Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għażiż Arċipriet u membri tal-Kapitlu, kappillani, għeżież lajċi, nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom illejla. Nixtieq niġbed spunt minn dak li għidt inti. Hawnhekk se jkun post fejn hemm il-possibbiltà li nwettqu ħolma kbira tal-Papa Franġisku: li hawnhekk isir post, fejn ikun hemm djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet; dak li l-Papa jħobb isejjaħlu: djalogu interġenerazzjonali. Għax hawnhekk se jkun ukoll post aċċessibbli għal dawk li ilhom ħafna żgħażagħ – l-anzjani. Qed nieħu pjaċir li qed nara lift u dan jagħmel kuraġġ lilna l-anzjani li jkun post aċċessibbli. Hemm proprju din il-possibbiltà, li ninkorraġikom li tagħmluha din, li ż-żgħażagħ jisimgħu wkoll lill-anzjani, u li l-anzjani jisimgħu liż-żgħażagħ, li jkun hawn dan id-djalogu. Nawgura wkoll li għal dan il-post, jibqa’ jkun hawn żgħażagħ il-Belt; ma nafx kemm għad baqa’ minnhom. Imma anzjani żgur għandna.

Irid ikun hemm dan l-ambjent ta’ fiduċja reċiproka. Aħna qegħdin biex naqdu l-poplu ta’ Alla u l-ewwel pass hu li nafdaw lil xulxin.

Min jaf kemm hawn rakkonti fuq il-Belt, li ż-żgħażagħ huma għatxana għalihom. Dan id-djalogu hu importanti ħafna. Hawnhekk irid ikun mhux biss dar antika tal-futur, imma wkoll dar. Nixtieq ukoll li nikkumplimentakom tax-xogħol meraviljuż li sar fir-rijabilitazzjoni ta’ dan il-post, li hu eżempju ta’ kif l-arkitettura tipika tagħna, mhux inkissruha u nibnu minflokha, imma napprezzawha, nivalorizzawha u nagħmluha aċċessibbli biex tibqa’ titgawda fil-futur.

Ħadt pjaċir nitlob fil-kappella tal-adorazzjoni, ambjent li jiġbrok ħafna; għax kemm ilhom li għalqu is-Sagramentini, ma nafx fejn hawn adorazzjoni perpetwa il-Belt. Allura dan hu kontribut kbir li qed tagħti l-Parroċċa ta’ San Pawl. Ħadt pjaċir ninnota li hemm avviż biex kulħadd jitlob fis-skiet. Li wieħed jirrispetta s-silenzju.

Hawnhekk se jkun post fejn hemm il-possibbiltà li nwettqu ħolma kbira tal-Papa Franġisku: li hawnhekk isir post, fejn ikun hemm djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet; dak li l-Papa jħobb isejjaħlu: djalogu interġenerazzjonali.

Hu importanti li ż-żgħażagħ hawnhekk, mhux biss ikollhom formazzjoni, imma esperjenza ta’ knisja. Qed nieħu pjaċir ukoll li permezz tal-fondazzjoni, il-parroċċa, il-kapitlu, il-parroċċi l-oħrajn, qed jafdaw dan il-patrimonju f’idejn lajċi li għandhom il-kapaċitajiet u l-viżjoni u li qed iħossuhom afdati. Għax jekk ma nagħmlux hekk, din il-mixja sinodali li nieda l-Papa, u li aħna fid-Djoċesi bdejnieha fil-Covid is-sena li għaddiet, ma naslu qatt. Irid ikun hemm dan l-ambjent ta’ fiduċja reċiproka. Aħna qegħdin biex naqdu l-poplu ta’ Alla u l-ewwel pass hu li nafdaw lil xulxin.

Ambjent bħal dan irrikjeda ħafna investiment u hu wkoll frott ta’ investiment tas-soċjetà. Irridu nirringrazzjaw lill-entitajiet kollha. Kien hemm ukoll kooperazzjoni mill-istat biex dan kollu seta’ jsir. Dan ukoll hu monument għar-relazzjoni tajba ħafna mal-awtoritajiet lokali u governattivi. Dan irid ikun spunt fejn nagħtu messaġġ li flimkien u fl-għożża ta’ xulxin naslu.

Nawgura wkoll li ż-żgħażagħ u l-anzjani li jidħlu hawnhekk, ikomplu dejjem issibu dan l-ambjent li qed jilqagħna. Dan hu investiment kbir u b’manutenzjoni kbira wkoll għax trid toqgħod miegħu l-ħin kollu. Imma hu ġojjell għall-Parroċċa ta’ San Pawl. Apprezzajt ħafna Arċipriet, li semmejt lill-mexxejja, ir-ragħajja ta’ qablek; għax dan ukoll djalogu interġenerazzjonali, biex wieħed jibni fuq l-ieħor. Din hi xi ħaġa importanti. Ħafna drabi din nonqsu minnha li ngħidu grazzi. Pereżempju int introduċejtni mas-Sur Tonna, li wkoll hu istituzzjoni, daqskemm ifforma żgħażagħ. Illum qiegħed hawn magħna u qed jara żvilupp pastorali ieħor għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-anzjani fl-ambjent tal-parroċċa.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

More Photos >>