L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ta’ min  jistaqsi fil-festa tal-għażiż San Anard, jew San Leonardu, għaliex il-Knisja tissuġġerixxi l-Evanġelju li għadna kemm smajna. Pietru għadu kemm sema’ lil Ġesù jitkellem dwar id-diffikultà ta’ min jorbot qalbu mal-ħwejjeġ u l-għana ta’ din l-art li jidħol fis-saltna. Lil Ġesù jgħidlu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk; issa x’se jmissna?” (Mt 19:27). Ġesù ma jgħidlux kemm hu tost, imma  “Tassew ngħidilkom, intom li ġejtu warajja, fid-dinja l-ġdida, meta Bin il-Bniedem joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu, intom ukoll toqgħodu fuq tnax-il tron u tagħmlu ħaqq mit-tnax-it-tribu ta’ Iżrael” (Mt 19:28).

Din il-ħaġa tapplika għal wara din il-ħajja. Pietru interessat ikun jaf x’se jakkwista f’din id-dinja. Ġesù jgħid li “Kull min iħalli ’l daru jew ’il ħutu jew ’il missieru jew ’l ommu jew ’l uliedu jew ir-raba’ tiegħu minħabba f’ismi, jerġa’ jirċievi kollox għal mitt darba aktar u jieħu b’sehmu l-ħajja ta’ dejjem” (Mt 19:29).

Id-deċiżjonijiet ta’ San Anard

Imma għaliex dan il-kliem huwa attwali ħafna meta wieħed jirrifletti fuq il-figura sabiħa, attraenti u straordinajra ta’ San Anard? Darbtejn fil-ħajja tiegħu ħa deċiżjonijiet li kienu kontra l-kurrent u li huma wkoll imnaqqxin fil-memorja ta’ dan ir-raħal li huwa mbierek bit-titlu ta’ San Anard, li sar parroċċa fl-1592.

San Anard kellu l-għażla. Hu kien ġej minn familja nobbli u ġeneralment kien ifisser li jibda bħala kavallier u mbagħad isir ukoll kap, kmandant u ġeneral. Biss, kien isaħħar wara l-figura straordinarja ta’ raġel u bniedem ta’ Alla, San Remiġju, l-Isqof ta’ Reims fi Franza.

It-tieni għażla li għamel San Anard hija meta f’Noblac beda jikber fil-fama tiegħu ta’ qdusija u ta’ għerf u ssuġġerewlu li jkun isqof. Iżda San Anard irrifjuta t-talba tar-Re Ludoviku I li jsir isqof biex jibqa’ ma’ sħabu tal-komunità li bena fl-Noblac u qrib tal-isqof qaddis Remiġ.

Imma San Anard ħeġġeġ lill-Ewropa ta’ 1,000 sena ilu bid-devozzjoni lejh għal żewġ deċiżjonijiet oħra li ħa. L-ewwel waħda kienet li talab lir-Re Ludoviku I biex biex jagħtih is-setgħa li jeħles lill-priġunieri meta jrid, privileġġ li sa dak iż-żmien ir-re kien ta biss lil San Remiġju. Din id-deċiżjoni li hu jkun servizz ta’ min hu marbut fil-ktajjen, għamlet lil San Anard il-patrun ta’ min ikun ikkalzrat, fil-ħabs jew inkella maħtuf.

Fl-istorja tal-Medju Evu, b’mod speċjali wara s-sena 1100, San Anard sar il-protettur ewlieni ta’ ħafna familji, inkluż f’Malta, għalliex sfortunatament il-popolazzjoni tagħna ħafna drabi kienet tkun maqbuda mill-furbani u mibjugħa fl-iskjavitù. Il-familji Maltin kienu jbatu ħafna biex jifdu lil uliedhom u lil żwieġhom u jerġgħu jagħtuhom il-libertà. 

Din il-fama kbira ta’ San Anard ma ġietx biss mid-deċiżjoni tiegħu li lir-re jitolbu dan il-privileġġ, imma l-fatt ukoll li fis-sena 1100, il-Prinċep Boemondu I ta’ Antijokja nqabad priġunier tal-Misilmin. Dan kien prinċep tal-Italja Normanna u kien wieħed mill-mexxejja tal-Ewwel Kruċjata. Din il-ġrajja seħħet kważi 500 sena wara l-mewt ta’ San Anard, għaliex San Anard miet fis-sena 559 imma d-devozzjoni tiegħu baqgħet ħajja. Boemondu kien prinċep li waqt l-Ewwel Kruċjata rebaħ il-belt importanti ta’ Antijokja u allura sar il-prinċep tagħha. Li ġara kien meta nqabad priġunier tal-Misilmin beda jitlob lil San Anard. Meta nħeles fl-1103, għamel pellegrinaġġ għal Noblac u hemmhekk ħalla katini. Peress li kien bniedem li fl-Ewwel Kruċjata kien importanti ħafna, qajjem devozzjoni kbira lejn San Anard bħala dak li jinterċedi għalik meta tkun maqful il-ħabs. 

