L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1:46). Dan l-innu sabiħ tal-Magnificat li smajna fl-Evanġelju llum qalitu Marija f’dik il-laqgħa sabiħa tagħha ma’ Eliżabetta. Żagħżugħa tiltaqa’ ma’ anzjana. U flimkien mhumiex biss tnejn imma erbgħa, għax Eliżabetta qed tistenna t-twelid ta’ Ġwanni l-Battista u Marija kien tnissel fiha Ġesù. Hemm din il-festa kbira ta’ dawn l-erbgħa preżenti f’din il-ġrajja. Nixtieq li nieħdu dan l-innu sabiħ tal-Magnificat, li tant hemm fih punti sbieħ, u nsemmi tliet affarijiet li jgħinuna fil-ħajja tagħna.

L-ewwel nett “Ruħi tfaħħar”. Dan hu innu ta’ tifħir, tifħir lil Alla. Hu innu ta’ tifħir lil Alla għaliex Alla hekk jistħoqqlu. Jistħoqqlu kull tifħir. Lil Marija ma tantx insibuha titkellem fl-Evanġelju, iktar insibuha tisma’; imma f’dan li hu l-itwal diskors tagħha, li hi talba wkoll, għandna proprju t-tifħir lil Alla. L-enfasi tagħha hu li tfaħħar lil Alla. X’eżempju sabiħ għalina, biex aħna l-kliem tagħna jkun kliem ta’ tifħir lil Alla, u biex bħalha dan ikollna f’qalbna wkoll!

Kultant jiddispjaċik li tgħaddi mit-toroq – jien inħobb immur nimxi – u ġieli tisma’ ħiereġ minn xi tieqa, jew xi garage, jew xi bieb kliem li joffendi lil Alla. Tgħidli: kulħadd kultant jiżbalja! Hekk hu, huwa żball, imma importanti li aħna nagħmlu ħilitna biex il-kliem tagħna ma jkunx kliem li joffendi lil Alla imma kliem bħal ta’ Marija, li jfaħħar lil Alla, għax Alla hekk jistħoqqlu. Jistħoqqlu kull tifħir.

Imbagħad Marija tgħid xi ħaġa verament sabiħa li tfisser il-ġrajja tas-salvazzjoni, fejn tgħid: “Xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48). Qed tfaħħar il-kobor ta’ Alla, u tagħraf lilha nnifisha – “iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” – hi li kienet għadha kif qalet ftit qabel “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38) Marija tagħraf li Alla kbir, aħna ċkejknin; Alla l-ħallieq, aħna l-ħolqien tiegħu; Alla huwa kbir fil-ħniena tiegħu, u aħna nirċievu din il-ħniena tiegħu. 

Imma Marija tagħraf xi ħaġa importanti ħafna għall-ħajja: li aħna ma għandna qatt biex nitkabbru. Marija tgħid ħaġa li l-Papa Franġisku jsejħilha “rivoluzzjonarja” fil-Magnificat, meta tgħid: “Xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom… Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin” (Lq 1:51-52). Issa meta Marija qalet dal-kliem, is-setgħana kienu fuq it-tron tagħhom u baqgħu hemm. Ftit wara li twieled Ġesù, kellha taħrab flimkien ma’ Ġużeppi u binha lejn l-Eġittu minħabba Erodi. Imma Marija kellha din il-fidi, li Alla hekk jaħdem, u li ħadd ma għandu għalfejn jitkabbar u jħares lejn l-oħrajn bħala inqas minnu, għax imkabbar fis-setgħa, fil-poter. Alla hekk jaħdem: “Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin”. Alla jaħdem permezz taċ-ċkejknin, dawk li huma umli, dawk li huma lesti li jilqgħuh f’qalbhom, u li qatt ma jitkabbru għax jifhmu li ma għandhomx biex jitkabbru.

Kemm hu sabiħ li aħna nagħrfu dan, u li nagħrfu li l-kobor qiegħed f’Alla – hu li hu l-kbir, aħna li aħna ċkejknin, imma lilna Alla tana l-qawwa biex inkunu tassew uliedu, maħbubin tiegħu, għax aħna nilqgħuh f’qalbna b’umiltà sħiħa.

Marija hawnhekk tfakkar il-passat li għadda minnu l-poplu, imma tħares ukoll lejn il-futur: il-futur ta’ fiduċja f’Alla, li Alla jaħdem fl-istorja bil-mod tiegħu imma b’mod effettiv ħafna. Nitolbu lill-Mulej illum, aħna u noqorbu viċin lejn il-ġrajja tal-Milied, li aħna jkollna l-istess spirtu ta’ Marija: spirtu ta’ tifħir lil Alla, li nagħrfu l-kobor tiegħu, li nagħrfu wkoll kif aħna rridu nkunu dejjem umli u nilqgħuh f’qalbna, ħalli jista’ jkollna tassew f’ħajjitna l-ferħ – il-ferħ li tesprimi Marija permezz tal-Magnificat.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju