L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Fejn insibu l-veru ferħ f’ħajjitna? Din hi mistoqsija li, anke jekk kultant ma ngħiduhiex bil-
kliem, ħafna drabi imma qiegħda f’moħħna u f’qalbna. Aħna nixtiequ li jkollna mhux il-
pjaċir li jgħaddi imma l-ferħ li jibqa’.
Ġesù llum fl-Evanġelju jwieġeb din il-mistoqsija, meta tela’ fuq il-muntanja u lid-dixxipli
qalilhom dawn li aħna nsejħu l-Beatitudnijiet, jiġifieri dak li tassew jista’ jġib il-ferħ fil-ħajja
tagħhom. Hawnhekk, meta jitkellem Ġesù, il-kliem tiegħu hu sabiħ. Imma meta semgħuh,
kien f’kuntrast ma’ dak li soltu kienu jisimgħu n-nies. Qal affarijiet li għalihom kienu ġodda,
u kienu qed jitolbu ħafna minnhom.
Dak hu li Ġesù jgħid ukoll lilna permezz ta’ dawn il-Beatitudnijiet, għaliex kif jgħid il-Papa
Franġisku, il-Beatitudnijiet huma “bħall-karta tal-identità tan-Nisrani” (Gaudete et exsultate, nru 63). Hemmhekk għandna dak li jista’ jġib il-ferħ f’ħajjitna. Li qed jgħid Ġesù ma jgħoddx biss għal xi ħadd jew xi wħud min-nies – pereżempju min hu mlaħħaq, jew min għandu
pożizzjoni, jew inkella xi tip ta’ nies. Li qed jgħid jgħodd għal kulħadd, għal kull min
verament irid jimxi warajh. Il-Papa Franġisku jgħid: din hi l-qdusija – meta aħna nkunu foqra
fil-qalb tagħna, jiġifieri mhux marbutin mal-ġid tagħna; meta aħna nġibu ruħna bi ħlewwa
mal-oħrajn; meta aħna nibku ma’ min jibki, nieqfu ma’ min qed ibati; meta aħna naħdmu bis-
serjetà u jkollna dak il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja; meta aħna nġibu ruħna, anke fi kliemna,
bi ħniena mal-oħrajn; meta ma nħallux li tittappan l-imħabba tagħna, għalhekk safja f’qalbna; u meta nnisslu l-paċi madwarna. Dawn nistgħu nagħmluhom, jekk aħna rridu nimxu wara Ġesù, u dawn iġibu tassew il-ferħ f’ħajjitna.
Ovvjament, huma f’kuntrast, bħalma kienu fi żmien Ġesù, ma’ dak li kultant nisimgħu.
Kultant ma nisimgħux bħalma qed jgħid Ġesù hawn, imma: henjin dawk li jkollhom ħafna,
henjin dawk li jakkwistaw ħafna; hieni int meta tgħaddi tiegħek, meta tgħid li jiġi f’moħħok
anke jekk il-kliem iweġġa’; hieni int meta tagħmel kif jagħmlu l-oħrajn. Dan hu kultant il-
messaġġ li nieħdu. Pereżempju, messaġġ popolari ħafna hu: henjin dawk li għandhom ħafna
‘likes’, taħt il-kummenti jew ir-ritratti. Għalhekk ikun tajjeb għalina li nirriflettu fuq il-kelma
ta’ Ġesù, u dak li jgħinna biex inkun tassew henjin.
Ġesù jaf li din kultant tfisser tbatija, meta nippruvaw nagħmlu dak li hu sewwa. Għalhekk,
jgħid hawnhekk: “Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa” u: “Henjin intom
meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra
tagħkom minħabba fija”. Aħna kultant nirraġunaw, ngħidu: Imma dan sewwa li tagħmel it-
tajjeb u taqlagħha fuq wiċċek? Hekk għandu jkun? Ġesù mhux qed jgħid li hekk għandu jkun,
mhux qed jgħid li sewwa, imma qed jgħid li tistennieha din jekk int verament tagħmel dak li
hu sewwa. U jgħid iktar. Jgħid: “ifirħu u thennew”. Ma jgħidx biss: toqogħdux tilmentaw u
titħassru lilkom infuskom. Imma jgħid “ifirħu u thennew”. Tifraħ u tithenna mhux għax l-
affarijiet jiġu ħażin, jew għax ikun hemm min qed qed jagħmel il-ħażen u min qed
jippersegwitak għax qed tagħmel it-tajjeb, imma tifraħ u tithenna għax qed tagħmel it-tajjeb
minkejja t-tfixkil. Hemm li għandek tifraħ u tithenna.
Nitolbu lill-Mulej li aħna nkunu dejjem ispirati minn dawn il-Beatitudnijiet. Jagħtina l-ispirtu
tiegħu ħalli aħna nkunu tassew fil-paċi tiegħu u jkollna f’ħajjitna mhux il-pjaċir li jgħaddi
imma l-ferħ li jibqa’.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju