L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Iż-żewġ ġrajjiet li jsemmi Ġesù fl-Evanġelju llum, hu u jitkellem man-nies – il-massakru li kien għamel Pilatu mill-Galilin, u t-torri li kien waqa’ fuq 18-il ruħ u qatilhom – kienu ġrajjiet li n-nies ta’ dak iż-żmien kienu midħla tagħhom, u baqgħu jsemmuhom. U kienu dak iż-żmien, bħalma nistaqsu aħna llum, jagħmlu l-mistoqsija: għaliex? Għaliex dawk in-nies kienu hemmhekk, meta waqa’ t-torri u qatilhom? U għaliex in-nies Galilin kienu vittmi tal-massakru li għamel Pilatu? Għaliex?

Ħtija ta’ min?

Dak iż-żmien, waħda mir-raġunijiet l-aktar komuni, kienet li n-nies kienu ħatja ta’ dak li ġralhom. Jekk kienu vittmi tal-massakru ta’ Pilatu, kellhom xi ħtija huma; u l-istess jekk kienu vittmi ta’ inċident meta waqa’ t-torri fuqhom, kellhom ħtija huma.

Ħa nħarsu lejn il-ħajja tagħna llum, fejn naraw ukoll diversi ġrajjiet li jqanqlu l-istess mistoqsija. Jekk fl-Evanġelju jissemma l-massakru tal-Galilin, illum aħna naraw kontinwament il-massakru li qed isir fl-Ukrajna, fejn hemm tant nies li huma vittmi. Eluf kbar, anzi issa miljuni, kellhom jaħarbu minn hemmhekk minħabba l-invażjoni. Hemm qerda, distruzzjoni tal-postijiet, ħerba kbira. Dawn iġagħluna nistaqsu: Għaliex? Kif jista’ jkun li jiġru dawn fi żmienna, li ma tgħallimniex mill-passat, b’dil-kefrija li tħalli tant vittmi? U anke meta jiġru ġrajjiet oħra li huma inċidenti mhux direttament maħluqa min-nies, nagħmlu wkoll il-mistoqsija “għaliex?”

Mhux kastig ta’ Alla

Ġesù fl-Evanġelju jgħid ħaġa importanti ħafna għan-nies ta’ żmienu u għalina fi żmienna. Jgħid: dawk li sofrew dak il-massakru, jew dawk li kienu vittmi tal-inċident, mhux veru li kien tort tagħhom, mhux veru li ġralhom hekk għax kellhom xi ħtija huma jew biex jieħdu kastig għall-ħtija tagħhom. Mhux veru li kien kastig minn Alla għalihom. Dan hu messaġġ importanti għalina. Kultant, meta ma nistgħux nifhmu x’qed jiġri – bil-moħħ limitat tagħna mhux kollox nistgħu nifhmu – flok ngħidu “ma nistgħux nifhmu għaliex”, u nieqfu hemm, ngħidu “kastig ta’ Alla”. Qisu Alla jikkastiga f’daqqa lil min jimxi sew u lil min jimxi ħażin. Ġesù qed jgħid li nkunu żbaljati meta nagħmlu hekk.

Jien, quddiem Alla, kif nista’ nkun aħjar, kif iridni Alla? Kif nista’ nħalli lilu, nagħtih l-ispazju, biex hu jkun tassew li jmexxi l-ħajja tiegħi?

Jagħtina żmien biex ħajjitna tagħmel il-frott

Ġesù jgħid ħaġa oħra importanti fl-Evanġelju. Flok nistaqsu “għaliex” u nippruvaw insibu raġuni u nimmaġinaw raġuni meta ma nsibuhiex, flok inħarsu lejn l-oħrajn u nieqfu hemm, Ġesù jgħidilna biex inħarsu lejna nfusna. Jagħmel is-sejħa biex nindmu, biex nikkonvertu, biex f’ħajjitna niġġeddu. Ġesù jgħid kemm hu importanti li l-ewwel mistoqsija li nagħmlu tkun lilna nfusna: jien, quddiem Alla, kif nista’ nkun aħjar, kif iridni Alla? Kif nista’ nħalli lilu, nagħtih l-ispazju, biex hu jkun tassew li jmexxi l-ħajja tiegħi?

Ġesu jgħid li Alla jagħtina ħafna ċans. Jagħtina ż-żmien, bħalma semma fil-parabbola, dak ir-raġel li ma sabx il-frott fis-siġra tat-tin; ried jaqlagħha, imma l-parir li ngħata minn dak li kien jaħdimlu l-għalqa kien li jagħtiha aktar żmien, imbagħad jekk ma tagħmilx frott, jaqlagħha. Qed jgħidilna Ġesù li ż-żmien li Alla jagħtina hu żmien prezzjuż. Hu żmien li rridu nużawh biex inkunu nistgħu nogħġbu aktar lil Alla fil-ħajja tagħna. Dan hu l-aktar importanti. Kultant meta ngħaddu minn diversi ġrajjiet tal-ħajja, li jnikktuna jew iġibu fina l-biża’ mill-futur, l-inċertezza tal-futur, jekk nieqfu hemm, ħajjitna tkun mimlija ansjetà. Imma jekk nfittxu bis-serjetà li ż-żmien nużawh kif Alla jrid minna, b’mod li ħajjitna tkun tista’ tagħmel il-frott, hemmhekk inkunu sibna l-aktar ħaġa tajba, inkunu għażilna l-aqwa ħaġa fil-ħajja tagħna.

Nitolbu llum lill-Mulej biex inħalluh iġeddidna. Hu jrid l-aqwa ġid tagħna. Hu ma jridx li b’xi mod f’ħajjitna nimtlew bil-biża’, bl-ansjetà, bid-dwejjaq, imma jrid li jibdilna u jagħtina l-paċi fil-ħajja tagħna. Nitolbuh il-grazzja li jgħinna biex nkunu dejjem viċin tiegħu ħalli l-ħajja tagħna tkun tista’ tagħmel tassew il-frott.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju