L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Missier u għalliem”. Hekk insejħulu lil San Ġwann Bosco llum fit-talba tal-quddiesa, fil-bidu, u din hi l-esperjenza ta’ tant nies ta’ dan il-qaddis.
Don Bosco huwa qaddis li dejjem kelli imħabba lejh minn meta kont żgħir. Niftakar li konna naraw il-Museum il-ħajja tal-qaddisin, dak iż-żmien bis-slides, u kont nammira ħafna kif Don Bosco għex il-vokazzjoni saċerdotali tiegħu.
Illum, tant snin wara, narah qaddis li għandu relevanza kbira fi żmienna. Il-kariżma tas-Sależjani, li waqqaf hu, hi ta’ attwalità kbira. Jenfasizza dan ukoll il-Papa Franġisku li hu Ġiżwita imma għandu rabta kbira mas-Sależjani u jgħid kemm hu grat lejn il-familja Sależjana – lill-Papa għammdu Sależjan, ġie edukat fi skola Sależjana, u kien Sależjan li għen lil missieru u lil ommu qabel iżżewġu, u lilu inkoraġġih fil-vokazzjoni tiegħu.
Nixtieq li mill-ħajja hekk sabiħa ta’ San Ġwann Bosco, li tant tgħallimna, insemmi tliet aspetti partikolari li huma ta’ ġid għall-ħajja tagħna llum.
Fiduċja f’Alla
L-ewwel nett il-fiduċja kbira li kellu f’Alla. Don Bosco qeda l-missjoni tiegħu saċerdotali sal-aħħar nifs b’din il-fiduċja kbira f’Alla u l-imħabba tiegħu. Kellu trobbija tajba ħafna, b’mod speċjali minn ommu Margherita, għax missieru miet meta kien għad għandu sentejn. Ommu edukatlu lil qalbu b’tant imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn. Bata ħafna, anke minħabba l-faqar dak iż-żmien, imma baqa’ jikber fil-fiduċja f’Alla li qiegħda fil-qalba tal-opri kbar li għamel f’ħajtu.
F’din jgħallimna ħafna lilna lkoll: il-fiduċja f’Alla li għandha tkun fl-għerq tal-ħajja tagħna biex is-servizz lejn l-Evanġelju u lejn l-aħwa ma jkunx li aħna nibqgħu marbutin ma’ dak li jgħaddi fid-dinja, imma li nqiegħdu l-fiduċja f’Alla li jkun il-qawwa u t-tama tagħna. Din tkun li tagħti l-frott fil-ħajja tagħna. Din tkun li tnissel il-ferħ, li hu l-ferħ li jiġi minn dak kollu li tana l-Mulej, li hu sabiħ.
Kienet laqtitni ħafna x’qalet Ommu, Margherita, lil Don Bosco qabel ma sar saċerdot, meta ħa s-suttana. Kienet qaltlu hekk: issa li lbist is-suttana, qalbi mimlija bil-ferħ. Imma ftakar: mhux is-suttana l-importanti imma l-ħajja ta’ virtù. Ara li ma tagħmel xejn li jġib fil-għajb is-sejħa tiegħek. U ħeġġitu wkoll: jekk issir saċerdot, ippromwovi dejjem id-devozzjoni lejn Ommna Marija – kif għamel hu, fil-fatt, bl-imħabba lejn Marija Għajnuna tal-Insara.
Din il-fiduċja f’Alla u fl-Omm li tieħu ħsiebu kienet dik li mexxiet dejjem lil Don Bosco, u tant tiswa għall-ħajja tagħna, aħna lkoll kemm aħna. Hija għajnuna kbira li għandna bżonn.
Servizz liż-żgħażagħ
Aspett tant importanti fil-ħajja ta’ Don Bosco huwa s-servizz liż-żgħażagħ. Hu għaraf jgħix il-vokazzjoni tiegħu ta’ saċerdot b’mod partikolari mat-tfal u ż-żgħażagħ. Dan għamlu b’determinazzjoni u perseveranza qalb l-ostakli tal-ħajja, u għamlu b’sensibbiltà ta’ qalb ġeneruża.
“Ma kienx jagħmel pass, ma kienx ilissen kelma, ma beda l-ebda inizjattiva li ma kinitx tmexxi lejn is-salvazzjoni taż-żgħażagħ… Fil-veru sens ma kellu xejn għal qalbu aktar mill-erwieħ” (Kostituzzjonijiet Sależjani, nru 21). Kif nafu, hu kien jgħid: “Agħtini l-erwieħ, ħudli l-bqija”. Kien il-motto tiegħu li għexu bis-sħiħ.
Baqgħet magħrufa ħafna f’San Ġwann Bosco l-ġentilezza tiegħu li hu żgur kien tgħallimha minn ommu Margerita. Qabel l-Ordinazzjoni, għamel riżoluzzjoni li jkun ispirat mill-ġentilezza u l-imħabba ta’ San Franġisk de Sales. Għalhekk il-metodu tiegħu kien dak ta’ ħbiberija, apprezzament tat-tajjeb u tal-isforzi li jsiru, u li jwassal għal sens ta’ responsabbiltà.
Din tant hija meħtieġa għalina lkoll, ibda minna saċerdoti: fil-ħidma tagħna ma’ kulħadd, speċjalment mat-tfal u ż-żgħażagħ, dejjem għandna nibdew mit-tajjeb li jagħmlu. Li magħhom nuru dejjem imħabba, apprezzament, appoġġ, sapport – li jgħinuhom joħorġu t-tajjeb li għandhom fil-ħajja tagħhom. San Ġwann Bosco jgħid fl-Ittri tiegħu: aħna għandna nġibu ruħna bil-ħlewwa mhux bit-theddid, billi nfiehmu mhux billi ngħajtu u ninkurlaw. Tant hu importanti! Meta jsibu dan l-ambjent, li fil-fatt Don Bosco ħoloq permezz tal-Oratorju – u rrid ngħid kemm hi grazzja kbira li hawnhekk f’Tas Sliema l-Oratorju ilu tant snin, iktar minn mitt sena – ikun ambjent li jagħti liż-żgħażagħ formazzjoni sħiħa, illum ngħidu formazzjoni ħolistika.
Permezz tal-isports, tat-teatru, tal-arti, tal-attivitajiet differenti, u permezz tal-edukazzjoni fejn kienu jitgħallmu s-snajja’ dak iż-żmien, ħoloq l-ambjent biex jgħin liż-żgħażagħ jgħixu bħala bnedmin, imbagħad jersqu lejn Ġesù, permezz tal-quddiesa, il-qrar, ir-rużarju, u jikbru għalhekk f’ċittadini tajbin u Nsara tajbin. L-istil edukattiv tiegħu kien espressjoni mill-isbaħ tal-Knisja li tisma’, li tilqa’ u li takkumpanja liż-żgħażagħ.
Il-kariżma ta’ Don Bosco għandha tmexxina biex inkunu edukaturi bl-istess spirtu tiegħu. Naħdmu b’dal-mod, ħalli nibnu fuq it-tajjeb li għandhom iż-żgħażagħ u nħeġġuhom jiskopru s-sejħa li l-Mulej qed jagħmel lilhom – tkun xi tkun is-sejħa tagħhom.
Nixtieq ninkoraġġikom ħafna, speċjalment lilkom Familja Sależjana, biex tkomplu l-attivitajiet diversi tagħkom favur il-ġenerazzjonijiet ġodda – oratorji, ċentri taż-żgħażagħ, ċentri edukattivi – u tagħmlu dan bil-ġenerożità u bil-fiduċja. U temmnu li b’dal-mod qed tagħtu kontribut kbir lill-ħidma tal-Knisja, imma wkoll lis-soċjetà Maltija.
