Fl‑okkażjoni tax‑Xahar tal‑Ħolqien (mill-1 ta’ Settembru sal-4 ta’ Ottubru), il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) qed toffri xi riflessjonijiet li jistgħu jgħinu lil pajjiżna jagħmel l‑aħjar għażliet sabiex jiżgura kwalità tal‑ħajja li tassew tixraq lilna u lil uliedna.
Il‑ħtieġa ta’ dibattiti sinċiera u onesti
L‑istorja turina li l‑ebda naħa tal‑Kamra tal‑Parlament Malti ma tista’ tqis lilha nnifisha bħala xi paladin tal‑ambjent. Id‑difiża ġenwina tal‑ambjent, fil‑maġġoranza assoluta tal‑każi, dejjem waqgħet fuq dahar l‑NGOs, id‑diversi kunsilli lokali li kellhom il‑kuraġġ jitkellmu lil hinn mill‑interessi dojoq partiġġani, u ċ‑ċittadini ta’ kuxjenza. Meta l‑politiċi jiddeċiedu li jindirizzaw kwistjonijiet ambjentali, minbarra l‑ħafna diskors ta’ retorika, aktar nassistu għall‑kompetizzjoniet ta’ min igara l‑aktar ħama lejn in‑naħa l‑oħra minflok sforzi sinċieri sabiex jingħaqdu għall‑ġid ta’ din id‑dar komuni. Fl‑enċiklika tiegħu Laudato si’, il‑Papa Franġisku jappella kontinwament lill‑politiċi dwar il‑ħtieġa ta’ dibattiti sinċiera u onesti.
Donazzjonijiet lill‑partiti bħala “investiment” għall‑futur
Dan l‑aħħar kellna konferma li xi politiċi miż‑żewġ naħat “kontinwament jiffittaw” lin‑negozjanti għall‑flus (donazzjonijiet)[1]. Quddiem kif u lil min jingħataw ċerti permessi, ma tistax ma tistaqsix jekk ikunx hemm xi obbligazzjonijiet (investimenti) marbuta ma’ dawn id‑donazzjonijiet. Tassew li dawn l‑intriċċi huma komuni mad‑dinja kollha, imma l‑impatt negattiv tagħhom hu aktar qawwi f’pajjiż żgħir b’riżorsi limitati u b’densità tal‑popolazzjoni kbira bħal tagħna.
Sinjali ta’ tama
Fl‑2019, il‑KA kienet innotat kif diversi komunitajiet qed jingħaqdu u jgħidu ‘le’ għal żvilupp li mhux sostenibbli fil‑lokalità tagħhom. B’sodisfazzjon, il‑KA tinnota li dan il‑qawmien kompla jikber. Dawn l‑oġġezzjonijiet huma evidenza ċara li aktar u aktar nies huma mxebbgħa: (i) mill‑ammont eċċessiv ta’ żvilupp li qed iseħħ f’pajjiżna; (ii) mit‑tnaqqir ta’ spazji naturali miftuħa; (iii) li ma jkunux ikkonsultati bis‑serjetà dwarproġetti li jkunu sa jħallu impatt serju fuq il‑kwalità tal‑ħajja tagħhom; (iv) li r‑rapporti dwar l‑impatti tal‑proġetti jew ma jsirux, jew inkella jinżammu moħbija; (v) mill‑arroganza ta’ żviluppaturi li qisu ħadd ma jista’ għalihom … għax jew jieħdu li jridu jew jheddu bis‑sensji; u (vi) mill‑propaganda qarrieqa li l‑progress ta’ Malta jiddependi kważi għal kollox fuq l‑industrija tal‑bini. Il‑KA tinnota b’sodisfazzjon li l‑Assoċjazzjoni tal‑Kunsilli Lokali qed tkun ta’ spalla biex tippromwovi proġetti ta’ sostenibbiltà li jtejbu l‑kwalità tal‑ħajja fil‑lokalitajiet.
