Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Għadna kemm smajna ħsibijiet sbieħ tal-maħbub San Ġorġ Preca. Li xtaq din id-dimostrazzjoni, kif kien isejħilha, u li bdiet fl-1921, mitt sena ilu. Waħda mit-talbiet sbieħ ta’ Dun Ġorġ, li tiġbor fiha wkoll it-talba li nixtieq li nagħmlu f’dan il-Milied, hi talba sempliċi ħafna. U ngħiduha flimkien: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Il-mixja tagħna llum, bejn traxxixa u oħra, bir-riħ, fit-toroq sbieħ u ħelwin tal-kapitali tagħna, trid tkun din ix-xhieda sempliċi, li aħna għandna bżonn nitgħallmu mit-tarbija ta’ Betlehem. It-tarbija ta’ Betlehem hi Ġesù, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.
Sentenza oħra li San Ġorġ Preca kien iħobb jgħallimna, hi silta mill-Evanġelju skont San Ġwann u qiegħda miktuba b’ittri kbar hemmhekk fil-bandalora: “L-Iben ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna” (Verbum Dei Caro Factum Est, et habitavit in nobis). Dan li qed niċċelebraw – dan ir-rigal kbir, li Alla infinit, setgħan, kbir, maestuż, sabiħ, isir wieħed minna, jitwieled fostna, isir tarbija għalija u għalik.
Irridu wkoll niftakru fit-tfal tal-Palestina f’dan il-Milied. Nitlobkom, li fil-familji, fl-oqsma tal-MUSEUM, fil-parroċċi tagħna, nitolbu għat-tfal tal-Palestina, u ta’ Iżrael ukoll, għaliex le, li dan il-Milied mhux se jkun Milied ta’ ferħ, imma ta’ inkwiet; mhux ta’ għaqda, imma ta’ firda mill-għeżież li nqatlu, jew li huma ostaġġi, jew li huma detenuti. Aħna qegħdin nifirħu, nagħtu rigali lil xulxin, nippreparaw xi ikel tajjeb tradizzjonali, u dawn ma għandhomx x’jieklu u x’jixorbu. Ejjew nitolbu wkoll għalihom, li dawn ma jistgħux lanqas jiltaqgħu biex jiċċelebraw il-Milied, kif qed niċċelebrawh aħna, avolja qed jiċċelebraw fil-post, fl-ambjent fejn twieled Ġesù, iżjed minn elfejn sena ilu. Allura niftakru fil-kliem tal-anġlu lir-ragħajja ta’ Betlehem, għadu kliem qawwi u attwali: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba” (Lq 2:14), lill-bnedmin li Alla jħobb.
San Ġorġ Preca llum, f’din il-ġurnata tan-Novena, għallimna żewġ toroq sbieħ tal-paċi. Għandu l-paċi min hu umli, għandu l-paċi min tgħallem jaħfer, għax trid titgħallem taħfer. Min tgħallem jaħfer għandu l-paċi. Is-supperv m’għandux paċi; min għandu r-rabja f’qalbu, m’għandux paċi; imma min hu umli u min jaħfer, jgħum fil-paċi. Mela aħna u niftakru fil-Palestina, imma anke jekk inħarsu lejna nfusna, nitolbu l-grazzja tal-umiltà, u l-qawwa li naħfru. L-manswetudni hija dik. Is-Soċji tal-Museum, fis-26 ta’ Diċembru, fil-festa ta’ San Stiefnu, jaqraw ittra ċkejkna, li kiteb San Ġorġ Preca, ‘Ittra popolari dwar il-manswetudni’. Hu l-uniku ktieb li sejjaħlu popolari, għaliex xtaqu li jkun indirizzat lill-poplu Malti kollu. Dun Ġorġ kien jinsisti ħafna dwar il-maħfra tal-għedewwa, u kien ifakkar lill-poplu Malti fil-Kelma ta’ Ġesù. Jekk intom ma taħfrux minn qalbkom, lanqas Missierkom ma jaħfer lilkom. Allura nitolbu l-grazzja: nimmaġinaw dawk il-familji li tilfu lil xi ħadd fil-Palestina, għoxrin elf vittma, maqtula; dawk ifissru għoxrin elf familja fid-dulur, fir-rabja. Ejjew nitolbu anke fuqhom id-don tal-paċi, u tal-maħfra. Imma nitolbu wkoll li Erodi ta’ żmienna, li jrid joqtol ix-xbieha ta’ Alla fil-proxxmu, jieqaf.
Issa, nistgħu aħna ninsew lill-mamà ta’ Ġesù? Qegħdin fl-aħħar jiem tal-Avvent. Immaġinaw lill-Madonna u San Ġużepp qed jaslu Betlehem, u San Ġużepp qed jgħid, nispera nsib fejn noqogħdu, għax dawn in-nies kollha ġejjin għaċ-ċensiment, li ried Awgustu, l-Imperatur. U fil-fatt meta wasal ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda, u Marija qed tistenna li titwieled it-tarbija. Niftakru ftit fil-Madonna, f’dawn l-aħħar jiem qabel it-twelid ta’ binha. L-ommijiet hawnhekk, l-iżjed li jistgħu jifhmu x’qed ngħid. Ejjew insellmulha u nikkonkludu, qabel nagħtikom il-barka tiegħi, billi ngħidu Sliema u Qaddisa flimkien lill-Madonna, li qiegħda tistenna t-twelid ta’ Ġesù.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-Quddiesa
L-Ewwel Qari: 1 Sam 1:24-28
Salm: 1 Sam 2:1.4-5,6-7,8abċd
L-Evanġelju: Lq 1:46-55