Skont studju li sar mill-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta, minn mindu faqqgħet il-pandemija fl-2020 żdied in-numru ta’ Maltin li jfittxu metodi ta’ qima u talb online. Madankollu, xorta jemmnu li ċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija flimkien mal-pubbliku hija importanti. Bosta mmissjaw ħafna li jmorru sal-knisja, speċjalment li jitqarbnu. Il-maġġoranza ta’ dawk li ħadu sehem qalu li l-fidi għenithom jegħlbu l-isfidi li ġabitilhom il-pandemija.

L-iskop tal-istħarriġ, li tmexxa minn membri tad-Dipartiment tat-Teoloġija Pastorali, Liturġija u Liġi Kanonika, hu li jipprova jifhem xi wħud mill-effetti li l-pandemija ta’  COVID-19 ġabet fuq il-ħajja u l-fidi tal-persuni li jgħixu Malta. L-istudju sar permezz  ta’ stħarriġ anonimu online b’total ta’ 1,102 tweġiba, 711 minnhom nisa u 385 rġiel. 88% tal-parteċipanti ddikjaraw li huma Kattoliċi Rumani, filwaqt li 11% qalu li ma jħaddnu l-ebda reliġjon.

Ir-Rev. Professur Paul Galea, wieħed mill-awturi tal-istudju, sejjaħ ir-riċerka bħala ħarsa lejn il-mod kif il-komunità lokali ġabet ruħha u kampat f’sitwazzjoni bla preċedenti, kif ukoll opportunità mill-aqwa biex isir pjan dwar kif fil-futur nistgħu noffru kura spiritwali aħjar f’sitwazzjonijiet stressanti fil-futur. Huwa kompla jgħid li “xi wħud batew aktar minn oħrajn, u xi wħud minna sabuha eħfef biex ikampaw. Hu dmir tagħna li nifhmu xi rwol kellhom ir-reliġjon u l-ispiritwalità tul il-pandemija u jekk din l-esperjenza ġabitx magħha maturità akbar fil-mod kif wieħed jiffaċċja problemi eżistenzjali”.

Il-Professur Adrian-Mario Gellel osserva li d-data miġbura tikkonferma l-qasma li hemm fil-livell ta’ sekularizzazzjoni bejn il-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa, jiġifieri dawk taħt it-30 sena, u l-bqija tal-popolazzjoni. Dan ħalla impatt fuq il-mod kif dawk tal-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa rrelataw mar-reliġjon u ma’ Alla fi żmien il-pandemija, kif ukoll fuq il-mod kif ippruvaw ikampaw f’din is-sitwazzjoni. Jidher, madankollu, li dawn qed ifittxu modi ġodda kif jingħaqdu mal-ispiritwalità tagħhom.

Min-naħa tagħha, il-Professur Nadia Delicata, Delegata tal-Arċisqof għall-Evanġelizzazzjoni u membru tal-Fakultà tat-Teoloġija, u li l-qasam ta’ riċerka ewlieni tagħha huwa l-Kristjaniżmu f’kultura diġitali, irrimarkat li huwa sinjal ta’ tama l-fatt li Kattoliċi lokali rnexxielhom jifhmu li l-“qima”, speċifikament is-sagramenti, tirrikjedi preżenza aktar sħiħa f’komunità. Madankollu, bħalma jenfasizza l-pjan pastorali tal-Arċidjoċesi, li ġie ppromulgat propju fi żmien il-pandemija, il-Knisja għandha d-dmir li tinkoraġġixxi inkontri sinifikanti fl-ispazji kollha possibbli, inklużi spazji diġitali.

Mill-istudju ħarġu riżultati interessanti oħra, bħal:

  • Mill-bidu tal-pandemija ġiet innutata żieda fir-reliġjożità mal-bidu tal-pandemija, għalkemm ħadd minn dawk li wieġbu ma taha interpretazzjoni apokalittika, bħallikieku se tispiċċa d-dinja.
  • Il-maġġoranza ta’ dawk ta’ ’l fuq minn 30 sena qalu li sabu li sors ta’ faraġ fit-talb. Qalu wkoll li ma jaħsbux li l-knejjes u l-qima pubblika saru xi ħaġa li tgħaddi mingħajrha, u għadhom jaraw il-knejjes marbuta mal-identità reliġjuża tagħhom.
  • Minkejja l-ansjetà u diffikultajiet li ġabet magħha, ma jidhirx li l-pandemija qajmet xi diffikultajiet reliġjużi kbar. Il-maġġoranza ħassew ċertu sens ta’ gratitudni, tama u rassenjazzjni.
  • Ħarġet id-differenza f’dik li hi reliġjożità bejn il-ġenerazzjoni żagħżugħa (dawk taħt it-30 sena) u l-bqija tal-popolazzjoni.
  • Ħinijiet itwal fid-dar wasslu lil ħafna biex jiskopru, jew jiskopru mill-ġdid, il-ħajja u r-ritwali fil-familja, li jilagħbu u jaraw it-televixin flimkien, u forsi l-aktar importanti, li jieħdu gost jieklu flimkien.
  • Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu qalu li mmissjaw il-preżenza ta’ nies oħra fil-knejjes, u perċentwal ogħla fittxew modi oħra kif jiltaqgħu mal-oħrajn. Xi parteċipanti fittxew ukoll għajnuna mingħand membri tal-familja jew qraba u ħbieb li jħossuhom aktar qrib tagħhom. 42% qalu li fittxew għajnuna mentali jew psikoloġika. 6% kienu fil-bżonn tal-ikel, u 3% fittxew għajnuna finanzjarja.
  • Il-maġġoranza kbira ħafna ta’ dawk li wieġbu qablu mar-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tal-Knisja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ laqgħat reliġjużi, u kważi 89% qalu li ma tantx taw kas li ma saritx il-festa tar-raħal tagħhom.
  • Mill-istudju ħarġet informazzjoni importanti oħra li għandha x’taqsam mal-fehmiet personali tal-parteċipanti, inklużi dwar l-importanza tal-familja, id-diżillużjoni bil-politika, u l-importanza li tkun ta’ servizz għall-oħrajn.

F’kummenti dwar ir-riżultati, id-Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija, Rev. Dott. John Berry, qal li l-Fakultà hija impenjata li tfittex modi ġodda kif twieġeb b’mod għaqli għall-bżonnijiet tas-soċjetà. Dott. Berry spjega li din ir-riċerka kienet prova li n-nies iridu li l-preżenza tal-Knisja tkun riflessa fl-era diġitali; li l-Knisja għandha tippjana kif tista’ tkun komunità aktar inklużiva u tesplora mudelli ġodda ta’ “kif tkun knisja” imma fl-istess ħin “tmur lura għan-normal”.

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella kellu kliem ta’ tifħir għal dan l-istudju. Huwa qal: “Li tieħu stampa ġenerali tal-isfidi li għaddejna minnhom fi żmien il-pandemija, u tanalizzahom mil-lenti tal-professjonisti – li hi xi ħaġa li l-akkademiċi mill-Fakultà tat-Teoloġija rnexxielhom jidħlu għaliha permezz tal-kompetenzi tagħhom – jiżgura li jkollna riżultati li jkunu jistgħu jiġu attwati u li l-komunità tista’ taħdem fuqhom u tużahom b’mod li jispira riċerka ulterjuri.”

L-istħarriġ sħiħ jista’ jiġi aċċessat online.