• ****
    Direttur
    : Sandra Nettelbeck
    Atturi: Michael Caine, Clemence Poesy, Justin Kirk, Jane Alexander, Gillian Anderson Richard Hope u Anne Alvaro
    Ħin tal-film: 116 min.

     
    Klassifika taċ-Ċensura: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 12

    Matthew Morgan hu Professur Amerikan, f’eta` ta’ madwar  tmenin sena, armel u li jinsab jgħix ġewwa Pariġi. Għalkemm għex għan-numru ta’ snin ġewwa Franża, iżda għadu ma tkellimx kelma waħda bil-Franciż. Tliet snin ilu tilef lill-martu li kien jadura u t-telfa tagħha qatt ma aċċettah. Kien qiegħed igħix minn jum għal ieħor iżda bla ebda ħeġġa jew tama li l-ħajja tista’ titjieb xi ftit. Dan kollu kellu jinbidel meta f’ħajtu daħlet Pauline Laubie, nofs  l-eta` tiegħu li x-xogħol tagħha kien li tmexxi skola ta’ żfin. Pauline wkoll kienet tgħix ħajja ta’ waħedha għalkemm xtaqet kemm il-darba li fil-ħajja tagħha jkollha familja. Meta lltaqgħet ma’ Matthew, bdiet temmen li Matthew seta’ kien dak il-persuna li dejjem kienet
    xtaqet, persuna li kapaċi taqsam miegħu ħsebijietha u x-xewqitha. Ir-relazzjoni  bejniethom kienet relazzjoni ta’ ħbieb ġenwini, mħabba plutonika li tgħin lil xulxin fil-ħajja monotona li kienu qegħdin igħixu fiha qabel ma lltaqgħu flimkien. Meta Matthew isib ruħhu l-isptar wara li ħa numru ta’ pilloli, kienet Pauline li bdiet idur bih u tiħu ħsieb li ma jkun jonqsu xejn. Meta ż-żewġ uliedu jaslu mill-Amerika biex jaraw x’kien ġralu missierhom,  lil Pauline bdew iqisuha li kienet qegħda tagħmel dan biex tkun tista’ tgawdi mill-ġid li Matthew kellu. X’kienet ir-reazzjoni ta’ Pauline għal din l-akkuża.  Waqt li t-tifla ta’ Matthew, Karen tmur lura lejn l-Amerika għaliex dehret mhux wisq interessata la f’missierha u anqas f’Pauline, Miles, it-tifel ta’ Matthew baqa’ Franża biex jieħu ħsieb missieru. Joħroġ ċar li r-relazzjoni bejn Matthew u uliedu ma tantx kienet tajba. X’jiġri minn hawn? Tgħid Miles jibda jara għajn ma’ għajn ma’ Pauline?

    Film interessanti, kummiedja-dramm, bi storja tajba u msejjes fuq in-novella Franċiża ta’ Francoise Dornet. L-atturi prinċipali, Michael Caine u Clemence Poesy jaqilgħu l-parti tagħhom b’sengħa kbira. Joħroġ tajjeb l-effett li jkollu fuq persuna meta titlef is-sieħeb jew sieħba tagħha u minnaħa l-oħra l-importanza li wiehed jkompli jgħix il-ħajja tiegħu. Minħabba t-tema tal-film,  titlob li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.