Diskors antikwat minn politiċi taż‑żewġ naħat f’“era moderna”
Irridu nammettu — lil hinn minn kull diskors partiġġan — li matul is‑snin issagrifikajna l‑ambjent ta’ pajjiżna għal mudell ta’ żvilupp antikwat li filwaqt li jimla l‑bwiet ta’ xi ftit, inaqqas il‑kwalità tal‑ħajja tal‑ħafna. Pajjiżna sar sit ta’ kostruzzjonji wieħed li kerrahna lil Malta. Il‑KA tiskanta li politiċi miż‑żewġ naħat tal‑Parlament għadhom jitkellmu f’termini li jinstab “bilanċ” bejn l‑iżvilupp u l‑ambjent. Dan id‑diskors ilu snin li għadda żmienu u l‑politiċi jridu jifhmu li l‑ekonomija u l‑kwalità tal‑ħajja ma jistgħux jissaħħu jekk mhux ser issir għażla preferenzjali favur l‑ambjent.
Indikazzjoni ta’ kemm ir‑rata tal‑bini f’Malta qed tmur kontra kull sens ta’ sostenibbiltà, ngħatat bit‑twaqqaf il‑Property Malta Foundation bejn il‑Gvern u l‑Assoċjazzjoni tal‑Iżviluppaturi Maltin (MDA) biex tinċentiva l‑bejgħ ta’ appartamenti lill‑barranin. Il‑KA tistaqsi: Din mhix ammissjoni, ta’ dak li hi u entitajiet oħra tennew kemm‑il darba, li l‑provvista tal‑bini hija akbar mid‑domanda li pajjiżna verament għandu bżonn? Inizjattiva bħal din tista’ titqies sostenibbli f’kuntest ta’ pajjiż bl‑ikbar densità ta’ popolazzjoni fl‑Unjoni Ewropea u s‑sitt l‑ikbar fid‑dinja?
Madanakollu, jidher li ma tantx hemm sinjali li l‑folja ser tinqaleb. Kien hemm diversi proġetti mostrużi, li minkejja l‑impatt tagħhom, xorta kienu approvati mill‑istess awtoritajiet li twaqqfu biex jipproteġu ’l pajjiżna minn żvilupp mhux sostenibbli, jiġifieri l‑ERA[2] u l‑Awtorità tal‑Ippjanar (PA). Mhux talli hekk, talli milli jidher dan id‑degrad issa hu aċċettabbli għall‑PA, għax “Malta issa dieħla f’era moderna”[3].
Rakkomandazzjonijiet
Il‑KA ma tistax tinjora l‑inizjattivi pożittivi li saru f’pajjiżna bħat‑tnaqqis tat‑tniġġiż, l‑għoti ta’ spażji miftuħa lura lill‑pubbliku, il‑konservazzjoni tal‑ilma u l‑użu ta’ sorsi ta’ enerġija sostenibbli. Iżda, fl‑istess ħin tħoss li hemm bżonn ta’ strateġija aktar aggressiva li tpoġġi l‑kura tal‑ħolqien bħala l‑ogħla prijorità. Dan minħabba r‑rabta intima li hemm bejn ambjent b’saħħtu u l‑benesseri tal‑komunità. B’hekk dak li tkun bniet l‑id il‑leminija ma jinħattx mill‑id ix‑xellugija. Jidher li l‑Viżjoni Ekonomika ta’ Malta 2021‑2031 qed tirrikonoxxi li l‑ġejjieni ekonomiku ta’ Malta hu marbut intimament mal‑kwalità tal‑ambjent tagħna. F’dan il‑kuntest, il‑KA tixtieq tipproponi azzjonijiet kuraġġużi sabiex pajjiżna jaqbad it‑triq tas‑sostenibbiltà bis‑serjetà:
