewweġ forsi, bye bye”. Mhux hekk. Jekk inti llum irċevejt l-Ispirtu qaddis tal-Mulej, se tirċievi wkoll is-sejħa li tkompli tisma’ l-kelma tiegħu, tqerr jekk għandek u meta għandek bżonn, u titqarben almenu darba fil-ġimgħa fil-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd. U din hi importanti li l-ġenituri jsegwu lil uliedhom imma wkoll jagħtuhom eżempju sabih.

    Nawguralkom ħafna. Minn hawn u ftit ieħor se nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija, nispera li nismagħkom iġġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija, u huwa ta’ ferħ kbir għalija li personalment nagħtikom id-don, is-siġill tad-don tal-Ispirtu s-Santu.

  • Ritratti: Photocity, Valletta