L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kafarnahum kienet belt ħelwa ċkejkna fuq ix-xatt tal-Għadira ta’ Ġenezaret jew ta’ Tiberijadi jew il-baħar tal-Galilija, għalkemm huwa baħar ta’ ilma ħelu, għadira kbira ħafna. Min ikollu x-xorti, meta forsi jispiċċa u jieqaf l-inkwiet – ma nafx meta – iżur l-Art Imqaddsa, waħda mill-pellegrinaġġi importanti hi propju fuq din l-għadira, anke Kafarnahum fejn għad hemm il-fdalijiet tas-sinagoga li fiha daħal Ġesù u fiha wkoll seħħ l-episodju li smajna llum fl-Evanġelju skont San Mark.

Għaliex importanti li San Mark ikellimna x’ġara f’Kafarnahum? L-ewwel nett irid jgħidilna li Ġesù minn Nazaret fejn trabba issa beda jgħix post ieħor: f’Kafarnahum. Kienet il-belt li adotta għalkemm kien iterraq ħafna fil-Galilija u l-Lhudija. Iċ-ċentru ma kienx Nazaret imma kien Kafarnahum.

It-tieni ħaġa hi li waqt li jidħol fis-sinagoga; ma jiċħadx it-tagħlim tal-ġens tiegħu lanqas ir-ritwal tal-ġens tiegħu. Ġesù kien Lhudi devot. Is-Sibt kien ukoll iqattgħu fis-sinagoga jaqsam il-Kelma ta’ Alla, jisma’ r-riflessjonijiet fuq il-liġijiet ta’ misserijietu. Imma bħal kull raġel Lhudi kellu d-dritt ukoll jitkellem dwar il-Kelma. Il-Kelma tiegħu kienet kelma differenti minn tal-oħrajn. In-nies, meta kienu jisimgħuh, kienu x’aktarx jafu li kien mastrudaxxa minn Nazaret, kienu jgħidu: imma dan jitkellem differenti mill-oħrajn.

L-Evanġelju juża l-kelma ‘setgħa’, is-setgħa tal-Kelma ta’ Ġesù. “Beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa” (Mk 1:22). Meta nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù, l-aħwa, ejjew nifhmu li qegħdin nisimgħu l-Kelma li għandha setgħa qawwija. Hija bil-Kelma ta’ Ġesù pereżempju li minn hawn u ftit ieħor il-ħobż u l-inbid li aħna nwasslu fuq l-artal isiru l-Ġisem u d-Demm tiegħu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu imma bil-Kelma tiegħu.

Jiena bħal kull saċerdot ieħor ngħid: “Dan hu Ġismi, dan hu Demmi” mhux ta’ Charles Scicluna, imma ta’ Ġesù. Is-saċerdot għandu dil-qawwa minkejja d-difetti u d-dnubiet tiegħu, li bil-kelma setgħana ta’ Ġesù l-ħobż u l-inbid ibiddilhom fil-Ġisem u d-Demm tal-Mulej.

Is-setgħa tal-Kelma ta’ Ġesù li, bħalma għandna fl-Evanġelju tal-lum, hija setgħa fuq il-ħażen, setgħa fuq ix-xitan. Bil-kelma tiegħu x-xitan jobdi u dak il-povru li hu ppossedut mix-Xitan, jinħeles mhux qabel ma x-Xitan jipprova jixkef l-identità vera ta’ Ġesù: “Inti l-qaddis ta’ Alla” (Mk 1:24). Imma Ġesù ma jiħux pjaċir bix-xhieda ta’ Satana. Lil Satana jgħidlu: “Iskot” (Mk 1:25) u Satana m’għandux għażla ħlief li jobdi s-setgħa ta’ Ġesù. Mela Ġesù l-kelma setgħana tiegħu ġejja wkoll mhux biss mill-qawwa fuq il-ħażen imma ġejja wkoll mill-fatt li kull kelma li qal Ġesù ikkonfermaha bl-għażliet u bil-ħajja tiegħu.

Nieħdu kelma iebsa ħafna, l-aħwa. Ġesù qalilna: “ħobb lill-għadu tiegħek”. Kelma iebsa ħafna. Id-dinja għandha bżonnha din il-kelma għax aħna nobogħdu ħafna lil xulxin, lesti nagħmlu gwerer wieħed kontra l-ieħor, pajjiż kontra l-ieħor u jekk m’hemmx il-mibegħda wara l-gwerra, x’hemm l-aħwa? Min irid ikompli l-gwerra jkebbes il-mibegħda bejn il-bnedmin.    

Parir ċkejken lill-ġenituri: Tgħejjew qatt tbierku lil uliedkom, tgħejjew qatt, għamel x’għamel, għamlet x’għamlet.

U Ġesù jgħidlek kelma oħra: “ħobb l-għadu tiegħek”. U inti tgħidli: imma dil-kelma li qalilna Ġesù tant hi iebsa! Għax anke fil-ħajja personali tagħna jkollna xi diżgwid, ikollna ’l xi ħadd kif tarah ma tibqax kalm. X’tagħmel? Lil Ġesù tgħidlu: imma din fejn ġibtha din il-kelma? Minn fejn ivvintajtha? U inti tisimgħu msallab fuq is-salib u jgħid lill-Missier li għandu s-setgħa jeqridna lkoll: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Għaddej f’baħar ta’ agunija, ta’ dulur, ta’ tbatija u jaqbeż għall-għedewwa tiegħu.

Is-setgħa ta Ġesù, il-Kelma tiegħu ġejja mill-eżempju ħaj u għalhekk kull min kien jisimgħu u jarah kif iġib ruħu mal-marid, mal-batut, mal-għani, mal-fqir kien jifhem li l-kelma tiegħu mhix vojta, il-kelma tiegħu hi kelma setgħana.

L-aħwa, nitolbu l-ewwel nett biex inkunu konvinti bis-setgħa qawwija tal-Kelma ta’ Ġesù. Aħna dil-ħaġa nużawha ma’ xulxin, jalla nużawha iżjed meta nbierku lil xulxin. Aħna miċ-ċokon rabbewna meta mmorru għand in-nanniet, għid: ‘benedizzjoni’. Issa meta konna nawgurawha, ‘bezzjoni’ kienet toħroġ. Dik il-kelma li titlob il-barka: ‘berikni ma, berikni pa. Kun imbierek’. Dik hi kelma setgħana, kelma ta’ barka.

Kelma kerha hi kelma ta’ saħta. Imma l-kelma tal-barka f’isem Ġesù hi ħafna iżjed qawwija minn kull kelma ta’ saħta. Għax ħafna drabi ngħixu fit-terrur anke minn xulxin ma jmurx ifajjarli xi magħmul, ngħiduha kultant, din minħabba l-mibegħda bejnietna u l-għira u l-kattiverja.

Imma ejjew nemmnu fil-qawwa tas-setgħa u s-setgha li għandha l-Kelma ta’ Ġesù, il-barka li nagħtu lil xulxin. U nieqaf b’parir ċkejken lill-ġenituri: Tgħejjew qatt tbierku lil uliedkom, tgħejjew qatt, għamel x’għamel, għamlet x’għamlet. Kun imbierek u tgħid hekk u tħares lejn is-sema, tagħmel hekk! Imma xorta tbierku, xorta tberikha. Għax dik il-kelma li ħierġa mill-imħabba bil-qawwa ta’ Ġesù għandha setgħa kbira.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Dewt 18:15-20
Salm: 94 (95):1-2,6-7,8-9
Qari II: 1 Kor 7:32-35
L-Evanġelju: Mk 1:21-28

Aktar ritratti