- Il‑kunsilli lokali taw prova li huma kapaċi, ħafna aktar mill‑ERA u mill‑PA, li jpoġġu l‑interessi tar‑residenti qabel dawk partiġġani u ta’ żviluppaturi bla skruplu. Il‑KA tħoss li l‑Gvern għandu jagħti aktar setgħa lill‑kunsilli lokali f’deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal‑lokalità tagħhom. Fi ftit kliem, li kunsill lokali li jkollu l‑kunsens taċ‑ċittadini, jkollu wkoll is‑setgħa li jwaqqaf jew jirrevedi proġetti maġġuri ta’ żvilupp. Biex dan iseħħ hemm bżonn li:
- il‑proċessi ta’ konsultazzjoni dwar proġetti li jkunu ser jaffettwaw lill‑lokalità jkunu tassew trasparenti u jsiru fi stadju bikri tal‑proġett;
- il‑kunsilli lokali jevitaw li l‑azzjonijiet li jkunu qed jieħdu jitniġġsu b’interessi partiġġani;
- jinbeda programm ta’ edukazzjoni fil‑komunità sabiex titrawwem ċittadinanza li tfittex il‑ġid komuni u topponi kull ma jheddu; u
- il‑Gvern joffri protezzjoni lill‑kunsilliera u liċ‑ċittadini minn attakki u pressjoni li jistgħu jsofru minħabba l‑pożizzjonijiet li jieħdu.
- Sabiex niġġieldu l‑klijentaliżmu, il‑Parlament għandu jiddiskuti u jiddeċiedi fuq: (i) sistema li biha l‑Membri Parlamentari jkunu mħallsa b’tali mod li tonqsilhom it‑tentazzjoni li jduru fuq negozjanti u żviluppaturi għal pjaċiri li eventwalment jissarfu fi pjaċiri mill‑politici fil‑poter, u (ii) liġi li permezz tagħha l‑partiti politiċi jkunu finanzjati parzjalment minn fondi tal‑Istat.
- Jekk iż‑żewġ naħat tal‑Kamra verament għandhom interess ġenwin fi kwistjonijiet ambjentali lil hinn minn interessi partiġġani, allura l‑KA tissuġġerixxi li jitħejja Pjan ta’ Żvilupp Sostenibbli li jieħu post il‑Pjan Strateġiku dwar l‑Ambjent u l‑Iżvilupp (SPED) li wara konsultazzjoni pubblika jiġi approvat minn żewġ terzi tal‑Membri tal‑Kamra u jkun implimentat minn min ikun fil‑Gvern. Xogħol min ikun fl‑Oppożizzjoni jkun dak li jiżgura li l‑miri qed jintlaħqu.
Konklużjoni
B’mod speċjali waqt ix‑Xahar tal‑Ħolqien, il‑KA tistieden lil kull min hu involut fid‑deċiżjonijiet li jimpattaw il‑kwalità tal‑ambjent tagħna, sabiex jirriflettu u jiddeċiedu fuq kif jixtiequ li uliedna jibqgħu jiftakruhom. Jekk hux bħala dawk li biegħulhom l‑futur tagħhom għall‑flus jew bħala eroj li ħaduha kontra l‑kurrent ħalli jiżgurawlhom futur hieni, ġust u san f’din id‑dar komuni.
Agħfas hawn biex tara l-istqarrija sħiħa.
[1] https://timesofmalta.com/articles/view/watch-parties-requests-for-money-verge-on-harassment-sandro-chetcuti.892081
[2] https://www.independent.com.mt/articles/2021-05-28/local-news/Residents-and-organisations-file-appeal-against-ERA-s-approval-of-DB-project-s-EIA-6736233854
[3] https://timesofmalta.com/articles/view/we-have-to-accept-that-malta-is-moving-into-a-modern-era-pa-chief.873841?utm_source=tom&utm_campaign=newsletter&utm_medium=email&utm_content=2021-05-23