L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù huwa interessat ħafna li l-mexxejja tal-poplu Lhudi jifhmu min hu u jistedinhom biex jaċċettawh. Dan huwa messaġġ li aħna se nisimgħuh f’dan il-Ħadd u fiż-żewġt Iħdud li ġejjin. Il-Mulej jinsisti man-nies ta’ żmienu, b’mod speċjali mal-mexxejja, u jċċaqilqilhom ftit il-kuxjenza.

Illum isemmilhom il-fatt li Ġwanni ġie jħabbar it-triq tal-ġustizzja. Ifakkarhom kemm Alla huwa mħabba, kemm Alla huwa fidil iżda huma ma emmnuhx. Hu jgħidilhom li l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh (ara Mt 27:32). Ġesù għaliex jagħżel dawn iż-żewġ kategoriji? Huma kategoriji li nagħtu aħna lin-nies. Alla ma joħloqx Pubblikani; Alla ma joħloqx prostituti jew nisa tat-triq. Aħna nagħmlu hekk lin-nies.

Mhuwiex interessat fit-tikketti li noħolqu aħna. Il-Mulej iħares lejn il-qalb.

Il-pubblikani huma qaddejja tas-sistema inġusta ta’ taxxa — qed ngħid fi żmien Ġesù — u l-prostituti nagħmluhom aħna. Mhuwiex interessat fit-tikketti li noħolqu aħna. Il-Mulej iħares lejn il-qalb. Imma lil dawn ixebbagħhom man-nies, ovvjament għax qalu ‘iva’ meta ltaqgħu mal-imħabba ta’ Alla, ma’ dak li l-ewwel qal ‘le’, forsi bl-istil ta’ ħajja li għażel jew li sab ruħu fiha jew li sabet ruħha fiha. Imma mbagħad fil-laqgħa tal-imħabba ta’ Alla l-ħajja tinbidel. Għax l-istedina li taħdem fl-għalqa tad-dwieli hija stedina biex inti jkollok sehem mill-proġett ta’ Alla li huwa proġett ta’ mħabba.

Id-dielja hija propju l-Poplu tal-Mulej. Li taħdem fl-għalqa tad-dwieli jfisser tkun qaddej tat-teżor prezzjuż li għandu l-Mulej, li tagħmel parti mill-familja tiegħu. Il-Mulej jagħmel din il-proposta lil uliedu kollha. Ikun hemm min jgħidlu ‘iva’ imma ma jidħolx f’dan l-ispirtu ta’ ħniena u mħabba; ikunu hemm min jgħidlu ‘le’ b’mod anke konkret, imma mbagħad — bħalma għamlu l-pubblikani u n-nisa tat-triq meta semgħu lil Ġwanni —jiskopru din is-sejħa għall-konverżjoni, għall-bidla tal-ħajja jgħidu ‘iva’.

“Ma biddiltux il-fehma tagħkom, ma emmintux” (ara Mt 21:33). Il-Mulej ħerqan ħafna jurina kemm hu qawwi fil-ħniena tiegħu. Kemm togħġobni din it-talba li għadna kemm tlabna fil-bidu tal-quddiesa: “O Alla inti tagħtina l-aqwa xhieda tas-setgħa tiegħek bla tarf billi taħfrilna u tħenn għalina”. Il-ħniena ta’ Alla, skont din it-talba sabiħa tal-Knisja f’dan is-26 Ħadd ta’ matul is-sena, hija prova kbira tal-qawwa tiegħu tal-għaġeb. L-aqwa xhieda tas-setgħa tiegħu bla tarf!

Hu proprju għalhekk li fis-Salm illum tlabna: “Ftakar fil-ħniena u fit-tjieba tiegħek” (S 24:6). Mela qed ninterpellaw il-memorja tal-Mulej għax Alla meta jiftakar, jagħmel dak li jiftakar. “Tiftakarx fil-ħtijiet u fid-dnubiet ta’ żogħżiti” (S 24: 7). Alla, meta ma jiftakarx, joħloq mill-ġdid. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nafdaw fil-memorja tal-Mulej, li taf tiftakar il-ħniena u taf tinsa d-dnubiet.

Illum il-Ħadd, kif tafu, il-Knisja tfakkar il-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati. Dan il-Ħadd, dan il-jum dinji, ilu jsir għal 106 darba u kien bdieh il-Papa Piju X. Fil-messaġġ tiegħu għal din is-sena, il-Papa Franġisku jfakkarna li Ġesù tarbija kellu wkoll jaħrab minn pajjiżu u jmur refuġjat fl-Eġittu. “Bħal Ġesù mġiegħla jaħarbu”. Il-Papa jfakkarna f’erba’ atteġġjamenti li għalija huma l-mod kif meta jsejħilna nidħlu u naħdmu fil-għalqa tiegħu, fid-dielja tiegħu. B’mod speċjali aħna l-Maltin irridu ngħidulu ‘iva’. Faċli ngħidulu ‘iva’ għal kollox imma mbagħad, meta niġu biex nilqgħu ’l ħutna kif jixtieq, dik ‘le’, naħarbu minnha. Il-‘le’ ma ngħiduhiex bil-kliem imma bil-fatti. “Nilqgħu, nipproteġu, nippromwovu, nintegraw”.

