Fr Jimmy Bartolo, qal li l-57 organizzazzjoni li ressqu petizzjoni quddiem il-Parlament dwar il-liġi tal-kannabis ma kinux magħmulin biss minn għaqdiet tal-Knisja. Hu kien qed jirrappreżenta lill-Kulleġġ San Alwiġi, waqt konferenza stampa li kienet organizzata minn dawn l-organizzazzjonijiet.
Fr Bartolo kien qed jirreferi għall-allegazzjoni tal-Ministru għall-Innovazzjoni Owen Bonnici li l-maġġoranza tal-oppożizzjoni għal dan l-abbozz kienet ġejja minn għaqdiet tal-Knisja. Jikkwota direttament lill-Papa Franġisku, hu wissa li l-mewta tal-proċess demokratiku twassal għal dittatorjat.
Fr Edgar Busuttil, Paolo Frere Institute
“Il-liġi tal-kannabis mhix sinjal li l-leġiżlazzjoni hija progressiva” – psikjatra
Il-psikjatra Dr Aloisia Camilleri qalet li l-abbozz ta’ liġi dwar il-kannabis mhuwiex sinjal li din il-leġiżlazzjoni hija progressiva. Dr Camilleri, f’isem l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatrija, spjegat li l-bniedem ikun għadu qed jiżviluppa meta jkun għad għandu 21 sena u semmiet diversi studji li wrew kif il-konsum tal-kannabis iħalli impatt negattiv fuq il-moħħ.
Hi qalet li hemm aktar minn żewġ persuni fl-Isptar Monte Carmeli li għandhom problemi relatati mal-konsum tal-kannabis u li jekk din il-liġi tidħol fis-seħħ, se jkun hemm ferm aktar. Rigward is-suq illegali, hi sostniet li l-legalizzazzjoni tal-kannabis mhux ħa jwaqqfu imma li dan kapaċi jaddatta għal sitwazzjoni ġdida.
Multi jirdoppjaw jekk tinqabad tpejjep fil-pubbliku – Direttur tal-Caritas
Anthony Gatt, id-Direttur tal-Caritas, stqarr li l-multi għandhom jirdoppjaw għal min jinqabad ipejjep il-kannabis fil-pubbliku jew quddiem it-tfal.
Filwaqt li ħadd m’għandu jmur il-ħabs jekk jinqabad b’joint, Gatt sostna li l-Caritas mhix kontra d-dekriminalizzazzjoni tal-kannabis imma li hemm bżonn li jitnaqqas ir-riskju ta’ ħsara jekk wieħed ipejjep il-kannabis.
“Ma tistax tirregola l-użu imma tippromwovi l-użu responsabbli” – Fondazzjoni OASI
Noel Xerri, f’isem il-Fondazzjoni OASI, qal li l-Gvern qed jikkontradixxi lilu nnifsu meta jirregola l-użu tal-kannabis imma jippromwovi l-użu responsabbli.
Hu sostna li dan l-abbozz qed jipprova jimminima l-ħsara kkawżata mill-kannabis imma li qed jonqos milli jsemmi l-persuni li huma f’riskju kbir jekk jiġu f’kuntatt mal-kannabis. “Il-Gvern għandu jipprovdi mezzi oħra ta’ rikreazzjoni li ma jkollhomx effett negattiv fuq is-soċjetà,” appella Xerri.
“Il-Gvern inħataf minn ReLeaf” – Stephen Cachia
Stephen Cachia, f’isem l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja, allega li l-Gvern Malti nħataf mill-NGO ReLeaf li tippromwovi l-legalizzazzjoni tal-kannabis. Hu fakkar li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet ġew injorati u li dan l-abbozz se jħalli parti kbira mis-soċjetà f’riskju. Appella li għandha tinżamm id-distanza ta’ imqar kilometru mill-klabbs tal-kannabis għall-iskejjel u ċentri taż-żgħażagħ.
“Dan il-Gvern determinat li jgħaddi din il-liġi” – Joe Farrugia
Joe Farrugia, f’isem l-Assoċjazzjoni tal-Imgħallmin Maltin (MEA), qal li l-Gvern qed juri kemm hu determinat li jgħaddi din il-liġi, tant li njora r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-imsieħba soċjali. “F’pajjiżi oħra, l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-assenza żdiedu b’rabta mal-legalizzazzjoni tal-kannabis,” wissa Farrugia.
Il-firmatarji jappellaw għall-għeluq tal-petizzjoni
Il-firmatarji tal-petizzjoni qalu li l-petizzjoni għandha tingħalaq illum biex timxi skont il-linji gwida tal-Parlament. Huma qalu li dan l-abbozz għandu jkun diskuss b’mod urġenti qabel ma jsir il-vot fuqu t-Tlieta.
Skonthom, il-petizzjoni kien iffirmat minn aktar minn 8,000 persuna u li jinsabu konċernati li l-ebda rakkomandazzjoni msemmija minn kwalunkwe organizzazzjoni ġiet ikkunsidrata.
Sors: Newsbook.com.mt