L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jibda bi djalogu fejn jistaqsi lid-dixxipli tiegħu li qegħdin f’inħawi pagani, Ċesarija ta’ Filippu, lil hinn mill-folol, u jistaqsihom x’qed jgħidu fuqu n-nies.

“Min jgħidu n-nies li hu Bin il-Bniedem?” (Mt 16:13). It-tweġiba tad-dixxipli tindikalna li l-fama ta’ Ġesù kienet fama mhux biss ta’ qdusija imma ta’ awtorità. Semmewlu ’l Ġwann il-Battista, lil Elija, lil Ġeremija, wieħed mill-profeti (Mt 16:14). Imma Ġesù jrid iwassalhom għall-mistoqsija iżjed importanti, fundamentali li jagħmel ukoll lili u lilek illum. “Intom min tgħidu li jien?” (Mt 16:15).

Għaliex hija importanti din il-mistoqsija ta’ Ġesù? Għaliex dak li aħna ngħidu l-fidi tagħna huwa propju r-risposta għad-domanda: imma Ġesù min hu għalija? Ġesù llum jagħmlilna din id-domanda: Intom min tgħidu li jien?

Jaqbeż Xmun bin Ġona — San Mattew jgħidilna Xmun Pietru u jantiċipa l-isem li se jagħtih Ġesù — u jgħidlu: “Inti l-Messija, bin Alla l-ħaj” (Mt 16:15). Għal raġel Lhudi, il-messija kien dak kollu li l-Mulej wiegħed, il-persuna li kienu qegħdin jistennew biex jeħilsu mill-jasar tagħhom. Ġesù għandu bżonn jibda jgħallem minn dan il-mument min hu l-messija li jibgħat Alla, u mhux bilfors dak li nixtiequ aħna.

Imma Pietru jżid xi ħaġa oħra importanti. Lil Ġesù jgħidlu: “Int Bin Alla l-ħaj”. U allura Xmun jagħraf lil Alla bħala Missier Ġesù għax uża l-kelma ‘iben’. Hija xi ħaġa li Ġesù wkoll jikkonferma meta jgħidlu: “Mhux bniedem tad-demm u l-laħam urik dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 16:17).

Ġesù jikkonferma l-identità tiegħu imma jikkonferma wkoll li hu Iben il-Missier li hu fis-smewwiet. Wara kollox, meta għallimna t-talba tiegħu, hekk għallimna ngħidu: “Missierna li inti fis-smewwiet” (Mt 6: 9). Anke fil-qawmien mill-imwiet meta jitkellem ma’ Santa Marija Maddalena, li qegħdin fil-kappella tagħha, jgħidilha: “Mur għand ħuti u għidilhom li jiena sejjer għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom” (ara Ġw 20:18).

Id-djalogu ma’ Pietru ma jieqafx hawn. Ġesù ma jirrikonoxxix biss li Pietru f’isem kull wieħed u waħda minna, imma jifhem li din il-fidi, dan l-għarfien ta’ Ġesù mnebbaħ mill-Missier tas-sema, huwa l-blata li fuqha hu jrid jibni l-komunità tiegħu (Mt 16:18). Il-blata li fuqha Ġesù jibni l-Knisja tiegħu, il-komunità ta’ dawk li jemmnu fih bħala Iben il-Missier, il-Messija, hija propju l-fidi li esprima Pietru. Pietru huwa waħda minn dawn il-ġebliet li permezz tagħhom Ġesù se jibni l-Knisja tiegħu li hija d-dar ta’ Alla. Imma din id-dar ta’ Alla hija l-Knisja, aħna ilkoll, mibnija fuq il-blata li huwa Ġesù stess. Din hija l-blata li fuqha jibni l-Knisja tiegħu. U s-setgħat tal-mewt ma jistgħu xejn kontra Iben Alla l-ħaj.

L-imfietaħ huma r-responsabbiltà li inti tħares il-komunità.

Hawnhekk Pietru jirrikonoxxi li l-Mulej, il-Missier tas-sema mhuwiex statwa tal-ġebel, jew tal-injam, jew tal-bronż, jew tal-fidda, jew tad-deheb imma huwa Alla ħaj, huwa Alla ħaj li jista’ jagħti r-risposta għal dak li l-iżjed jifnina: it-theddida tal-mewt. Il-mard ġustament ibeżżagħna għaliex għalina, ġustament, huwa l-għatba tal-qerda ta’ ġisimna, tal-mewt. Is-setgħat tal-mewt ma jistgħux jegħlbu lil dik il-komunità mibnija fuq il-fidi f’iben Alla l-ħaj. Alla tal-ħajjin, u mhux tal-mejtin.

Lil Pietru, f’isimna lkoll, jagħtih responsabbiltà kbira. L-imfietaħ mhumiex biss kwistjoni ta’ prestiġju u ta’ poter. Jekk naqraw sew l-ewwel qari li smajna llum, tissemma’ x-xbieha tal-imfietaħ. L-imfietaħ mhumiex sempliċement biex nikkmanda, niftaħ u nagħlaq, imma wkoll li rrid nieħu ħsieb. L-imfietaħ huma r-responsabbiltà li inti tħares il-komunità. “Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet”. Mela inti responsabbli li din is-saltna fuq l-art, li hi l-Knisja, din il-wegħda li niltaqgħu ma’ Alla l-ħaj, tieħu ħsiebha u tkun qaddej tagħha.

Li torbot u tħoll mhuwiex biss is-setgha fuq il-ħażen u s-setgħa li teħles għax li tħoll huwa li teħles u li torbot hu s-setgħa fuq il-ħażin li torbtu u ma jibqax jagħmel ħsara. Imma hija wkoll is-setgħa li tgħallem. It-tagħlim huwa dak li jagħti l-veru ħelsien; it-tagħlim huwa dak li jeħles mill-inganni u l-qerq ta’ Satana. Ġesù jgħidilhom biex għalissa ma jitkellmux fuq din il-ħaġa. Għaliex? Għax l-ewwel irid jgħallem lilhom, lill-grupp żgħir tiegħu, il-core group bħalma ngħidu llum, xi tfisser tkun ‘messija’, il-Messija mibgħut minn Alla.

Imma x-xhieda ta’ Pietru hija x-xhieda li aħna nkomplu nżommu bħala l-blata li fuqha mibnija l-komunità tagħna li meta Ġesù jistaqsina: “Imma jien min jien għalik?” aħna mingħajr tlaqliq flimkien ma’ Pietru mnebbaħ minn Alla, ngħidulu: Inti l-Messija, il-midluk tal-Mulej, dak li aħna qed nistennew, “Inti Iben Alla l-ħaj” (Mt 16:16).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 22, 19-23
Salm: 137 (138), 1-2a.2bc-3.6.8bc
Qari II: Rum 11, 33-36
Evanġelju: Mt 16, 13-20