L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ftit punti ħfief ispirati minn dan l-Evanġelju li hu profond ħafna, għandu ħafna tagħlim u naħseb importanti ħafna wkoll għalina u għall-ħajja tagħna spiritwali, il-ħajja Nisranija tagħna.

L-ewwel nett Ġesù jibda mill-eżempju. Se jgħallimna fuq it-talb imma l-Evanġelju ta’ San Luqa ħafna drabi u anke fil-bidu ta’ din is-silta jgħidilna li Ġesù kien isib il-ħin biex jitlob. “Darba Ġesù kien qiegħed xi mkien jitlob”. Id-dixxipli indunaw x’qed jagħmel l-imgħallem miġbur f’intimità mal-Missier u jitħajru. “Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: ‘Mgħallem, għallimna nitolbu” (Lq 11:1).  

Dan hu t-tieni punt li nixtieq nagħmel. Mela l-ewwel l-eżempju kien ta’ Ġesù. Jekk hemm xi ħadd minnkom inkwetat għax uliedu mhumiex qed jitolbu, nistaqsik: imma lilek jarawk titlob?

It-tieni punt hu: aħna għandna bżonn nitgħallmu nitolbu. “Għallimna nitolbu”. Mhix kwistjoni titgħallem is-‘Sliema’ l-‘Qaddisa’ bl-amment biss. Dik importanti. Inħajjar lin-nanniet – dalwaqt il-festa ta’ Sant’ Anna u San Gwakkin, in-nanniet ta’ Ġesù – jgħallmu lin-neputijiet it-talb li huma l-alfabett tal-fidi tagħna.

Għax ix-xitan hekk iqarraq billi jagħtik dak li trid imma jkun velenu. Alla ma jaħdimx hekk għax Alla hu Missier.

Kultant niltaqa’ ma’ xi tfal u ngħidilhom: ‘ejjew irroddu s-salib’. Ma jkunux jafu x’se jaqbdu jagħmlu. Nitgħallmu minn kmieni ngħallmu lil uliedna l-alfabett tat-talb. Imma għaliex? Għax imbagħad dak jgħinna, b’mod speċjali meta tkun fil-mard u ma jkollokx moħħ timmedita ħafna. Jiena nħossha tgħinni ħafna t-talba tar-rużarju. Il-Madonna fid-dehriet tagħha dejjem stednitna nitolbu t-talba tar-rużarju għax magħmula minn talb sempliċi imma tfakkarna wkoll fil-ħajja ta’ Ġesù u ta’ Marija. U dak jgħinna meta tkun għajjien, u ma tistax taħseb timmedita u r-rużarju stess imexxik f’dak it-talb.

Imma t-talb fundamentalment hu djalogu, titkellem ma’ persuna oħra. Allura dan hu l-iżjed importanti fit-talb li nifhmu u li qed jipprova jgħallimna Ġesù. Inti qed titkellem ma’ Alla li hu Missier. Qalilhom: “Meta titolbu għidu hekk. Missier” (Lq 11:2) Dik il-kelma ‘Missier’. Hekk tispiċċa wkoll is-silta li smajna fuq it-talb illum, jgħidilna: “Intom nies ħżiena bħalkom tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu” (Lq 11:13). Mela meta nitlob mhux qed nitkellem mal-imħallef biex inaqqasli naqra mill-piena jew jaħfirli dnubieti biss, qed nitkellem mal-Missier, ma’ Missieri, u Missieri jagħtini dak li hu ta’ ġid.

Ħafna drabi ngergru għax lil Alla nitolbuh xi ħaġa u ma jagħtihilniex. Ejjew niftakru fl-imħabba tal-ġenituri tagħna, li għax iħobbuna, kemm-il darba qalulna ‘le’. ‘Dik le teħodhiex għax tagħmillek mimmi, tagħmillek il-ħsara’. Allura għax l-omm u l-missier jgħiduli ‘le’, kattivi? Mhux qed iħobbuni? U aħna m’għandniex sens nifhmu li meta Alla donnu jittarrax għalina, għax hemm ġid ikbar jistenniena jew ħsara li jixtieq jevitalna?  

