Hekk kif is-sitwazzjoni fis-Sirja qed tkompli tkaxkar, hu ferm possibbli li kulma jmur jonqos in-numru ta’ nies li jittamaw fid-djalogu. Sadattant, il-Vatikan ikompli jappella għad-djalogu għax jemmen li huwa soluzzjoni għall-kunflitt. Id-Direttur għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, il-Ġiżwita Federico Lombardi, dawwar ħarstu lejn is-Sirja waqt edizzjoni riċenti fuq il-programm televiżiv tal-Vatikan Octava Dies.
Dan isegwi dak li l-Papa ilu jitkellem dwaru tul il-kunflitt li ilu għaddej ix-xhur. F’indirizz qabel it-talba tal-Angelus f’nofs Mejju li għadda, il-Papa kien sejjaħ għal xi forma ta’ restawr tal-koeżistenza; il-ġimgħa li għaddiet tenna l-istess appell waqt laqgħa mal-Ambaxxatur ġdid tas-Sirja. Huwa nnota li l-kunflitti fid-dinja Għarbija “m’għandhomx isiru fi klima ta’ intolleranza, diskriminazzjoni, jew vjolenza. Anzi,għandu jkun hemm klima ta’ rispett assolut lejn il-verita u l-koeżistenza, lejn id-drittijiet leġittimi tal-persuni b’impenn għar-rikonċiljazzjoni.
Il-Ġiżwiti s-Sirja ħarġu wkoll stqarrija li permezz tagħha sejħu għall-għaqda nazzjonali. F’dal-kuntest, Patri Lombardi qal li s-sitwazzjoni fis-Sirja saret partikolarment ta’ tħassib minħabba “l-persistenza tal-vjolenza li bħal donnu mhi qed tħalli ebda triq lejn soluzzjoni. U għalhekk l-appell għad-djalogu, għal-liberta tal-espressjoni, u għal sehem f’dan u mhux fl-atti vjolenti. Għall-insara Sirjani, l-għaqda nazzjonali hi kundizzjoni għall-ħajja, u huma jridu li jkunu pontijiet attivi fi djalogu nazzjonali ġenwin u serju”.
Fis-Sirja l-element nisrani jammonta għal madwar 10%. 90% huma Musulmani, il-maġġorparti tagħhom Musulmani Sunni, fost komunitajiet Musulmani oħra.
Il-Kelliem għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Patri Lombardi, fakkar anki fil-kliem tal-Papa b’enfasi fuq iċ-ċentralita l-persuna bħala l-qafas għad-djalogu. Huwa żied jirreġistra r-rwol kostruttiv tal-Insara fis-soċjeta Sirjana, ir-relazzjoni pożittiva tagħhom mal-Musulmani, u x-xewqa reċiproka għall-ġid komuni.
“Hija assolutament meħtieġa oppożizzjoni għad-disintegrazzjoni tar-reġjun u l-multiplikazzjoni kontinwa tal-konflitti, li qed iwasslu biex iktar u iktar nies jaħarbu mill-pajjiż, ifittxu kenn bnadi oħra”, temm jgħid.