• Messaġġ tal-Isqof-elett Mons. Joseph Galea-Curmi

     

  • Ir-residenza tal-Arċisqof, l-Imdina
    23 ta’ Ġunju 2018

    Eċċ. Mons. Nunzju Appostoliku,
    Eċċ. Arċisqof Charles J. Scicluna,
    Eċċellenzi,
    Ħuti,

    L-ewwel nett nixtieq nirringrazzjak, għażiż Nunzju Appostoliku, għall-kliem tiegħek u nitolbok twassal anke l-gratitudni u fl-istess waqt anke l-għożża tagħna, il-poplu Malti, lill-Papa Franġisku. Nixtieq nirringrazzjah tal-fiduċja u ta’ din il-missjoni u responsabbiltà li qed jafdali u nitlob illi nipprova dejjem naqdi din ir-responsabbiltà b’sens ta’ qadi u servizz kbir.

    Nirringrazzja lilek, Eċċ. Mons. Arċisqof, li miegħek ħdimt f’dawn it-tliet snin u tliet xhur illum, u rajt fik tassew ragħaj ta’ għerf, ta’ qalb kbira, ta’ stima fil-Knisja universali, ta’ stima kbira anke mill-Papa Franġisku, li għalina l-Maltin il-Papa hu wkoll eżempju ta’ kif aħna nħarsu lejk u tal-eżempju sabiħ li tajtna inti f’dawn is-snin ta’ ragħaj tal-Knisja, ragħaj tal-poplu ta’ Alla f’Malta.

    Nixtieq nirringrazzja ħafna lilkom ilkoll, lill-familja tiegħi, l-Arċisqof semma l-mamà u l-papà tiegħi li niftakarhom b’għożża. Nixtieq nirringrazzja lill-kollaboraturi kollha u ngħid kelma waħda biss fuq il-messaġġ: l-iktar ħaġa li nixtieq nenfasizza hija li ngħożżu l-ħajja u ngħożżuha billi anke nsostnuha b’ħafna imħabba, li ngħixu l-ħajja tagħna b’ħafna mħabba.

    Nitlob illi nkun ragħaj skont il-qalb ta’ Alla u xtaqt li anke nispiċa b’din it-talba, li ili żmien ngħidha kuljum qabel nibda x-xogħol tiegħi u llum naturalment issa nibda ngħidha b’ħafna iktar ħeġġa.

    Talba qasira ħafna: ‘Mulej, agħmel li l-ħidma tiegħi tkun dejjem għall-glorja tiegħek, bi spirtu tiegħek u għal ġid tal-oħrajn kif għallimtna int’.

    Grazzi ħafna.

     Joseph Galea-Curmi
        Isqof-elett

     

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace