L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek” (Lq 1:28). F’dan il-kliem, speċjalment meta l-anġlu jsejjaħ lil Marija “mimlija bil-grazzja”, għandna t-tifsira tal-festa kbira li niċċelebraw illum – l-Immakulata Kunċizzjoni. Din hija waħda mill-meravilji li Alla għamel fl-Istorja tas-Salvazzjoni: li lil Marija ħelisha mid-dnub tan-nisel, sa mill-ewwel mument. U għamel dan biex lilha jħejjiha ħalli hi tista’ tilqa’ lil Ġesù fiha bl-aħjar mod.
Aħna u niċċelebraw illum din il-festa tat-tnissil bla tebgħa ta’ Marija, nixtieq li naħsbu ftit din l-Omm tagħna x’tgħidilna għall-ħajja tagħna llum.
Ċelebrazzjoni tal-ħajja
Ħa nibda l-ewwel bil-kelma “tnissil”. Hawnhekk qed niċċelebraw, fil-festa tal-lum, it-tnissil ta’ Marija. Fl-Evanġelju smajna t-tnissil ta’ Ġesù. L-enfasi li hawn f’din il-festa tal-lum hi proprju fuq iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja. L-ewwel ħaġa li nixtieq li aħna nagħrfu f’din il-festa hi ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja li tibda mill-ewwel mument – mit-tnissil. Għandna l-festa tat-tnissil: il-bidu tal-ħajja ta’ Marija.
Meta niċċelebraw l-Immakulata Kunċizzjoni, kull darba qed nagħmlu stqarrija li nemmnu li l-ħajja tibda mat-tnissil. Mhijiex il-festa llum ta’ ftit ċelloli li kienu mingħajr tebgħa, imma tat-tnissil ta’ Marija mingħajr tebgħa, għax il-ħajja tagħha, bħal ta’ kull bniedem ieħor fid-dinja, tibda mat-tnissil. Għalhekk illum l-ewwel nett hi ċelebrazzjoni tal-ħajja. Kull darba li niċċelebraw din il-festa qegħdin nerġgħu naffermaw li aħna ngħożżu l-ħajja sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha.
Ċelebrazzjoni tas-sbuħija
It-tieni punt hu dan: illum hi ċelebrazzjoni tas-sbuħija. Aħna qed niċċelebraw lil Marija li tnisslet mingħajr dnub u li baqgħet tagħmel dejjem din l-għażla f’ħajjitha, u għexet mingħajr tebgħa ta’ dnub. Dan ifisser li hemm hi s-sbuħija fil-ħajja tagħna: meta aħna nwarrbu d-dnub.
F’Marija naraw l-isbaħ – is-sbuħija fil-milja tagħha. Kemm hi importanti din għalina li kull darba niftakru li aħna f’ħajjitna nixtiequ dak li hu sabiħ, imma kultant bi żball nagħżlu dak li mhux sabiħ, dak li fil-fatt hu ikrah u jġib il-kruha fil-ħajja. Illum din iċ-ċelebrazzjoni tas-sbuħija tfakkarna fl-għażla li għandna dejjem nagħmlu, li nagħżlu dak li jrid Alla minna, dak li hu sabiħ, dak li fil-fatt jagħmel il-ħajja tagħna u tal-oħrajn sabiħa.
Ċelebrazzjoni tal-umiltà
Minbarra tal-ħajja u tas-sbuħija, illum hi wkoll ċelebrazzjoni tal-umiltà. Kull meta naraw lil Marija, sa mill-ewwel mument tal-ġrajja tagħha bħalma naraw fl-Evanġelju, dejjem naraw din il-persuna umli li kienet lesta tilqa’ mingħand Alla dak li ried minnha għall-ħajja tagħha.
Innutaw: meta l-anġlu qalilha “sliem għalik, mimlija bil-grazzja”, x’għamlet? Tkabbret? Telgħalha għal rasha? Ma għamlet xejn minn dan. Anzi l-Evanġelju jgħid li “tħawdet ħafna” (Lq 1:29) – għax tant ratha ħaġa kbira għaliha, hi li kienet tant umli.
Tħawdet meta l-anġlu qalilha “mimlija bil-grazzja” (Lq 1:28), mhux wara li qalilha, aktar ’il quddiem, “int se jkollok iben u ssemih Ġesù” (Lq 1:31). Diġa kienet tħawdet b’dan li qalilha l-anġlu, proprju għax hi kienet persuna umli.
Alla jaħdem permezz tal-umli, permezz ta’ dawk in-nies li ma jitkabbrux, ma jarawx lill-oħrajn dubbien, imma kapaċi jagħrfu li Alla jrid li jilqgħuh f’qalbhom biex imbagħad jistgħu jgħadduh lill-oħrajn. Marija, għax kienet umli, kienet il-persuna li laqgħet lil Ġesù fi ħdanha, u li mbagħad wasslitu lill-oħrajn.
Għalhekk illum hi ċelebrazzjoni kbira. Nixtieq li nagħmlu din it-talba, speċjalment lil din l-Omm tagħna, li Ġesù tahielna bħala Ommna. Nitolbuha biex iżżomm lilna dejjem taħt il-ħarsien tagħha.
O Marija, żomm idi f’idejk, biex int takkumpanjani fil-mixja tal-ħajja tiegħi, u tkun Omm li dejjem tgħallimni kif niċċelebra l-ħajja, kif niċċelebra s-sbuħija, u kif niċċelebra l-umiltà li permezz tagħha Alla jagħmel ħwejjeġ kbar.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju