L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Nimxu warajk kull fejn teħodna, Verġni Marija!” Kemm hu sabiħ dan ir-responsorju li għadna kemm tlabna, f’din il-quddiesa solenni fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Ta’ min naħsbu ftit fuq dan il-versett, li nirrepetuh ta’ kull sena f’din it-tifkira solenni tas-16 ta’ Lulju; proprju f’din is-sena li qed niċċelebraw l-400 anniversarju mill-ewwel purċissjoni fil-Belt Valletta, bi xbieha għażiża tal-Madonna tal-Karmnu. Il-mixja flimkien. Bil-Grieg, nimxu flimkien hi ‘syn hodos’ – sinodu. Imma nimxu flimkien fejn? Ir-risposta nsibuha fil-versett li għandna kemm tlabna flimkien. Nimxu, imma nimxu wara Marija, kull fejn teħodna hi. Nimxu warajha tfisser li nimitawha. Aħna, li ħdejn is-salib ta’ Binha, lqajnieha u hi laqgħetna bħala membri tal-familja tagħha. Sirna wliedha, u hi bir-raġun, għax hekk ried Ġesù, insejħulha ommna. “Hawn hu ibnek… Hawn hi ommok” (Ġw 19:26-27).

Nimxu warajk, u nimitawk fl-umiltà, fl-irżina, fid-dolċezza u fid-doċilità tiegħek. Nimitawk tisma’ l-Kelma ta’ Alla, tgħożżha f’qalbek u tagħmilha. Nimitawk, inti u tfaħħar lil Alla “li xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48) għax hu jagħmel “ħwejjeġ kbar, qaddis hu l-isem tiegħu” (Lq 1:49). Nimitawk, inti u tgħin lil qariba tiegħek Eliżabetta. Nimitawk, inti u tħares lejn l-għarajjes ta’ Kana u tinkwieta għalihom għax ma baqgħalhomx inbid (ara Ġw 2:3). Nimitawk, inti u tgħidilna: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).

Nimitawk ukoll, o Verġni Marija, waqt li nimxu warajk fis-silenzji tiegħek; quddiem Ibnek, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, fil-ġuf tiegħek li qed jikber mimli bil-grazzja; u li fl-istess ħin jagħel it-triq tal-umiltà, fil-ħanut tal-mastrudaxxa ta’ Ġużeppi ta’ Nazaret. Fis-skiet tiegħek, inti u tarah tielaq mid-dar. Dak iż-żmien kont armla, tintelaq f’idejn il-providenza ta’ Alla u tħalli lil Ibnek jingħata għalina fit-tagħlim u fil-fejqan. Fis-silenzju tiegħek, inti u tarah mgħobbi bis-salib; int u tarah imsallab; ippjagat, inti u tilqgħu Addolorata. Fis-silenzju tiegħek, fid-difna tiegħu. Fis-silenzju mimli ferħ tiegħek, f’Ħadd il-Għid, tal-Qawmien għall-Ħajja.

“Nimxu warajk kull fejn teħodna”. Imma fejn se teħodna, o Marija? Se ttellagħna l-għolja fejn niltaqgħu mal-Mulej Ġesù, l-għolja tat-Tabor fejn nisimgħu l-kelma tal-Missier jgħidilna: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu” (Mt 17:5). L-għolja tal-Kalvarju, minn fejn ilissen l-kelmiet tal-maħfra; il-wegħda tal-ġenna lill-ħalliel it-tajjeb; u jnissilna wliedek. L-għolja tal-Karmelu, l-għolja tat-Tabor, tal-għaqda ma’ Alla, tal-imħabba safja. Inti teħodna lejn Ġesù. Għalhekk, min jimxi warajk, o Marija, ma jiżbalja qatt, ma jitlef qatt it-triq.

Inti trid tkun o Marija, li twassal dan il-proċess sinodali, li madwar id-dinja għaddej minn diversi staġuni u tagħmel li nisimgħu, bħalma smajt int, il-vuċi tal-Ispirtu, u tnissel fina l-għatx li nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù.

Aħna u nobdu x-xewqa qawwija tal-Papa Franġisku, li nieda għall-Knisja kollha, din il-mixja flimkien, din il-mixja sinodali; nitolbuk, o Marija, li tkun int l-omm li tlaqqa’ mill-erbat irkejjen tad-dinja l-Knisja ta’ Ibnek Ġesù. Li tlaqqagħha madwar il-mejda tal-kelma; il-mejda tal-għarfien tar-rieda ta’ Alla, tad-dixxerniment; il-mejda tal-konfront, il-mejda tar-rikonċiljazzjoni; il-mejda tal-Ewkaristija. Għax l-omm hi dik li tlaqqa’ l-ulied madwar il-mejda. Inti trid tkun o Marija, li twassal dan il-proċess, li madwar id-dinja għaddej minn diversi staġuni u tagħmel li nisimgħu, bħalma smajt int, il-vuċi tal-Ispirtu, u tnissel fina l-għatx li nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù.

Aħna llum, o Marija, nirrepetu l-ġest tal-mixja warajk, purċissjoni li ilha ssir f’pajjiżna f’dawn l-aħħar 400 sena, b’eċċeżżjoni ta’ sentejn – fi żmien il-gwerra u proprju minħabba l-Covid. Illum nixtiequ nirringrazzjaw lil Alla, li rġajna nistgħu nsegwuk, riflessa u rappreżentata fix-xbieha sabiħa tiegħek. Imma nifhmu li inti timxi magħna dejjem, u tistedinna nimxu warajk biex twassalna għand Ġesù. Nimxu warajk kull fejn teħodna, o Verġni Marija mbierka tal-Karmelu.      

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Slat 18:42b-45a
Salm: 14:1-4
L-Evanġelju: Ġwanni 19:25-27