• Il‑Ġimgħa 7 ta’ April 2017, fl-okkażjoni ta’ Jum id‑Duluri, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ltaqa’ mal-impjegati u l-amministrazzjoni tal-Bank of Valletta, u ċċelebra Quddiesa, fil-Head Office, Santa Venera.

    Agħfas hawn biex tara r-ritratti kollha tal-Quddiesa f’Jum id-Duluri. 

  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • BOV Head Office, Santa Venera
    7 ta’ April 2017

    “U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu” (Ġw 19, 26-27). Hija espressjoni profonda ħafna fl-Evanġelju ta’ San Ġwann u tinkludi wkoll is-sens li Ġwanni, id-dixxiplu l-maħbub tal-Mulej, mhux biss se jieħu ħsieb lill-omm Ġesù imma wkoll se jagħmel tiegħu l-qalb u l-mentalità tagħha.

    Il-Mulej Ġesù, f’mument kommoventi, jaħseb f’din l-armla li issa ser titlef l-uniku tifel tagħha. Nimmaġinah li meta ra sitwazzjoni simili ħdejn ir-raħal ta’ Najm u ra armla tibki lil binha, l-uniku wieħed li kien miet, hu waqaf jagħti l-ħajja lil dak il-ġuvni mejjet u tah lil ommu ħaj, għax għal dik l-omm, għal dik l-armla, it-tifel tagħha kien sostentament, garanzija t’għajxien dinjituż,  u ma kellhiex għalfejn issir tallaba.

    “Jgħid lid-dixxiplu maħbub tiegħu biex jeħodha bħala ommu, imma Ġwanni, hu u jilqa’ lil Marija, qed jilqa’ wkoll skola partikolari; qalb kbira.”

    Għalhekk, ħafna drabi, Ġesù juri simpatija kbira lejn din l-omm, meta jinnota armla fit-Tempju tpoġġi l-aħħar muniti tagħha fit-teżor tat-Tempju u jfaħħarha, u jgħid “…din tat kulma kellha biex tgħix”. Apprezza l-investiment tas-sinjuri, f’dan it-teżor tat-Tempju, imma apprezza wkoll il-ftit tal-armla. Ma nafx il-bank ikollux l-esperjenza ta’ min jiġi bil-ħafna u ta’ min jiġi bil-ftit, nimmaġina li iva. Kultant min ikollu ftit, jispiċċa b’inqas milli kellu, imma nispera li min jaħbat magħkom ma jispiċċax hekk.

    Ġesù juri simpatija lejn din il-mara vulnerabbli li hija ommu, u jieħu ħsiebha. Jgħid lid-dixxiplu maħbub tiegħu biex jeħodha bħala ommu, imma Ġwanni, hu u jilqa’ lil Marija, qed jilqa’ wkoll skola partikolari; qalb kbira. Qalb li tiflaħ, għax hija qalb ta’ omm, qalb li tiflaħ għall-mistħija li tkun ħdejn is-salib ta’ binha, is-salib li huwa mod kiefer ta’ piena kapitali rriservat lill-iskjavi u lil dawk li ma kinux ċittadini Rumani. Ġesù, ir-Re tar-Rejiet, messu din il-mewt. San Pawl, li kien ċittadin Ruman, qatgħulu rasu, imma Pietru, għax ma kienx ċittadin Ruman, issallab bħalma ssallab Ġesù, li kien il-mastrudaxxa ta’ Nazzaret.

    Omm Ġesù turina d-dinjità f’sitwazzjonijiet diffiċli u turina wkoll il-vera kompassjoni. Il-kelma kompassjoni ġejja minn ‘cum-patire’, li jkollok il-qawwa psikoloġika u morali li tbati ma’ min qiegħed ibati. Min jaf jifraħ ma’ min jifraħ jaf ukoll ibati ma’ min qiegħed ibati.

    Waħda mil-lezzjonijiet fundamentali tal-ġurnata tal-lum – li hija s-sejħa biex aħna li forsi għandna intelliġenza akkademika, intelliġenza finanzjarja u kummerċjali – ma nitilfux l-intelliġenza psikoloġika, emozzjonali, dak li llum jgħidulu ‘emotional intelligence’. Mhijhiex biss il-kapaċità li tagħraf il-bniedem minn fejn ġej u minn fejn hu sejjer, imma wkoll il-kapaċità li turi vera empatija, ‘cum’ li huwa terminu Grieg li fih ukoll ‘Patire’, il-passjoni li inti tħoss ma’ ħaddieħor. Ħafna drabi fid-dinja tal-finanzi, il-bniedem jitlef l-umanità tiegħu, għaliex kollox jara fit-termini ta’ profit and loss. Il-Madonna qed tfakkarna li hemm bżonn il-kummerċ, il-profitt, is-servizzi finanzjarji u bankarji, imma lid-dinjità u l-umanità qatt ma jistgħu jissarfu għal tletin biċċa tal-fidda.

    “Jiena nawgura li l-preżenza tagħna llum hija wkoll talba lil Alla biex l-ekonomija ma nagħmluhiex wisq imbiegħda mill-prinċipji etiċi tas-solidarjetà u tal-kompassjoni.”

    Il-Madonna ħdejn is-salib ta’ binha tgħallimna umanità profonda u   radikali. Jiena nawgura li l-preżenza tagħna llum hija wkoll talba lil Alla biex l-ekonomija ma nagħmluhiex wisq imbiegħda mill-prinċipji etiċi tas-solidarjetà u tal-kompassjoni. Kien hemm xi ħadd li jispeċjalizza fil-finanzi li qalli, “…wara dik l-esperjenza ma ħassejtnix iżjed bniedem”. Hija sfortuna. Inħoss li aħna ma nistgħux naffordjaw li min imexxi r-riżorsi ma jkollux il-qalb li jaraha fit-tbatija u jgħin. Jiena nixtieq ukoll nirringrazzja lil Bank of Valletta tal-preżenza tiegħu fl-aspett soċjali, mhux biss kulturali, imma wkoll il-fatt li għandu l-kapaċità u l-intelliġenza li jagħaf proġetti ta’ siwi fil-pajjiż u jagħti wkoll riżorsi għalihom. Dan huwa mod kif is-sistema finanzjarja hemm ukoll il-bnedmin u mhux biss ir-regoli tal-azzar bħal dik tas-supply and demand.

    Jien nixtieq nirringrazzja wkoll lilkom, għaliex nifhem li hawn ukoll ambjent ta’ familja, hemm maħbubin, forsi hemm nies li għandhom għajnuna speċjali, ħadt pjaċir ukoll niltaqa’ ma’ Gianluca li mhux biss ħassejt li huwa parti minnkom, imma huwa xhieda wkoll li aħna bħala soċjetà qed nippruvaw inkunu inklussivi.  

    Il-Madonna taħt is-salib ta’ binha tgħallimna din il-kwalità ta’ inklussività. Ma ħarbitx, ma sqaħqitx, imma kienet hemm meta binha kellu bżonnha, kienet hemm meta binha kien fl-iżjed mument terribli ta’ ħajtu, fit-tmiem ta’ ħajtu, bħalma kienet hemm f’Sibt il-Għid tistenna l-irxoxt. Jalla dan l-Għid iwassalna wkoll biex fil-Qrar u t-Tqarbin niltaqgħu mal-Mulej imsallab u rxuxtat.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja.