L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

First of all I would like to greet a group from the Zimbabwean chaplaincy in the United Kingdom accompanied by Fr John and Fr Benson. You are most welcome as you join us in this solemnity of the feast of St Peter and St Paul. Your presence today is a mark of how catholic we truly are. You are very welcome as you visit our islands and also visit places linked to the footsteps of St Paul whom we also celebrate today alongside St Peter.

Fit-tieni qari li smajna, l-Appostlu Missierna hu u jikteb lil Timotju juża din il-frażi: “Il-Mulej l-imħallef ġust jagħtina l-kuruna tal-ġustizzja wara li nkunu għexna l-ħajja ta’ fedeltà tiegħu” u jgħid hekk: “Mhux lili biss imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-dehra tiegħu” (2 Tim 4:8). Li jkunu għexu fl-imħabba tad-dehra tiegħu! Din il-ħaġa l-Appostlu Missierna japplikaha għalih innifsu u aħna niċċelebraw din il-festa ta’ San Pietru u San Pawl ejjew nifhmu ftit kif dawn iż-żewġ qaddisin kbar li kienu wkoll midinba kbar, daqskemm huma qaddisin kbar, kellhom ukoll passat kompromess b’mod jew ieħor bħal kull wieħed u waħda minna, wara kollox. U allura anke f’dan il-każ huma sinjal ta’ tama għalina. Waslu huma, naslu aħna wkoll bil-ħniena u l-grazzja ta’ Alla, mhux mingħajrha. Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok.

Imma dawn “għexu fl-imħabba tad-dehra” ta’ Ġesù. San Pietru b’mod u San Pawl b’mod ieħor imma ħa nibdew b’San Pietru. San Pietru kellu din ix-xorti li ltaqa’ ma’ Ġesù l-mastrudaxxa ta’ Nazaret li ħin minnhom jitlaq minn Nazaret, iħalli lil ommu – it-tradizzjoni tgħidilna li kienet ġa romlot – mal-familja kbira tagħha, mal-familja estiża u jaddotta Kafarnahum fuq ix-xatt tal-Għadira ta’ Tiberijade jew il-Baħar tal-Galilija. Hu sejjaħ, hu u miexi max-xatt, żewġ aħwa lil Indrì u lil Xmun u żewġt aħwa oħra ulied Żebedew, lil Ġwanni u ’l Ġakbu.

Minn hemmhekk Pietru, jew Xmun, għax imbagħad isejjaħlu Pietru lil Xmun, jibda jkollu mhux biss id-dehra ta’ Ġesù imma l-kuntatt miegħu. Waħda mir-rakkonti tal-ewwel vokazzjoni tiegħu tgħidilna li kif induna min hu verament Ġesù, wara li fuq l-ordni tiegħu xeħtu mill-ġdid ix-xibka u qabdu qabda kbira ta’ ħut, kif jinduna Pietru jgħidlu: “Tbiegħed minni, Mulej, għax jiena midneb”, u r-risposta ta’ Ġesù hi: “Tibżax mil-lum ’il quddiem tkun sajjied tal-bnedmin”.

Mument ieħor meta Ġesù jidher miexi fuq l-istess għadira u d-dixxipli, imħabbtin bit-tempesta li qabdithom jaħsbuh fantażma u jitwerwru, Pietru jgħidlu: “Jekk inti Mulej, ordnali nimxi fuq il-baħar” u Ġesù jgħidlu: “Ejja”. U Pietru hu u jħares, jiffissa ħarstu fuq Ġesù, jibda jimxi fuq il-baħar imma ħin minnhom imbagħad iħares ukoll lejn il-baħar, ma jibqax jiffissa ħarstu fuq Ġesù u jaħsel li jibda jgħereq. U dik l-għajta ta’ Xmun Pietru: “Għinni, Mulej, għax se negħreq” u Ġesù jaqbdu minn idu u jgħidlu: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?”

Aħna nafu wkoll li Pietru sema’ lil-Mulej jgħallem u jfejjaq. Fil-fatt wara l-qawmien mill-imwiet, jgħid: “Aħna konna miegħu hu u jterraq mat-toroq tal-Lhudija u l-Galilija” ikeċċi x-xjaten, ifejjaq il-morda, jipprietka s-saltna tas-smewwiet. “Konna miegħu, aħna xhieda”. Imma hu wkoll xhud tal-passjoni ħarxa tal-Mulej. Hu ċaħdu għal tliet darbiet, ħalef li ma jafux u jerġa’ jiltaqa’ mal-ħarsa ta’ Ġesù u jinfexx jibki. Xi darba ta’ min nieqfu u nimmeditaw fuq dawn il-mumenti meta Pietru jħares lejn Ġesù u l-effett tal-ħarsa ta’ Ġesù fuqu, ħarsa li tagħmel kuraġġ, ħarsa li tgħidlek ‘tibżax’, ħarsa li ssejjaħlek, ħarsa li tipprova wkoll tirranġalek sitwazzjoni fost familjari diffiċli għax inħobb nirrepeti min jaf x’ma qalitx omm il-mara meta qalilha: ‘jiena se nitlaq kollox, anzi tlaqt kollox u sejjer wara mastrudaxxa.’ X’ma qalitx il-kunjata! U Ġesù jidħol għandha għax marida, jaqbadha minn idejha u jfejjaqha. L-Evanġelju jgħidilna li minn dak il-ħin il-kunjata tbiddlet, bdiet taqdihom, saret hi wkoll qaddejja ta’ Ġesù.