Issa dal-kliem hu diffiċli ħafna meta jidħol il-mard u jidħlu l-inġustizziji fid-dinja u l-faqar. Tgħidli: ‘daqskemm ili nitlob biex nirbaħ il-lotterija. Dejjem ħaddieħor jirbaħha’. U dan ma tkunx waħdek għax ikun hemm eluf jgħidu l-istess. Imma rridu nifhmu wkoll li t-talb mhuwiex qed tagħfas buttuna tal-maġija u jiġi dak li trid.  

Hawn min jagħmel patt mal-ħażin, ma’ dak tal-qrun u mingħalih jakkwista li jixtieq, imma dak ikun ħobż ivvelenat. Għax ix-xitan hekk iqarraq billi jagħtik dak li trid imma jkun velenu. Alla ma jaħdimx hekk għax Alla hu Missier.

Mela aħna nitolbuh għax qalilna biex ninsistu miegħu. Qalilna: “Meta titlob taqla’, meta tħabbat jiftħulek, meta tfittex issib” (Lq 11:10). Imma inti qed titlob lill-Missier. Meta tirrabja mal-Mulej – għandek dritt tirrabja miegħu fit-talb. Aħna nkellmu lill-Mulej b’libertà kbira u tajjeb ingergru ftit miegħu. Il-Papa Franġiksu jħobb jirrepetiha din: tiddejjaqx tgerger mal-Mulej, mhux se jieħu għalih, xorta se jagħmel li jrid, għall-ġid tagħna.

It-talb ta’ wieħed jgħin, imma ta’ kulħadd għal xulxin, għandu qawwa kbira

Ġesù ma kienx jitlob? Ma talabx fl-ort tal-Ġetsemani? Qallu: “Jekk tista’ tħallih jgħaddi minni dan il-kalċi,” ma ngħaddix minn din l-umiljazzjoni kollha, “imma mhux li rrid jien, li trid int” (ara Lq 22:42). Ara Ġesù jgħallimna bit-talb tiegħu. Il-Madonna ma talbitx biex lil Binha jeħilsu minn dak it-turufnament, minn dik it-tbatija? Ma xtaqietx li jħallihulha ħaj iżjed minn 33 sena? Imma l-qalb tagħha kienet marbuta ukoll mar-rieda ta’ Alla. Ara l-ġid li sar bl-ubbidjenza ta’ Ġesù u Marija fit-talb. Ma ħadux dak li xtaqu ta’ bnedmin li huma, imma l-Missier permezz tagħhom, wassalna għall-fidwa li qed niċċelebraw f’din il-quddiesa.

Jiena wkoll nitlob ħafna skont l-intenzjonijijiet tagħkom. Din il-ħaġa ma tantx insemmiha, imma l-isqof, u anke l-kappillan, kull nhar ta’ Ħadd il-quddiesa ma joffrihiex skont l-intenzjoni tiegħu jew jagħtihielek xi ħadd l-intenzjoni bħalma nagħmlu tul il-ġimgħa, imma l-Ħadd l-isqof u l-kappillan joffri l-quddiesa għall-poplu tiegħu – il-kapppillan għall-membri tal-parroċċa kollha kemm huma, kbar u żgħar; u l-isqof l-quddiesa tal-Ħadd joffriha skont l-intenzjonijiet tal-poplu kollu. Kunu afu dan, li l-jum tal-Ħadd il-quddiesa li niċċelebraw, noffruha għall-poplu tagħna għax it-talb ta’ wieħed jgħin, imma ta’ kulħadd għal xulxin, għandu qawwa kbira.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 18:20-32
Salm: 137 (138):1-2a,2bċ-3,6-7ab,7ċ-8
Qari II: Kol 2:12-14
L-Evanġelju: Lq 11:1-13

Aktar ritratti >>