L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Lil dak li ħabbna, li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu, li għamilna Saltna, qassisin għal Alla tiegħu Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem” (Apok 1:5-6). Dan huwa l-kliem mill-aħħar ktieb tal-Bibbja, il-ktieb li għandu isem stramb, il-ktieb tal-Apokalissi, li tfisser li xi ħaġa tinfetaħ quddiemek u tagħraf x’inhi, rivelazzjoni.

F’dan l-aħħar ktieb hemm din is-sentenza li tiġbor dak li qegħdin niċċelebraw illum. Qed nagħtu glorja u setgħa lil xi ħadd: ir-Re tar-Rejiet, Kristu Sultan. Qed nirrikonoxxu li għandu setgħa għal dejjem. Imma dan min hu u għaliex? “Lil dak li ħabbna”. Kemm hi ħaġa sabiħa li nirrikonoxxu li aħna qed nagħmlu festa lil xi ħadd li ħabbna. Aħna, ħafna drabi meta nagħtu l-ġieħ fid-dinja, mhux bilfors naħsbu f’din il-ħaġa imma llum il-kelma ta’ Alla tfakkarna li qegħdin nagħmlu festa lil Ġesù Sultan f’ġieħ l-imħabba li biha ħabbna u li din hija wkoll stedina għalina biex nuruh li kapaċi nirrispondu b’imħabba — forsi fuq grad inqas — għal tant imħabba li rċevejna.

“Lil dak li ħabbna, li ħallna minn dnubietna”. X’jiġifieri? Li tħoll lil xi ħadd mid-dnub tiegħu. Id-dnub huwa meta jiena nitlef it-triq u nintilef jien, meta ninsa dak li jagħmilli l-ġid u nagħżel xi ħaġa forsi li tkissirni għax attratt lejha, xi ħaġa li l-ħajja tagħmilha infern u mhux ġenna. Dak hu d-dnub. Imma l-Mulej ħallna minn dak kollu li stajna u nistgħu naqgħu fih. Għax ħafna drabi nidħlu fi problemi li mbagħad ma nkunux nafu kif se noħorġu minnhom. Meta tirrealizza li għandek bżonn lil min jgħinek, li għandek bżonn lil min imidd idu biex jgħinek, hemmhekk tirrealizza xi tfisser li jkollok xi ħadd li jsalvak u jħollok mid-dnub tiegħek. Ħafna drabi d-dnub huwa sqaq li ma jinfidx u tibda tħokk rasek kif se toħroġ minnu. Afda fil-Mulej Ġesù, taqtax qalbek mill-ħniena u mill-imħabba tiegħu.

Afda “lil dak li ħabbna, li ħallna minn dnubietna”. Kif? “Bis-saħħa ta’ demmu” (Apok 1:5). Dan hu r-re li qed nagħmlu festa għalih. Dan ma qabadtx xi ħaġa oħra u bagħathilna biex jeħlisna. “Ħallas b’demmu”.  Dan misteru kbir li Alla li ħalqek, li jista’ kollox, isir bniedem biex iħallas b’demmu, jeħilsek mill-għawġ li dħalt fih b’demmu. U mhux hekk biss, “għamilna saltna”, tana d-dinjità tas-slaten. Għamilna qassisin. X’jiġifieri? Kulħadd bil-kullar hawnhekk? Le, il-qassis huwa dak li huwa ta’ Alla u aħna bil-magħmudija, ilkoll kemm aħna għandna sinjal tal-Mulej fil-qalb tagħna, f’ruħna.

Quddiem l-għawġ kollu ftakru f’dak li dejjem ifakkruna l-martri, nieħdu eżempju minn Santa Katarina, li llum qegħdin f’din il-knisja ddedikata għaliha. Jiena ta’ Ġesù, jiġri x’jiġri minni, Ġesù jħobbni, ta ħajtu għalija.

Nitolbu maħfra ta’ meta l-qalb tagħna tibbies. Ma niġġudikaw lil ħadd.

