Fuq rakkomandazzjoni tas‑Safeguarding Commission, il‑Knisja imponiet restrizzjoni fuq erba’ persuni fl‑2018, u restrizzjoni fuq persuna oħra fl‑2019. Dawn il‑każijiet, fejn l‑allegazzjoni ta’ abbuż sesswali ġiet sostanzjata, kienu jinvolvu saċerdoti djoċesani, saċerdoti reliġjużi u lajċi. Kien hemm tliet restrizzjonijiet oħra dwar abbuż fiżiku u emozzjonali, u ta’ prattika ħażina (poor practice). Andrew Azzopardi, il‑Kap tas‑Safeguarding Commission, spjega li dawn il‑każijiet kollha ġew referuti lill‑awtoritajiet ċivili.
Waqt li kien qed jippreżenta r‑rapport annwali, Andrew Azzopardi spjega li l‑Knisja hi proattiva billi tirrapporta l‑każijiet lill‑pulizija jew lis‑servizzi soċjali sabiex tiżgura li l‑allegazzjonijiet ta’ abbuż jiġu investigati wkoll mill‑awtorità ċivili kompetenti.
Andrew Azzopardi qal li fuq inizjattiva tas‑Safeguarding Commission, f’Ottubru 2020 beda jiġi offrut ċertifikat ġdid fil‑Ħarsien tat‑Tfal u ż‑Żgħażagħ mill‑Università ta’ Malta. Il‑Kummissjoni ħadet din l‑inizjattiva sabiex tkompli tibni kultura pożittiva ta’ ħarsien u għarfien fis‑soċjetà. Il‑kors tal‑Università qed jiġi offrut mill‑Fakultà tat‑Teoloġija u l‑Fakultà tal‑Benessri Soċjali b’kollaborazzjoni mas‑Safeguarding Commission.
Minbarra din l‑inizjattiva, is‑Safeguarding Commission kompliet tħarreġ l‑impjegati tal‑Knisja. Matul l‑2018 u l‑2019 tħarrġu total ta’ 966 għalliem, katekist, reliġjuż, seminarist u voluntier. Bħala parti mill‑proċess mitlub bil‑Liġi għall‑għaqdiet li jaħdmu mal‑minuri, il‑Kummissjoni vverifikat li 4,451 persuna li jaħdmu fil‑Knisja jissodisfaw il‑kriterji mitluba biex jaħdmu mal‑minuri.
F’dawn l‑aħħar sentejn, il‑Kummissjoni wettqet reviżjoni tal‑policy tal‑Knisja dwar is‑safeguarding u tinsab fil‑proċess li tippubblikaha fil‑bidu tas‑sena d‑dieħla. Dan wara konsultazzjoni wiesgħa li saret mal‑vittmi, mal‑persuni li jużaw is‑servizzi ta’ diversi entitajiet tal‑Knisja, u ma’ aġenziji statutorji u stakeholders ewlenin: il‑Kummissarju għas‑Saħħa Mentali, id‑Direttorat għat‑Tfal, il‑Korp tal‑Pulizija, l‑Uffiċċju tal‑Kummissarju tat‑Tfal, u l‑Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali.
Fl‑2018, is‑Safeguarding Commission irċeviet 19‑il allegazzjoni ġdida li jinvolvu minuri u 10 li jinvolvu adulti vulnerabbli.
Il‑Kummissjoni kkonkludiet 17‑il evalwazzjoni li jinvolvu l‑minuri. Minn dawn l‑ilmenti, sitta ġew sostanzjati, wieħed kien jitratta kwistjoni ta’ prattika ħażina, erbgħa kienu infondati, tnejn ma kinux sostanzjati, wieħed kien jinvolvi persuna li mhix impjegata tal‑Knisja, u tlieta ġew referuti lil terzi persuni minħabba li ma kinux relatati ma’ safeguarding.
Il‑Kummissjoni kkonkludiet li mill‑10 evalwazzjonijiet li saru ta’ adulti vulnerabbli, sebgħa minnhom ġew referuti għal terzi persuni peress li ma kinux kwistjoni ta’ safeguarding, wieħed ma kienx sostanzjat, wieħed kien infondat u l‑ieħor kien kwistjoni ta’ prattika ħażina.
Fl‑2019, daħlu 16‑il allegazzjoni li jinvolvu minuri u tmienja li jinvolvu adulti vulnerabbli.
Il‑Kummissjoni kkonkludiet tmien evalwazzjonijiet li jinvolvu minuri, fejn sabet li tnejn minnhom kienu sostanzjati, tnejn ma kinux sostanzjati u wieħed fejn il‑persuna ma kinitx impjegata tal‑Knisja. Ilment ieħor kien jinvolvi xi ħadd li kien miet u f’żewġ ilmenti oħra ma setgħetx tiġi identifikata l‑persuna minħabba nuqqas ta’ informazzjoni.
Il‑Kummissjoni kkonkludiet tliet evalwazzjonijiet li jinvolvu adulti vulnerabbli, fejn tnejn minnhom ma ġewx sostanzjati u wieħed kien infondat.
Andrew Azzopardi tenna s‑sejħa għat‑twaqqif ta’ awtorità ċentralizzata biex taqsam tagħrif dwar persuni li jistgħu jkunu ta’ riskju għat‑tfal u adulti vulnerabbli bejn l‑għaqdiet. Spjega li mill‑esperjenza tal‑Knisja matul dawn l‑aħħar snin, l‑uniku mod kif verament tista’ tgħin u tagħti vuċi lil vittmi ta’ abbuż hu billi tiffaċċja din il‑pjaga b’mod trasparenti.
Għal aktar informazzjoni żur www.safeguarding.mt
Agħfas hawn biex tniżżel ir-rapport annwali tas-Safeguarding Commission 2018.
Agħfas hawn biex tniżżel ir-rapport annwali tas-Safeguarding Commission 2019.