L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fi żmien il-profeta Elija s-sinjal tal-grazzja t’Alla kienet ix-xita, u nistgħu ngħidu li l-Mulej berikna wkoll. Qed niftakar meta sar qaddis San Ġorġ Preca; iżjed ma tlabna biex tieqaf ix-xita, iżjed għamlet.

Illum Ġesù jinnota mara armla li meta naqra dan l-Evanġelju, dejjem nikkomwovi ruħi għax nifhem li meta raha, meta nnutaha, Ġesù ħaseb f’ommu li dak iż-żmien kienet armla. Il-Madonna kienet tilfet lil żewġha Ġużeppi, skont tradizzjoni kostanti tal-Knisja. U meta kien jara mara armla, Ġesù mhux biss kien iħoss għal dik il-mara imma jiftakar mill-ewwel f’ommu li hu ħalla. Kien mastrudaxxa, ħalla lil ommu tiddependi mill-qraba tagħhom, ma baqax jgħajjixha hu biex jagħmel il-missjoni tiegħu. Nimmaġina li anke l-Madonna, meta riedet toffri xi ħaġa għat-tempju, ma kellhiex ħafna flus; kienet bħal dik l-armla fqajra li tat kulma kellha.

Għall-Mulej mhux kemm tagħti imma b’liema qalb tagħti, anke fl-imħabba. Hawnhekk qegħdin f’ċimiterju fejn il-qraba tagħna, il-maħbubin tagħna, huma midfunin. Imma dawk li qegħdin magħna, kif qed nitrattawhom? Meta jmutu, niġu hawnhekk nagħmlulhom il-fjuri fuq l-oqbra, imma l-fjuri tal-imħabba qed nagħtuhom lil xulxin meta nkunu għadna ħajjin? U kif qegħdin nagħtuhom? Mhux x’tagħti imma kemm tagħti. Il-Mulej jgħinna nifhmu din il-ħaġa.

Hawnhekk niġu nagħmlulhom il-fjuri fuq l-oqbra meta jmutu, imma l-fjuri tal-imħabba meta għadna ħajjin, qed nagħtuhom lil xulxin? U kif qegħdin nagħtuhom?

Il-Mulej ukoll igerger għal dawk li jużaw ir-reliġjon biex jagħmluha tal-bravi iżjed minn ħaddieħor. Dil-ħaġa kienet tweġġagħlu qalbu ħafna ’l Ġesù. Anke meta ra ħafna nies qed jitfgħu ħafna flus, ma impressjonax ruħu. Imma impressjona ruħu b’dik l-armla li tat ftit u jgħid: “tat kulma kellha” (Mk 12:44).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Slat 17:10-16
Salm: 145(146):7,8-9a,9bċ-10
Qari II: Lhud 9:24-28
Evanġelju: Mk 12:38-44