L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh” (Ġw 4:23). Ejjew nieqfu ftit fuq din l-espressjoni li Ġesù jgħid lis-Samaritana fir-raba’ kapitlu ta’ San Ġwann. “Il-Missier ifittex lil dawk li jadurawh” (Ġw 4:23). Mhux biss jafna sa mill-eternità u ħalaqna, imma donnu jogħxa bil-qima li nagħtuh; ifittixha, u jfittex lil dawk li jqimuh.

Niftakru f’espressjoni oħra ta’ Ġesù, din id-darba minn fuq is-salib: “Għandi l-għatx!” (Ġw 19:28). Nistgħu ngħidu li dan l-artal li qed nikkonsagraw illum, li qed toffri l-komunità, hu risposta għal dan l-għatx ta’ Ġesù; hu risposta tal-ħerqa għall-Mulej, li kontinwament ifittex lil dawk li jqimuh. Hi l-komunità tagħkom, għeżież sorijiet, li qed tirrispondi għal dan l-għatx ta’ Alla. Hu misteru, għax Alla minnu nnifsu m’għandu bżonn lil ħadd; aħna li għandna bżonnu. Niftakru fit-talba li għallimna San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, jien, għandi bżonnok’. L-espressjoni għażiża ta’ Santu Wistin: ‘il-qalb tagħna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx fik.’

“Ruħi bil-għatx għalik” (Salm 63:2). U għal għatx tar-ruħ tagħna, jikkorrispondi wkoll l-għatx tal-Mulej għalina. Dan hu misteru kbir; imma hu l-misteru kbir tal-imħabba. Għax wara kollox aħna ħriġna, il-ħolqien ħareġ mill-id ta’ Alla, frott l-imħabba tiegħu. Imma l-bniedem maħluq xbieha ta’ Alla biex ikun jista’ jħobb, bir-riskju li jiddeċiedi li ma jħobbx għax l-imħabba hi deċiżjoni, l-imħabba hi libera, jekk trid; bilfors mhix imħabba. Alla tant għandu għatx tal-imħabba tagħna, li lest jirriskkja anke r-rifjut tagħna, tant hi prezzjuża għalih l-imħabba tagħna.

“U jfittex lil dawk li jadurawh” (Ġw 4:23). Hawnhekk il-Mulej iħares u jsib lil min iqimu. Dan l-artal ikkonsagrat fil-kappella tant għażiża għall-komunità ta’ Ħal Qormi. Qiegħda fil-fruntiera, bejn żewġ parroċċi. Kollox kien jieqaf u jibda mal-Abatija, bl-istejjer kollha konnessi: funerali, marċi, purċissjonijiet, kollox.

Il-bniedem maħluq xbieha ta’ Alla biex ikun jista’ jħobb, bir-riskju li jiddeċiedi li ma jħobbx għax l-imħabba hi deċiżjoni, l-imħabba hi libera, jekk trid; bilfors mhix imħabba

Niftakarni ċkejken, niġu hawn ukoll f’Ħamis ix-Xirka għall-Viżti. Dan iċ-ċentru ta’ spiritwalità antik, li għadu animat minnkom. Illum il-konsagrazzjoni ta’ dan l-artal hu wkoll sinjal ta’ tama. Ma tikkonsagrax artal ta’ knisja li se tagħlaq għada. Hu statement, li l-komunità hawnhekk tixtieq tkompli tirrispondi fl-ispirtu u l-verità għall-għatx tal-Missier li jfittex lil dawk li jqimuh.

Nirringrazzjakom ħafna ta’ din l-istedina li għamiltuli li niġi u nikkonsagra dan l-artal, mhux biss bħala isqof, imma ex-alumno, għax hawnhekk ippreparajt lili nnifsi għall-preċett. Peress li konna noqogħdu fi Triq l-Imdina, hawnhekk kien l-eqreb ċentru ta’ katekeżi. Din it-triq għadna nsejħulha t-triq tas-sorijiet. Immaġinaw li l-isqof, li sema’ l-ewwel darba b’Ġesù Ewkaristija mingħandkom, illum qed jikkonsagra l-artal. Il-misteri ta’ Alla, li jfittex lil dawk li jqimuh, li jħobbna minkejja d-difetti u d-dnubiet tagħna sa mill-eternità. L-għatx tiegħu għall-imħabba tagħna jikkorrispondi wkoll għall-għatx li poġġa fina għall-imħabba tiegħu.

Għalkemm dan l-artal hu tal-irħam, frott l-arti tal-bniedem, imma hu sinjal qawwi tal-preżenza ta’ Ġesù fostna, mhux biss aħna nqimuh, inbusuh, inżejnuh; minnu l-Knisja titmagħna, l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Din il-mejda li tgħaqqadna mas-sema. Jalla l-ħajja tagħna, minkejja d-difetti tagħna u dnubietna, aħna ngħidulu ‘hawn jien’, kull meta jfittixna biex inqimuh. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: 1 Mak 6, 1-13
Salm: 9, 2-3.4 u 6.16b u 19
Evanġelju: Lq 20, 27-40

Aktar ritratti >>