… fejn hemm il-jasar, iġib il-ħelsien.

Id f’id mal-batut

San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid li jekk għandek devozzjoni vera lejn qaddis, allura timitah. Aħna u nħarsu lejn San Leonardu u nħobbuh, nimpenjaw ruħna li nimitawh. San Leonadru, meta kien iħares lejn priġunier, ma kienx jara r-raġel ta’ qattagħni; ma kienx jara l-periklu għas-soċjetà, jew inkella s-sigurtà personali. Kien jara ħuh, bniedem li għandu wkoll dritt ikollu bidu ġdid, dritt li xi ħadd jagħtih il-libertà vera. Il-ktajjen li l-ikonografija tpoġġi f’idejn San Anard mhumiex ktajjen biex jarrestaw lil xi ħadd imma huma l-frott tal-ħidma ta’ San Anard li fejn hemm il-jasar, iġib il-ħelsien.

Tistaqsu: Imma Leonardu, bniedem li miet 1500 sena ilu, għadu attwali? Aħna nafu li l-priġunieri dejjem magħna u li mdawwrin b’realtajiet tat-trafikkar tal-bniedem. Dejjem se jkun hemm il-bżonn nuruhonm u nagħtuhon dik il-ħarsa ta’ ħniena. Il-bniedem għadu jinbiegħ fil-jasar. Madwar sentejn ilu, il-BBC xandru filmat ta’ rkant li sar billejl fil-Libja ta’ rġiel jinbiegħ lil min joffri l-iżjed flus. M’aħniex qed ngħidu 1500 sena ilu, imma sentejn, u f’post ftit ’il bogħod minna. L-ommijiet ta’ dawn iż-żgħażagħ, ħuthom, jew forsi l-għarusa, xi jħossu meta jafu li l-għeżeż tagħhom inbiegħu għall-jasar? L-interċessjoni ta’ San Anard u l-eżempju tiegħu għadhom attwali.

Il-bniedem għadu jinbiegħ fil-jasar.

L-istedina tiegħu hi li meta nkunu quddiem l-opportunità li ngħinu lill-ħabsin, ma nagħlqulhomx l-bibien, ma ngħidux li dawn huma ta’ periklu għas-soċjetà. Għalhekk qed iħallsu ta’ dak li għamlu. M’hemmx għalfejn nagħmlu l-icing sugar fuq l-affarijet tad-dwejjaq u ta’ kefrija. Imma San Anard jisfidana biex l-atteġġjament tagħna għall-ħabsin ikun differenti, inkella nistaqsi x’inhi d-devozzjoni tagħna lejh? L-ikonografija ta’ San Anard iġġibu wkoll jitlob biex il-mara tar-re jkollha ħlas feliċi. Permezz ta’ talbu, din il-mara welldet tifel l-ġmiel tiegħu u minn dakinhar ukoll il-komunità titlob lil San Anard biex in-nisa jkollhom ħlas feliċi. Il-qaddisin jgħallmuna napprezzaw id-don tal-ħajja imma wkoll li bit-talb aħna nistgħu nġibu tant faraġ lil xulxin. Allura, fil-komunità Nisranija b’mod speċjali fl-Ewropa, San Anard isir il-patrun ta’ min huwa fit-tbatija u għandu bżonn l-għajnuna.

Il-foresta ta’ Noblac saret oasi ta’ libertà u ta’ talb. L-ewwel ħaġa li San Leonardu għamel f’din il-foresta li r-re kien tah b’sinjal ta’ gratitudni, kien li biddel il-foresta f’ambjent ta’ libertà vera; ambjent fejn l-Evanġelju mhuwiex biss ktieb — bħalma naraw fl-id qaddisa ta’ San Anard — imma ħajja. Il-komunità ta’ ħabsin illiberati u n-nies kollha li għen, kellhom bidu ġdid għaliex f’riġlejn San Anard sabu min jilqagħhom mhux lil min jgħidilhom ‘le’.

San Anard għandu wkoll il-baklu f’idejh. Aħna nqimuh bħala San Leonardu Abbati għaliex l-għażla tiegħu kienet li jgħix ta’ eremita imma bil-mod il-mod anke b’dawn il-ħabsin li ħelsu u li sabu fih raġel verament ta’ Alla, bniedem ta’ Alla, bena komunità ċkejkna. Ma nimmaġinax li kellu l-ħsieb li jkun xi fundatur, imma li hu żgur hu li madwaru bena komunità. Il-baklu li għandu f’idejh mhuwiex il-baklu tal-episkopat li hu ċaħad; anke l-mitra li naraw fis-simbolu mhijiex il-mitra tal-isqof għax ma riedx ikun isqof, imma l-Mulej jaf ukoll li kull min iħalli lil daru u ’l ħutu, jirċievi kollox għal mitt darba.

