L‑Arċidjoċesi ta’ Malta u Heritage Malta ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim (MoU) importanti biex tiġi restawrata l‑Knisja ta’ Santa Katerina tal‑Italja fil‑Belt Valletta u jinfetaħ l‑aċċess pubbliku għaliha mill‑MUŻA – il‑Mużew Nazzjonali tal‑Arti tal‑Komunità.

Il‑ftehim jirrifletti r‑rieda komuni taż‑żewġ entitajiet li jestendu l‑opportunitajiet għall‑pubbliku biex japprezza din il‑binja ikonika ta’ żmien il‑Kavallieri fil‑kapitali, li bħalissa sservi bħala l‑knisja parrokkjali tal‑komunità Taljana f’Malta. Lil hinn mill‑funzjonijiet reliġjużi, Santa Katerina tal‑Italja hija wkoll l‑uniku eżempju li għadu jeżisti ta’ knisja ta’ żmien il‑Kavallieri mqabbda mal‑berġa tagħha, f’dan il‑każ il‑Berġa tal‑Italja, fejn illum hemm il‑MUŻA.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Heritage Malta se tieħu ħsieb tirrestawra l‑knisja u tipprovdi interpretazzjoni bil‑Malti, bl‑Ingliż u bit‑Taljan, filwaqt li se jinqasmu r‑responsabbiltajiet tal‑manutenzjoni. Bit‑twaqqif mill‑ġdid ta’ konnessjoni diretta bejn il‑knisja u MUŻA, il‑viżitaturi tal‑mużew se jkunu jistgħu japprezzaw b’mod aktar sħiħ l‑istorja tal‑binja li jinsab fiha, flimkien mal‑wirt reliġjuż u kulturali għani fil‑knisja storika mqabbda magħha.

Is‑Sur Michael Pace Ross, is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, iddeskriva dan il‑ftehim bħala pass ieħor importanti fil‑ħarsien tal‑wirt kulturali u reliġjuż tagħna. “Il‑Knisja ta’ Santa Katerina tal‑Italja ilha tintuża bħala post ta’ qima mill‑komunità Taljana f’Malta, u għandha wkoll rabtiet storiċi msejsa fuq tradizzjonijiet reliġjużi kif ukoll patrimonju artistiku rikk. Bis‑saħħa ta’ din il‑kollaborazzjoni, din il‑knisja se tkun iżjed aċċessibbli għax se tkun miftuħa għal ħinijiet itwal, mingħajr ma dan ikollu effett fuq il‑funzjonijiet reliġjużi.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Is-Sur Roberto Buontempo, il-Kap tat-Taqsima Proprjetà tal-Arċidjoċesi, qal: “Bir‑restawr u l‑integrazzjoni ta’ din il‑ġawhra fl‑esperjenza tal‑viżitatur tal‑MUŻA, il‑Knisja qed tkompli tħaddan ir‑responsabbiltà tagħha li tippreserva l‑istorja filwaqt li tippromovi għarfien aktar profond tal‑patrimonju Malti. Nistennew bil‑ħerqa li naraw din l‑inizjattiva tħalli l‑frott mixtieq, u li kemm il‑Maltin kif ukoll it‑turisti li jżuruna jkunu jistgħu jesperjenzaw il‑wirt spiritwali u artistiku tal‑knisja.”

Is‑Sur Mario Cutajar, Chairperson ta’ Heritage Malta u Direttur tal‑MUŻA, ikkummenta: “Il‑bidliet li qed iseħħu fil‑MUŻA jmorru lil hinn minn dak li qed iseħħ fis‑swali. Il‑MUŻA qed tikber fl‑ispazju u, iktar minn hekk, fl‑esperjenza li qed toffri lill‑viżitatur. F’qasir żmien, spazju ieħor se jkun qed jingħaqad mal‑MUŻA biex jingħata lin‑nies.”

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Is‑Sur Noel Zammit, il‑Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, stqarr: “Jagħtina pjaċir kbir li ħloqna din il‑kollaborazzjoni daqshekk pożittiva bejn l‑Istat u l‑Knisja. Permezz ta’ dan il‑ftehim, Heritage Malta qed tmexxi ’l quddiem il‑missjoni tagħha u tistieden lill‑Maltin kif ukoll lit‑turisti biex jesperjenzaw ġawhriet storiċi li qabel kienu inaċċessibbli – f’dan il‑każ il‑knisja tal‑Berġa tal‑Italja.”

Għalkemm oriġinalment il‑knisja nbniet fl‑1576 fuq disinn tal‑perit Malti Ġlormu Cassar, il‑faċċata u d‑daħla li naraw illum imorru lura għall‑1713, meta sarulha xogħlijiet mill‑perit Barokk Taljan Romano Carapecchia. Ftit snin biss qabel, b’xorti kbira, il‑knisja salvat mit‑terremot tal‑1693. Fost l‑opri tal‑arti f’din il‑knisja nsibu l‑inkwatru titulari, ‘Il‑Martirju ta’ Santa Katerina’, li huwa tal‑artist ċelebri Barokk Kalabriż Mattia Preti, li kien imqabbad iżejjen il‑knisja konventwali tal‑Kavallieri Taljani ftit wara l‑wasla tiegħu fil‑gżejjer lejn tmiem is‑snin ħamsin tas‑seklu 17. It‑tmien segmenti monokromatiċi tal‑koppla l‑kbira, li juru xeni mill‑ħajja ta’ Santa Katerina, ukoll saru f’dan il‑perjodu.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Aktar ritratti