Aħna llum wara din il-quddiesa se nieħdu sehem f’inizjattiva sabiħa [il-Fun Run] ggwidati mill-għażiż President tar-Repubblika. Mixja, fiha nnifisha tagħmlilna ħafna ġid imma permezz tagħha nkunu qed nagħmlu l-ġid ukoll u nagħtu sinjal li aħna veru saltna ta’ qaddejja ta’ xulxin u li ngħożżu għal xulxin. Kultant ikun hemm xeni madwar d-dinja u anke fostna li jsewdulek qalbek. Bniedem li se jagħmel ħsara lilu nnifsu tinkoraġġih biex ikompli? Nitolbu maħfra ta’ meta l-qalb tagħna tibbies. Ma niġġudikaw lil ħadd. Aħna msejħin għal xi ħaġa aħjar, imsejħin, kif nagħmlu ħafna drabi, biex nieħdu ħsieb xulxin. Hemm mod u mod kif tieħu ħsieb xulxin, hemm mod u mod kif tkun parti minn din is-saltna ta’ Ġesù, li tkun ferħan li inti mmarkat; għalhekk qassisin immarkat bis-sinjal tal-Mulej, u li tagħtih glorja billi tirrikonoxxih li hu sultan tiegħek fl-imħabba, fil-fedeltà.

L-Evanġelju tal-lum hu stramb għaliex aħna lil Ġesù Sultan qed nikkontemplawh, naħsbu fih quddiem Pilatu, umiljat, għamel lejl arrestat wara li ċaħdu wieħed minn tiegħu stess u ċaħdu b’bewsa, “b’bewsa titradixxi lil Bin il-Bniedem?” (Lq 22:48). U quddiem is-setgħa ta’ din id-dinja jgħid, “Jiena ġejt biex nixhed għall-verità”. Dik is-saltna tiegħi. M’għandix interess fil-poter ta’ din id-dinja li jiġi u jgħaddi għalkemm jista’ jkun servizz u għandu jkun servizz għal-ġid tal-proxxmu. Imma jkun servizz u ġid tal-proxxmu anke s-setgħa ta’ din l-art, jekk nisimgħu l-kelma ta’ min ħabbna, ta’ min ħallna mit-tbixkil u d-dnubiet tagħna b’demmu l-għażiż.

“Jiena għalhekk ġejt fid-dinja,” jgħid Ġesù, “biex nixhed għall-verità” (Ġw 18:37). Iżda l-verità x’inhi? Mhux bilfors xi ħaġa tal-ħsieb jew filosofija. Il-kelma ‘verità’ tfisser ukoll li inti tkun leali lejn il-kelma tiegħek. Alla qal: Jiena nħobbok, mhu se jiċħdek qatt. Dik il-verità li ġie jixhed għaliha Ġesù. Il-verità li s-sewwa jagħmlek nies u l-ħażin ifarkek. Dik hi l-verità fundamentali. Ma ġiex biex jgħallimna ħafna affarijiet tqal jew bl-amment. Mhux dik il-verità li ried iwassal Ġesù u li ġie jixhed għaliha.

Ġie jixhed li inti min inti, jiġrilek x’jiġrilek, Alla jħobbok, Alla se jħenn għalik, se jibki miegħek, se jibki għalik u lest ixerred demmu għalik. Għaliex minn hawn u ftit sigħat oħra, wara dan il-kliem, Ġesù jgħaddi mill-paroli għall-fatti, jixhed għall-verità li Alla huwa mħabba. Waqt li jkun imdendel mas-salib jgħid: “Aħfrilhom” (Lq 23:34),  hu ħsieb ommi (ara Ġw 19:26). “Illum stess tkun miegħi l-ġenna” (Lq 23:43), “F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi” (Lq 23:46). Kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.

Dan hu r-re tagħna, għalhekk illum qegħdin nagħmlu festa “Lil dak li ħabbna, li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu. Lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem” (Apok 1:5-6).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Dan 7:13-14
Salm: 92(93):1ab,1ċ-2,5
Qari II: Apok 1:5-8
Evanġelju: Ġw 18:33b-37