Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa t-tajba!

Illum, solennità tal-Kunċizzjoni Immakulata, l-Evanġelju jagħtina x-xena tat-Tħabbira tal-Anġlu (cfr Lq 1,26-38). Din ix-xena turina żewġ atteġġjamenti ta’ Marija li jgħinuna nifhmu kif hi għożżot id-don uniku li rċeviet, dak ta’ qalb ħielsa għal kollox mid-dnub. Dawn l-atteġġjamenti huma l-istagħġib għall-opra t’Alla u l-fedeltà fl-affarijiet sempliċi.

Naraw l-ewwel l-istagħġib. Lil Marija l-Anġlu jgħidilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja: il-Mulej miegħek” (v.28) u l-evanġelista Luqa jinnota li l-Verġni Marija “tħawdet ħafna u bdiet titħasseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima” (v. 29). Tibqa’ mistagħġba, mifxula: tħossha mistagħġba meta tisma’ l-anġlu jgħidilha li hi “mimlija bil-grazzja” – il-Madonna umli – jiġifieri mimlija bl-imħabba t’Alla. Hu atteġġjament nobbli: li taghraf tistagħġeb quddiem id-doni tal-Mulej, qatt ma teħodhom “for granted”, tapprezza l-valur tagħhom, tithenna bil-fiduċja u t-tenerezza li dawn iġibu magħhom. Huwa importanti wkoll li tingħata xhieda ta’ dan l-istagħġib anki quddiem l-oħrajn, titkellem bl-umiltà dwar id-doni ta’ Alla, tal-ġid li rċevejt u mhux biss dwar il-problemi tal-ħajja ta’ kuljum. Inkunu aktar pożittivi.  Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: naf nistagħġeb bl-opri t’Alla? Jiġri li xi kultant inġarrab l-istagħġib u naqsmu ma’ ħaddieħor? Jew dejjem infittex l-ikraħ, dak li jnikkitni?

U niġu għat-tieni atteġġjament: il-fedeltà fl-affarijiet sempliċi.  Qabel it-tħabbira, l-Evanġelju ma jgħid xejn dwar Marija. Jippreżentahielna bħala tfajla sempliċi, fid-dehera waħda bħal ħafna oħrajn li kienu jgħixu fil-villaġġ tagħha. Żgħażugħa, li propju minħabba s-sempliċità tagħha żammet safja dik il-Qalb Immakulata, li biha, bil-grazzja t’Alla, kienet imnissla. Dan ukoll huwa importanti għax biex nilqgħu id-doni kbar ta’ Alla hu deċisiv li nagħrfu ngħożżu dawk tal-ħajja ta’ kuljum li ftit li xejn jidhru, huma apparixxenti. 

U preċiżament bil-fedeltà tal-ħajja ta’ kuljum fit-tajjeb li l-Madonna ħalliet id-don ta’ Alla jisseddaq fiha; hekk tħarrġet biex twieġeb lil Mulej, biex tgħidlu “iva” b’ħajjitha kollha.

Allura nistaqsu: jien nemmen li fis-sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum, bħalma hi l-mixja spiritwali, l-aktar importanti hi l-fedeltà lejn Alla? U jekk dan nemmnu, insib ħin biex naqra l-Evanġelju, biex nitlob, biex nieħu sehem fl-Ewkaristija u biex nirċievi l-maħfra, biex nagħmel xi att konkret u gratwit ta’ servizz? Huma dawn l-għażliet żgħar ta’ kuljum, għażliet deċiżivi biex nilqa’ l-preżenza tal-Mulej fijja.

Marija Immakulata tgħinna nistagħġbu bid-doni ta’ Alla u biex inwieġbu għalihom b’ġeneorożità fidila ta’ kuljum.

Sors: laikos.org