Knisja li toħroġ
Don Bosco kien dejjem fidil lejn il-Knisja u lejn il-Papa – jgħidu li fost l-aħħar kelmiet li qal, semma l-Papa sforz l-imħabba tiegħu lejn il-Papa – u kien jimxi fuq l-indikazzjonijiet pastorali tagħhom. Ma baqax magħluq fis-sagristija jew id-dar, imma ħareġ fit-triq b’ħeġġa kbira. Dak iż-żmien ma kienx faċli. Nitkellmu llum fuq l-ambjenti diffiċli ta’ żmienna, imma dak iż-żmien l-ambjent tiegħu ma kienx faċli. Fir-reġjun fejn kien jgħix kien hemm ħafna anti-klerikaliżmu, nies mażuni u nies sataniċi wkoll. Kellu jħabbat wiċċu ma’ dan kollu, imma kien konvint li l-ħidma għandha ssir ’il barra – Knisja li trid toħroġ ’il barra f’missjoni.
Illum il-Knisja, permezz tal-Papa Franġisku u wkoll tal-Knisja lokali f’Malta, qed tħeġġiġna lkoll biex inkunu Knisja li toħroġ – bħalma smajna fl-ewwel qari, mill-ktieb tal-Profeta Eżekjel, li r-ragħaj joħroġ ifittex lin-nagħaġ li tbiegħdu. Għalhekk b’mod konkret infittxu dejjem il-ġdid, speċjalment it-tfal u ż-żgħażagħ fil-postijiet fejn jgħixu – fil-periferiji, fl-inħawi ta’ riskju, f’qagħdiet soċjali ta’ sfida; fuq kollox, fejn hemm nuqqas ta’ mħabba, ta’ tenerezza, ta’ tama.
Nixtieq inħeġġiġkom tkomplu din il-ħidma – kemm intom is-Sależjani kif ukoll dawk kollha li b’xi mod jipparteċipaw fil-missjoni tagħkom – biex tkomplu din il-ħidma bl-istess spirtu ta’ paternità ta’ Don Bosco. Tafu li l-Oratorju ta’ Don Bosco beda mil-laqgħa tiegħu mat-tfal tat-triq. L-Oratorju anke llum għandu funzjoni importanti għax hu l-post fejn liż-żgħażagħ jgħinhom biex ma jibqgħux magħluqin fihom infushom imma joħorġu lejn l-oħrajn. Għalhekk nistedinkom biex iġġorru dejjem f’qalbkom dan l-istil ta’ Don Bosco: li dejjem tħarsu lil hinn minn dawk li jiġu, tħarsu ’l barra biex tiltaqgħu ma’ dawk li b’xi mod jew ieħor tbiegħdu mill-ħajja tal-Knisja u minn Ġesù.
Kif tafu, il-Mulej bierek il-ħidma ta’ Don Bosco mhux biss mill-frott tiegħu fi żmienu, tul is-snin u fi żmienna, imma anke permezz ta’ persuni li l-Knisja ddikjarathom qaddisin jew beati, li ħarġu mill-esperjenza edukattiva ta’ Don Bosco – bħal Domenico Savio, niftakar meta kont żgħir kemm kien għalina ta’ ispirazzjoni. Imma anke jekk mhux dikjarati uffiċjalment qaddisin, tant nies setgħu jikbru bħala Nsara u jgħixu u jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom.
Illum nitolbu, fil-festa ta’ San Ġwann Bosco, bl-interċessjoni ta’ dan il-missier u għalliem. Nitolbu biex il-Mulej ibierek kull membru tal-familja Sależjana; ibierek lill-edukaturi li jagħtu ħajjithom għall-iżvilupp taż-żgħażagħ; ibierek lil kull żagħżugħ u żagħżugħa li jieħdu sehem f’din l-esperjenza Sależjana biex, bis-saħħa ta’ din l-esperjenza, ikunu jistgħu jagħrfu aktar lil Ġesù li hu t-Triq, il-Verità, il-Ħajja. Nitolbu biex aħna lkoll inkomplu nkunu ispirati mill-ħajja ta’ Don Bosco, biex nimxu ’l quddiem bil-ferħ u bil-ġenerożità, u fil-ħidma tagħna mal-oħrajn l-attitudni tagħna tkun, kif isemmi l-Papa Franġisku, attitudni ta’ viċinanza, kompassjoni, tenerezza. Hekk wera Ġesù u hekk ried li jkun l-ispirtu li bih ngħixu l-missjoni tagħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
Ritratti: Oratorju Salesjani