Fil-bidu semmejt l-eżempju sabiħ ta’ din il-parroċċa għażiża ta’ Ħal Balzan. F’din il-parroċċa jgħixu 100 migrant milqugħa bix-xogħol tant sabiħ li tagħmel il-Kummissjoni Emigranti. Hawnhekk għandna lil Mons. Philip Calleja, lil Mons. Alfred Vella li huwa d-Direttur tal-Kummissjoni Emigranti, u għandna wkoll lil Patri Philip Cutajar OFM Cap. u Dun Anton D’Amato li huma kollha kollaboraturi f’din il-missjoni importanti li nilqgħu lil ħutna l-migranti. Nixtieq nirringrazzja wkoll lil Mons. Karm Farrugia, il-kappillan ta’ din il-parroċċa, li tant jgħin lill-komunità.

Tifhmu kemm huwa importanti li niċċelebraw lil omm Ġesù, li laqgħet il-Kelma ta’ Alla fil-ġuf tagħha. Din id-disponibbiltà tal-Madonna issa tinżel fostna billi nilqgħuh f’ħutna. Fil-fatt, il-Papa għandu kelma kommoventi li tfisser din l-akkoljenza: Le persone spostate. Dawn huma dawk li jkollhom jaħarbu minn pajjiżhom jew mill-post fejn qegħdin jiġu ttorturati u msawta, bħalma hu l-Libja, u “joffrulna din l-opportunità li niltaqgħu mal-Mulej, ‘avolja għajnejna jsibuha tqila li jagħrfuh: ħwejġu mqattgħin, saqajh maħmuġin, wiċċu sfigurat, ġismu midrub, ilsienu ma jistax jitkellem il-lingwa tagħna’ (Omelija, 15 ta’ Frar 2019). Aħna msejħin biex inwieġbu għal din l-isfida pastorali bl-erba’ verbi li jiena ndikajt fil-Messaġġ tiegħi għal dan il-Jum fl-2018: nilqa’, nipproteġi, nippromwovi u nintegra”.

Ħafna drabi nittarrxu għall-għajta ta’ dawn ħutna.

Il-Papa jżid sitt pari ta’ verbi li jispjegaw eżattament xi jrid ifisser. L-ewwel nett hemm bżonn nagħrfu biex nifmhu, hemm bżonn nagħrfu d-dinijità ta’ ħutna u nifhmu eżattament it-tbatija li għaddejjin minnha. Hemm bżonn nersqu lejhom u mhux nitbiegħdu minnhom biex inkunu nistgħu naqduhom, bħalma qed tagħmel din il-parroċċa għażiża. Hemm bżonn nirrikonċiljaw ruħna billi nisimgħuhom. Ħafna drabi nittarrxu għall-għajta ta’ dawn ħutna.

Hemm bżonn nikbru billi naqmsu mal-oħrajn. Din tgħodd anke għalina. Ħafna drabi — anke f’dan il-kuntest ta’ pandemija — it-tentazzjoni hija li ningħalqu fina nfusna mhux biss bħala pajjiż imma anke bħala individwi u familji. Ġustament nixtieq nagħtu kelma ta’ sapport għall-awtoritajiet tagħna li fuq livell Ewropew jinsistu fuq is-solidarjetà tal-pajjiżi kollha. Nixtieq nirringrazzja lill-kapijiet tagħna li fl-Ewropa jkunu vuċi soda u jfakkru ’il-pajjiżi l-oħra li dan huwa piż li ma nistgħux nerfgħuh weħidna imma rridu nerfgħuh ilkoll flimkien.

“Irridu ninvolvu,” jgħid il-Papa, “biex nippromwovu”. Ma jistax ikun li aħna nagħmlu kollox mill-bogħod: ‘U iva, imbagħad jieħdu ħsiebhom’. Imma jiena x’qiegħed nagħmel, anke bil-kliem tiegħi? Jista’ jkun li jien m’għandix il-possibbiltà nagħmel ħafna affarijiet imma nista’ ngħid kelma ta’ ġid jew inkella nrażżan kelma iebsa. Ħafna drabi, meta nitkellmu fuq dawn ħutna, qegħdin nużaw kliem iebes tassew.

Hemm bżonn nikkolaboraw biex nibnu. Kemm tkun ħaġa sabiħa li l-akkoljenza tagħna ma tfissirx li qegħdin hawn u se nissapportukom jew nittollerawkom, imma li nilqgħukom biex nibnu d-dar komuni flimkien.

Meta l-Mulej jistieden lili u lilek biex naħdmu fl-għalqa tal-imħabba tiegħu, fl-għalqa tad-dwieli tiegħu, biex miegħu nkunu ambaxxaturi tal-ħniena, se ngħidulu ‘iva’ bil-kliem u ‘le’ bil-fatti? Jew għalkemm xi darba għednielu ‘le’ se nimxu warajh u nbiddu ħajjitna u naħdmu miegħu?  “Triqatek, Mulej għarrafni, mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni. Ftakar u fakkarni fil-ħniena u t-tjieba tiegħek” (S 24: 4-5).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 18, 25-28
Salm: 24 (25), 4-5.6-7.8-9
Qari II: Fil 2, 1-5
Evanġelju: Mt 21, 28-32


Agħfas hawn taħt għall-quddiesa sħiħa

More Photos >>