L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
It-talba li aħna ntennu diversi drabi f’dan il-jum għażiż u kull meta niftakru f’ħutna l-mejtin, hija talba li ħafna drabi tfakkarna fid-destin tagħna għax aħna nitolbu: “Agħtihom, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqhom, jistrieħu fis-sliem”.
L-Evanġelju li għadna kemm smajna (Mt 5:1-12), l-Evanġelju li Ġesù jħabbar lill-folol minn fuq il-muntanja qaddisa tal-Beatitudnijiet li tħares lejn il-medda ta’ baħar li huwa l-Baħar ta’ Tiberijade, titkellem fuq hena li tibda minn din il-ħajja. Il-Mulej isejjaħ imberkin, henjin, beati lil dawk in-nies li jġibu l-paċi, li għandhom il-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, lil dawk li għandhom qalbom safja, lil dawk li huma foqra fl-ispirtu, lil dawk li huma ppersegwitati.
Dak li inti bnejt f’ħajtek qed issibu fl-eternità.
Din l-hena tibda minn hawn imma tkompli għax jaraw wiċċ Alla, jissejħu wlied Alla, jirtu l-art. Il-wegħdiet li għamel Ġesù, b’xi mod huma espressjoni wkoll ta’ dak il-mistrieħ u s-serħan li aħna nitolbu li jgħaddu minnu u jkollhom u jgawdu l-għeżież mejtin tagħna. Imma l-hena, il-barka li jsemmi Ġesù għandha l-għeruq tagħha f’dak kollu li nagħmlu f’din l-art u bil-mod kif nitrattaw lil xulxin.
Jekk aħna nieħdu parabbola li fiha Ġesù jitkellem dwar il-ħajja ta’ wara l-mewt, niftakru f’dak li jgħid meta jsemmi lill-għani u l-fqir li kien jismu Lazzru. Fil-ħajja tiegħu l-għani ma tax kas il-fqir, iddisprezzah. Ħoloq abbiss bejnu u bejn il-fqir u Ġesù fil-parabbola li għallimna jgħid u jispjega li dan l-għani li miet u difnuh, kellu ġudizzju kiefer għaliex f’ħajtu għażel li jkun kiefer. Il-fqir kellu ġudizzju ta’ hena għax f’ħajtu m’għamel ħsara lil ħadd, anzi kien vittma tal-inġustizzja tal-bnedmin. U ħin minnhom Abraham lil dan l-għani jgħidlu: “Aħna la nistgħu niġu fejn qegħdin intom u lanqas intom ma tiġu fejn qegħdin aħna” (ara Lq 16:26). Dak li inti bnejt f’ħajtek qed issibu fl-eternità.
Aħna u nitolbu għal ħutna mejtin, nitolbu biex bit-talb tagħna l-Mulej iħenn għalihom u jsaffihom. Aħna nemmnu li t-talb tagħna jaqla’ din il-ħniena u din il-grazzja għall-għeżież mejtin tagħna.
Il-mewt tgħaqqadna ħafna drabi iżjed milli tgħaqqadna l-ħajja.
F’dan iċ-ċimiterju hawn midfunin eluf ta’ Maltin u anke barranin. Hawn midfunin nies li meta ndifnu, bejn dawk li mietu f’paċi mal-Knisja u huma kien hemm ħajt. Illum dak il-ħajt waqa’. U jiena nixtieq nitlob maħfra tal-ħitan li bnejna biex nifirdu l-mejtin tagħna.
F’dan iċ-ċimiterju hawn ukoll ħutna li għerqu fil-Mediterran. Nixtieq infakkarhom għax jista’ jkun li waqt li aħna għandna ċ-ċans npoġġu xemgħa tixgħel jew ftit fjuri fuq il-qabar tal-għeżież tagħna, dawn mhumiex magħrufin għall-għeżież tagħhom. L-għeżież tagħhom tilfuhom u ma jafux fejn qegħdin. Huwa d-dover tagħna wkoll li niftakru fihom u nieħdu ħsiebhom. Forsi stajna nieħdu ħsiebhom aħjar meta kienu għadhom ħajjin imma almenu ma ninsewhomx u ma ninsewhomx meta huma qegħdin f’dan l-ambjent tant għażiż flimkien mal-għeżież tagħna.
Wara din il-quddiesa, bħalma nagħmel kull sena, se nbierek l-oqbra waqt li ndur ma’ din il-knisja għażiża u nifhem li nbierek kull qabar, hu ta’ min hu, għax il-mewt tgħaqqadna ħafna drabi iżjed milli tgħaqqadna l-ħajja.
Nitolbu biex aħna ma nitilfu qatt it-tama tal-ħajja ta’ dejjem imma ngħixuha b’mod konkret minn hawnhekk billi nħobbu lil xulxin u ma naqtgħu qatt qalbna mill-ħniena ta’ Alla. Waqt li aħna mas-Salm ngħidu: “Il-ħniena tiegħek għal dejjem, għax għal dejjem il-ħniena tiegħek”. Ejjew nifhmu li dik il-kategorija hija wkoll kategorija li tiżboq iż-żmien ta’ din il-ħajja fuq l-art u l-Mulej iħenn ukoll għal min jgħaddi għal ħajja ta’ dejjem.
Sidtna Marija, meta tkellmet fuq il-ħniena ta’ Alla, qalet: “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien” (Lq 1:50). Jalla aħna llum nitqawwew mhux biss fil-fidi tagħna fil-qawmien għall-ħajja ta’ ħutna l-mejtin imma wkoll nagħmlu att ta’ fidi profond fil-ħniena ta’ Alla li tiżboq kull żmien.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġob 19:1.23-27a
Salm: Salm 26
Qari II: Rum 19:1.23-27a
Evanġelju: Ġw 6:37-40