-
Il-25 anniversarju ta’ Radju RTK huwa okkażjoni ta’ radd il-ħajr lil Alla, wisq aktar meta nagħrfu li tul is-snin, l-istazzjon RTK kien ta’ servizz lis-soċjetà u ta’ wens lil eluf kbar ta’ nies. F’din l-okkażjoni, nirringrazzjaw lil Alla għal dawk li fihom nibtet il-ħolma u li permezz tal-ħidma tagħhom twaqqaf dan l-istazzjon. Niftakru b’mod speċjali fl-għażiż Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca, li inawgura dan l-istazzjon u li bi kliemu silet il-missjoni tiegħu, dik li permezz tal-kelma jixħet dawl Nisrani fuq il-ġrajja. Dan id-dawl huwa meħtieġ illum iktar minn qatt qabel, u għalhekk nawgura li l-iskola imprezzabbli ta’ esperjenza ta’ dawn l-aħħar 25 sena, iddawwal lil dawk li jaħdmu f’dan l-istazzjon u lil dawk li għad iridu jiġu warajhom. Insellem b’mod speċjali lil dawk kollha li ħadmu fl-RTK tul is-snin, u l-memorja ta’ dawk li ħallewna.
Nagħtikom il-barka pastorali tiegħi u neżortakom biex il-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħna jibqgħu, bla biża’, ikunu xhieda tal-verità li aħna nistqarru biex “Nikkomunikaw it-tama u l-fiduċja fi żmienna”, kif isejħilna nagħmlu l-Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali 2017.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta