-
Messaġġ qasir mill-Isqfijiet
-
-
L-Ittra Pastorali mill-Isqfijiet
-
Għeżież,
Fl‑okkażjoni tal‑festa nazzjonali tal‑Vitorja, li aħna l‑Maltin niċċelebraw fit‑8 ta’ Settembru, fil‑festa liturġika tat‑Twelid ta’ Marija Bambina nixtiequ naqsmu magħkom ftit riflessjonijiet dwar is‑sitwazzjoni tal‑housing f’pajjiżna. Qegħdin nirreferu għad‑diffikultà li qed isibu wħud mill‑familji tagħna, ħafna miż‑żgħażagħ tagħna, u diversi barranin fostna, biex isibu dar li jistgħu jikru jew jixtru.
It‑tagħlim tal‑Papa FranġiskuIl‑Papa Franġisku, fl‑ittra enċiklika tiegħu dwar l‑għożża tad‑dar komuni, Laudato si’ (ippubblikata fl‑2015), jitkellem dwar ekoloġija integrali u jispjega li: “L‑ekoloġija tistudja r‑relazzjonijiet bejn l‑organiżmi ħajjin u l‑ambjent li fih jikbru. Hi titlob ukoll li wieħed jieqaf jaħseb u jiddiskuti fuq il‑kundizzjonijiet ta’ ħajja u ta’ għajxien ta’ soċjetà, u jkun onest biżżejjed li kapaċi jqiegħed fid‑dubju mudelli ta’ żvilupp, produzzjoni u konsum. Mhux għalxejn inkomplu nisħqu fuq il‑fatt li kollox hu marbut flimkien” (Laudato si’ par. 138). Fl‑istess ittra enċiklika, il‑Papa Franġisku jitkellem ukoll dwar il‑problema tal‑housing: “In‑nuqqas ta’ djar li jservu ta’ saqaf hu kbir f’ħafna nħawi tad‑dinja, kemm fiż‑żoni rurali u kemm fl‑ibliet il‑kbar, anki għax il‑baġits statali normalment ikopru biss parti żgħira mid‑domanda. Mhux biss il‑foqra, imma parti kbira mis‑soċjetà tħabbat wiċċha ma’ diffikultajiet serji biex ikollha dar tagħha. Il‑proprjetà tad‑dar hi importanti ħafna għad‑dinjità tal‑persuna u għall‑iżvilupp tal‑familja. Qed nitkellmu dwar argument ċentrali tal‑ekoloġija umana” (Laudato si’ par. 152).
Appell lis‑soċjetàL‑ewwel appell tagħna jmur lis‑soċjetà kollha Maltija. Fis‑settur tal‑housing għandna sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fejn familji u anzjani ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal‑għoli fil‑kera u qed jiġu mkeċċija barra fit‑triq; fejn żgħażagħ, ulied il‑ħaddiema, ma jikkwalifikawx għas‑self mill‑banek għaliex il‑pagi tagħhom ma jlaħħqux biex jiżguraw il‑pagament ta’ kull xahar; fejn persuni li għaddejjin minn xi kriżi fil‑ħajja tagħhom bħal separazzjoni, problema ta’ saħħa mentali jew vizzju, jiddependu mis‑suq tal‑kera għax m’għandhomx proprjetà tagħhom jew mhumiex f’housing soċjali. Dawn is‑sitwazzjonijiet ġodda joħolqu tassew emerġenza soċjali li tirrikjedi u titlob soluzzjonijiet u impenn minn kulħadd, hu min hu. Allaħares, li bħala soċjetà, insiru indifferenti għal dawn is‑sitwazzjonijiet drammatiċi li qed joħolqu faqar ġdid u qegħdin ixejnu t‑tama f’ħafna nies, speċjalment fiż‑żgħażagħ tagħna.
Appell lill‑politiċiIt‑tieni appell tagħna jmur lill‑politiċi kollha tagħna, kemm dawk fil‑Gvern u dawk fil‑Parlament, u kif ukoll lil dawk fil‑kunsilli lokali. Dan huwa l‑mument u din hi l‑kwistjoni li għandha ssibkom ilkoll magħqudin biex jinstabu soluzzjonijiet prattiċi u effettivi għall‑mument immedjat, għaż-żmien medju u għall‑futur. Ir‑regolarizzazzjoni tas‑suq tal‑kera u l‑housing sostenibbli jagħtu opportunità lil dawk il‑persuni l‑aktar milquta sabiex ikollhom id‑dinjità ta’ saqaf fuq rashom. Ejjew naħdmu flimkien sabiex il‑kwistjoni tal‑housing, kemm jekk hi disponibbiltà ta’ housing soċjali u kemm jekk hi l‑ippjanar u l‑provvista ta’ housing affordabbli, ma tkunx ballun politiku partiġġjan li ngaraw lil xulxin. Il‑kwistjoni tal‑housing għandha tkun okkażjoni biex nuru li kapaċi u rridu naħdmu flimkien għall‑ġid komuni.
Appell lis‑sidien tal‑proprjetà u lill‑iżviluppaturiIt‑tielet appell tagħna jmur lis‑sidien tal‑proprjetà u lill‑iżviluppaturi. Ilkoll għandna d‑dritt inħaddmu l‑kapital u nużaw il‑proprjetà biex jikber il‑ġid. Iżda dan m’għandux isir bla rażan ta’ xejn. Bħalma l‑Papa Franġisku jħeġġiġna f’Laudato si’, jeħtieġ li bħala pajjiż nirriflettu iżjed bis‑serjetà fuq l‑aspetti etiċi u soċjali dwar il‑mudelli ta’ żvilupp, produzzjoni u konsum li qed inħaddmu f’pajjiżna. Jekk xi drabi l‑liġijiet ekonomiċi huma liġijiet għomja li jaħdmu bla skruplu fuq il‑kriterju ta’ demand and supply (id‑domanda u l‑provvista), aħna l‑Insara, li għandna kuxjenza soċjali, għandna wkoll il‑moħħ u l‑qalb biex inrażżnu l‑għoli fil‑prezzijiet biex tixtri u tikri l‑proprjetà skont kriterju ġust u ekwu, skont kriterju ta’ responsabbiltà u ta’ solidarjetà.
