L-organizzaturi tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ħarġu sejħa għall-parteċipazzjoni tal-mużiċisti fl-orkestra u l-kor li se jdoqqu u jkantaw fiċ-ċerimonji mal-Papa f’Madrid f’Awwissu li ġej. Żgħażagħ bi strument klassiku u involuti f’taħriġ fil-vuċi huma mistiedna sabiex jiffurmaw parti mill-orkestra volontarja u l-kor li se janimaw l-attivitajiet marbuta mal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
L-istedina ntqal li hi estiża għal dawk il-mużiċisti li għandhom livell avvanzat f’daqq ta’ strumenti tal-korda, fost oħrajn.
Pedro Alfaro, Direttur tal-Proġett Mużikali, għamel l-istqarrija li “l-mużika hija l-arti spiritwali per eċċellenza, b’abbilta speċjali li tqajjem fl-individwi ideali kbar”. Huwa inkoraġixxa lill-professjonisti kollha fil-qasam mużikali sabiex jaqsmu t-talent tagħhom maż-żgħażagħ madwar id-dinja. Ir-reġistrazzjoni tagħlaq fis-27 ta’ Jannar. L-għażla finali tal-parteċipanti se ssir nhar it-23 ta’ Frar. Il-prattika se ssir f’Madrid.
Il-proġett hu organizzat mill-Musica para Todos – Mużika għal Kulħadd – bil-għan li jinxterdu l-valuri permezz tal-mużika. Il-grupp jispeċjalizza fl-attivitajiet li jikkombinaw il-kwalita tal-mużika b’fora li jġibu l-esperjenza mużikali għall-attenzjoni ta’ udjenzi kbar.