Għalkemm San Anard irrifjuta jkun isqof, hi xi ħaġa qaddisa li fl-ikonografija tiegħu għandna s-sinjali tal-episkopat, kemm bħala abbati għaliex l-abbati Benedittin mhuwiex fi żmien San Anard, imma iktar wara, ħadu l-insinji tal-isqfijiet. Imma wkoll hemm l-ironija li dak li ċaħad biex ikun jista’ jkun ma’ ħutu l-priġunieri meħlusin u n-nies li nġabru madwaru fl-Noblac, il-Mulej ipattilu għal mitt darba.

San Leonardu kellu devozzjoni ħajja lejn il-Madonna. Fil-fatt, l-ewwel ħaġa li għamel fil-foresta ta’ Noblac kien li jibni kappella lill-Madonna u artal lil San Remiġju, il-missier spiritwali tiegħu.

San Anard u l-Maltin

Ftit tas-snin ilu hawnhekk kellna x-xorti nilqgħu l-kranju ta’ San Anardu li ġie direttament minn Noblac. Dawn huma sinjali sbieħ ta’ devozzjoni li qed tmur lil hinn minn Franza u mir-reġjun sabiħ ta’ Limoges, għaliex San Anard huwa wieħed mill-qaddisin li mill-antik nett fuq dawn il-gżejjer għandu ismu minqux fil-blat. Fir-Rabat, fiż-żona sabiħa magħrufa bħala Tal-Lunzjata, fejn il-Karmelitani kellhom l-ewwel dar reliġjuża tagħhom, insibu wkoll l-għar ta’ San Anard. Dan juri kemm id-devozzjoni lejn San Anard hija antika fil-gżejjer tagħna għaliex fl-antik, il-knejjes kienu fl-għerien, bħal pereżempju l-Madonna tal-Għar, il-Madonna l-Mellieħa u l-Grotta ta’ San Pawl.

Is-Sur Kenneth Cassar kien qed ifakkarni wkoll li anke fl-affreski antikissimi ta’ Santa Agata hemm diversi rappreżentazzjonijiet ta’ San Anard. Dan dejjem jidher bil-ktajjen f’idejh għaliex il-familji Maltin kienu jduru lejh meta xi żagħżugħ minn tagħhom jinqabad mill-furbani u jispiċċa skjav.

Lil San Anard nixtieq nafdalu lil ħutna kollha li qegħdin f’kull tip ta’ jasar u ta’ saram …

Il-Kavallieri wkoll, kif tafu, kellhom dan il-kummerċ anke fil-persuni. Fil-fatt, qabel ma nħeles u ’l quddiem sar gran mastru, La Vallette stess kien maqbud u mibjugħ biex jaqdef fix-xwieni. Dik kienet ir-realtà kiefra ta’ missiriejitna. Imma inkunu qegħdin nonqsu lil San Anard jekk aħna nieqfu fil-ħafna tifkiriet tiegħu minquxa fil-blat u ninsew li l-messaġġ tiegħu għadu ħaj u importanti.

Lil San Anard nixtieq nafdalu lil ħutna kollha li qegħdin f’kull tip ta’ jasar u ta’ saram għax il-ħarsa tiegħu kienet dejjem ħarsa ta’ ħniena u qatt ma għalaq qalbu għal ħadd. Fl-istess ħin ukoll nixtieq nagħmel talba partikolari għal dawk in-nisa li qegħdin jistennew fil-ġuf tagħhom it-twelid tat-tarbija għażiża biex bl-interċessjoni tiegħu ikollhom ħlas feliċi.

It-talba ħerqana tiegħi tmur ukoll għall-parroċċa għażiża ta’ Ħal Kirkop li mit-twelid tagħha hija mbierka bit-titlu ta’ San Anard. Aħna u ġejjin lil ommi ġagħaltha tfakkarni fl-inċident fil-familja tagħna meta hi kienet għadha adolexxenti, kellha madwar 14-il sena, u qaltli li darba minnhom, in-nanna Kelina qamet filgħodu u bdiet tara ċ-ċpar u l-ewwel reazzjoni tan-nanna kienet li tibgħat t-tifla l-kbira, lil Carmen, biex tiġi hawn fil-knisja u tgħid lis-sagristan jixgħel xemgħa quddiem San Anard biex jitlob għaliha. Ommi tgħid li kif Carmen rritornat id-dar, in-nanna qaltilha: “San Anard qalagħli grazzja, binti, qed nara ċar!”

Dak hu San Anard għall-parroċċa tagħna! Inkunu boloh jekk ma nirringrazzjawx ’l Alla ta’ dan it-titlu u jekk ma nitolbux l-interċessjoni ta’ dan ir-raġel li warrab il-frugħa tad-dinja, kemm fiċ-ċivil u kemm fl-ekklesjastiku, u ta ħajtu għall-iżjed imwarrbin. Hu ma għalaqx qalbu għalihom u dik hi l-glorja ta’ San Anard. Aħna li nħobbuh, irridu nimitawh. Viva San Anard!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta