L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Bdejna sena ġdida ta’ laqgħat flimkien. U dis-sena hi ddedikata lil San Luqa, li fit-Testment il-Ġdid, kiteb żewġ kotba: l-Evanġelju skont San Luqa, u l-Atti tal-Appostli. Aħna midjunin ħafna ma’ San Luqa għax kien hu li f’kapitlu 28 tat-tieni ktieb tiegħu, tal-Atti tal-Appostli, ifakkar il-miġja ta’ San Pawl fostna. U tana wkoll ċertifikat sabiħ. Jalla ngħixuh dan iċ-ċertifikat li tana San Luqa, meta qal: “in-nies tagħha ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2).
Illum smajna silta kważi mit-tmiem tal-Evanġelju ta’ San Luqa, qabel ma jibda jirrakkonta l-passjoni ta’ Ġesù. Ġesù qed jitkellem lejn l-aħħar ġimgħat tal-ħajja tiegħu fuq l-art bħala bniedem, u kellu din l-urġenza li jwissina, li din il-ħajja, sabiħa kemm hi sabiħa, hi realtà li tgħaddi.
Ħuti, kultant nintlaqtu bħal sajjeta fil-bnazzi, bit-tifkira jew bil-ġrajja ta’ mewt ta’ xi ħadd għażiż fil-familja tagħna, jew xi ħabib jew xi ħabiba li nafu; u inti bla ma trid, anke jekk tipprova tinsa, tistaqsi lilek innifsek: imma s-sens ta’ din il-ħajja x’inhu? Tistaqsi dawn il-mistoqsijiet diffiċli, anke quddiem il-mard, quddiem it-tbatija tal-innoċenti. X’sens fih dan kollu?
Kultant ukoll jeħel Alla; għax aħna kultant ikollna l-idea ta’ Alla li hu maġija, li titolbu xi ħaġa u jagħtihielek żgur; li jekk temmen fih kollox jiġik sew. Imma dak hu l-Evanġelju tal-wegħdiet fiergħa li Ġesù wissiena kontrih. Oqgħodu attenti mill-profeti foloz, li jwegħduk il-ġenna fuq l-art. Il-ġenna l-aħwa, mhix fl-art qiegħda, nistgħu nibdewha minn hawn imma t-tieni miġja ta’ Ġesù, tfakkarna, li dak li hu għażiż għalina hawnhekk, jgħaddi wkoll. San Pawl jgħid: “Għax is-sura ta’ din id-dinja għad tgħaddi!” (1 Kor 7:31), u aħna magħha.
Titlef qatt l-okkażjoni li tagħmel il-ġid, li tkun aħbar tajba kull fejn tkun. Dak tfisser li tishar. Qawwi qalbek, erfa’ rasek, ishar, itlob.
Tgħiduli, kemm qed tibda b’nota pożittiva fil-bidu tas-sena liturġika? Jew fil-bidu tal-preparament tagħna għall-miġja ta’ Ġesù? Imma tajjeb li aħna nagħrfu, kemm hi għażiża l-ħajja, meta nifhmu li għalija personali, tista’ tintemm f’ħakka t’għajn. U lid-dinja li nafuha, sabiħa kemm hi sabiħa, se tgħaddi wkoll. Imma Ġesù, għalkemm hu realistiku, fuq il-fatt lid-dinja tgħaddi, fuq il-prekarjetà tal-ħajja; jgħidilna wkoll lilna li nemmnu biex “qawwu qalbkom u erfgħu raskom” (Lq 21:28). Ħares lejn il-ħajja b’mod pożittiv, apprezza kemm hi sabiħa; apprezza l-imħabbiet tiegħek kemm huma għeżież u qawwi qalbek.
L-ewwel messaġġ li jingħata, fl-Ewwel Ħadd tal-Avvent, hu biex nagħmlu kuraġġ, inqawwu qalbna, u ma nintreħewx. “Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu” (Lq 21:36). Żewġ atteġġjamenti oħra. Li tishar hu li inti tkun attent u tapprezza. Għalkemm il-ħajja tgħaddi, l-esperjenzi jgħaddu, aħna wkoll ngħaddu għall-ħajja ta’ dejjem, kulħadd meta jmissu u wara min imissu, tajjeb li nitgħallmu minn din l-esperjenza, napprezzaw lil xulxin, napprezzaw kull mument.
Li tishar tfisser, li kull mument għalik isir opportunità ta’ mħabba. Mhux għada, jew pitgħada, imma issa. Min jishar ma jitlifx l-opportunità li jħobb illum. Issa, imqar qed tibgħat messaġġ u qed tiftakar f’xi ħadd, qed tipprepara l-ikel għal uliedek, għall-familja, jew għall-ħbieb; dak kollu li tagħmel bi mħabba, qed tagħmlu b’għajnejk miftuħa; bħal min jishar, attent. Biex kull opportunità li nħobbu, għax dik hi t-togħma sabiħa tal-ħajja, ma nitilfuhiex. Titlef qatt l-okkażjoni li tagħmel il-ġid, li tkun aħbar tajba kull fejn tkun. Dak tfisser li tishar. Qawwi qalbek, erfa’ rasek, ishar, itlob.
Li titlob, hu li tgħid b’ħajtek, b’għemilek, bl-imġiba; anke bl-għanja ta’ qalbek, it-talba li għallimna San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Din hi t-talba sabiħa tal-Avvent. Xi jfissru d-dwal li qed nixegħlu fil-gallariji, fid-djar? Jekk mhux li aħna qed nippreparaw għall-miġja ta’ xi ħadd, li huwa d-dawl ta’ ħajjitna, dawl fid-dlam.
U nieqaf b’din il-mistoqsija: Għandna dlam madwarna? Jekk għandna dlam madwarna, ma naqtgħux qalbna; ngħidulu: ‘Sinjur, inti d-dawl tad-dinja, aħna għanda bżonnok’.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 33:14-16
Salm: 24(25):4bċ-5ab,8-9,10,14
Qari II: 1 Tess 3:12–4:2
L-Evanġelju: Lq 21:25-28,34-36