X’jiswa li tkun ksibt id‑dinja jekk min ser jiġġudikak fil‑ġustizzja u l‑verità, meta jasal il‑mument tiegħek, jgħidlek: ‘Kont f’darek inħallsek b’mod ġust u int keċċejtni barra t‑triq għar‑rebgħa ta’ qalbek?’ X’jiswa li tħaddem il‑barranin bi ftit ewro fis‑siegħa u mingħajr ma tagħtihom drittijiet? X’jiswa li tkeċċi l‑familji Maltin mill‑kirjiet tiegħek biex iddaħħal l‑eluf fix‑xahar u mbagħad tkun benefattur kbir tal‑parroċċa tiegħek? Taħseb li Kristu jieħu pjaċir b’offerti bħal dawn? Jew iżjed jogħġbuh il‑ħniena u s‑solidarjetà ma’ min jaħdem u jistinka għall‑familja u ma jistax jaffordja li tgħollilu l‑kera minn €400 fix‑xahar għal €900?
Appell lill‑inkwilini
Ir‑raba’ appell tagħna jmur lill‑inkwilini. Id‑dover ta’ min qiegħed b’kera fil‑proprjetà ta’ ħaddieħor huwa li jieħu ħsieb il‑proprjetà mill‑aħjar li jista’; iħallas il‑kera fil‑ħin; iħallas il‑kontijiet tad‑dawl u l‑ilma; u jekk ikollu jitlaq mill‑post ma jagħmilx ħsara b’vendikazzjoni. Il‑ġustizzja soċjali titlob ukoll li wieħed jirrikorri għall‑housing soċjali meta verament għandu bżonn għajnuna soċjali urġenti mingħajr ma jtellef iċ‑ċans lill‑każijiet li verament għandhom bżonn. Min jabbuża mis‑sistema ta’ għajnuna soċjali billi jaħbi jew iqarraq, ikun qed jisraq u jitfa’ piż inġust fuq is‑sistema nazzjonali.
Appell lill‑komunitajiet ekkleżjali
Il‑ħames u l‑aħħar appell tagħna jmur lill‑komunitajiet ekkleżjali. Aħna nistednuhom biex jaħdmu id f’id mas‑soċjetà ċivili biex jinstabu risposti għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u jintgħażlu u jitħaddmu policies adegwati għall‑ġejjieni. Huwa ta’ faraġ tinnota li kemm parroċċi u ordnijiet reliġjużi qegħdin jużaw il‑proprjetajiet disponibbli tagħhom biex joffru xelters ta’ matul il‑lejl u hostels għall‑istudenti, u djar għal nies fil‑bżonn. Permezz tal‑Kummissjoni Emigranti, il‑Knisja f’Malta ilha, għal ħafna snin, toffri akkomodazzjoni lil madwar 400 minn ħutna l‑migranti. Caritas Malta qiegħda tikkopera mal‑Gvern Malti u mas‑settur privat biex esperjenzi bħal Dar Papa Franġisku u Dar Maria Dolores ikomplu, u jiżdiedu fin‑numru skont il‑ħtieġa. Fost l‑għaqdiet soċjali u ta’ karità li nsibu fi ħdan il‑Knisja f’Malta hemm ukoll il‑Fondazzjoni Suret il‑Bniedem u Dar Osanna Pia li joffru akkomodazzjoni lill‑persuni fil‑bżonn. Huwa wkoll ta’ inkoraġġiment li lajċi Nsara qed joffru l‑proprjetajiet tagħhom għal dan l‑għan soċjali. Minna jeħtieġ iżda li jsir sforz akbar biex nevitaw li ninħakmu mill‑kultura li tfittex il‑profitt, u nkunu lesti nagħmlu għażliet anqas profittabbli biex ngħinu iktar lil min qiegħed f’diffikultà. Illum aktar minn qatt qabel il‑Knisja jeħtieġ li tmexxi bl‑eżempju tagħha.
KonklużjoniIs‑sitwazzjoni tal‑housing f’pajjiżna titlob risposta ta’ għaqda u solidarjetà minn kulħadd, ibda minna l‑Insara. Marija Bambina, li matul is‑sekli dejjem daħlet għall‑poplu Malti fis‑sitwazzjonijiet iebsa u ta’ sfida, tinterċedi għalina biex insaħħu r‑ruħ soċjali ta’ pajjiżna. B’hekk nibnu d‑dar tagħna fuq il‑blat samm tal‑Kelma u l‑eżempju tal‑Mulej li ġie biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi. Jeħtieġ li naħdmu flimkien sabiex jinstabu soluzzjonijiet li f’pajjiżna ma jħallu lil ħadd mingħajr kenn adegwat u dinjituż.
Nagħtukom mill‑qalb il‑barka pastorali tagħna.
Illum, it‑3 ta’ Settembru 2018, tifkira ta’ San Girgor il-Kbir, Papa u Duttur tal‑Knisja.
✠ Charles J. Scicluna ✠ Mario Grech
Arċisqof ta’ Malta Isqof ta’ Għawdex
✠ Joseph Galea‑Curmi
Isqof Awżiljarju ta’ Malta
-
-