Imma permezz tagħha fid-dar ta’ Pietru daħal il-fejqan, l-ewwel il-fejqan fiżiku tal-kunjata. Fuq il-mara ma jgħid xejn l-Evanġelju imma la kellha ommha, kienet teżisti żgur, la kellu l-kunjata, kellu l-mara. U nimmaġina li fid-dar tiegħu ta’ Kafarnahum mhux biss daħal il-fejqan imma daħal ukoll il-paċi. Ara, Xmun almenu għamel investiment li qed jirrendi ftit.

Imma mbagħad jiġi l-mument taċ-ċaħda, jiġi l-mument tal-umiljazzjoni, jiġi l-mument fejn il-Mulej jaċċetta x-xhieda silenzjuża ta’ Pietru li hu l-ewwel wieħed li jidħol fil-qabar vojt. Marija Maddalena tmur għand l-appostli tgħidilhom li l-Mulej qam mill-imwiet u dawn imorru lejn il-qabar jiġru. Imur jiġri Pietru flimkien ma’ Ġwanni, li wasal l-ewwel imma jħalli lil Pietru jidħol fil-qabar. Imbagħad Ġesù rxuxtat jidher lid-dixxipli, jistedinhom imorru wkoll lejn il-Galilija, imma jagħtihom il-qawwa li jaħfru, jieħu ħsiebhom meta jipprovdilhom l-ikel fuq ix-xatt u Pietru mistieden anke minn Ġwanni li jagħrfu mill-ewwel lill-Mulej, jilbes l-ilbies biex jiltaqa’ mal-Mulej.  

Pietru kellu din l-esperjenza li għex fl-imħabba tad-dehra ta’ Ġesù. Tgħallem iħobb lil Ġesù għax irċieva tant imħabba. L-Evanġelju jagħmlilna kuraġġ għax fir-relazzjoni tiegħu ma’ Xmun Pietru l-Mulej jgħaddi minn diversi proċessi ta’ ras iebsa, u jfiehmu imma jagħżlu bħala l-blata li fuqha jrid jibni l-Knisja tiegħu. Il-fidi ta’ Pietru li jagħraf, ispirat mill-Missier, li dan il-mastrudaxxa ta’ Nazaret hu l-Messija, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.

Hekk l-Evanġelju ta’ San Mattew li għadna kemm smajna għandu fih din l-istqarrija qawwija ta’ dawn iż-żewġt irġiel: l-ewwel l-istqarrija ta’ Xmun f’Ġesù: “Inti l-Messija, bin Alla l-ħaj”, imbagħad l-istqarrija ta’ Ġesù fuq Pietru: “Jiena ngħidlek inti ġebla, inti blata, inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-smewwiet.” Min din l-espresjoni, is-simbolu ta’ Pietru huma l-imfietah, “U kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet”. Din l-istqarrija ta’ Ġesù, il-profezija ta’ Ġesù fuq Pietru.

L-Evanġelju tal-lum għandu żewġ profeziji: ix-xhieda ta’ Pietru, ispirat mill-Missier, hekk jgħidlu Ġesù: “Mhux bniedem tad-demm u l-laħam urik dan imma Missieri li hu fis-smewwiet, hu lluminak biex tagħrafni, ta’ min verament jien”. Imbagħad Ġesù li jħares lejn Pietru u jagħmel din il-profezija fuqu, din l-istqarrija tad-dinjità tiegħu, tal-vokazzjoni tiegħu. U dan qabel iċ-ċaħda, l-aħwa! Wara l-irxoxt jgħidlu: “Tħobbni inti?” għal tliet darbiet. “Mulej, inti taf li jien nħobbok”. Mela Pietru għex fl-imħabba tad-dehra ta’ Ġesù bil-kuntatt tiegħu mal-Mulej u rċieva mħabba u missjoni. Il-martirju tiegħu li qegħdin niċċelebraw illum hu s-siġill ta’ din l-imħabba lejn Ġesù.

L-istess nistgħu ngħidu fuq Pawlu l-Appostlu Missierna li hu stess jirreferi għalih innifsu bħala wieħed minn dawk li għexu fl-imħabba tad-dehra ta’ Ġesù u ltaqa’ ma’ Ġesù fit-triq ta’ Damasku u minn persekutur sar appostlu. Hu mhux bħal Pietru li kellu l-kuntatt dirett ma’ Ġesù; hu jiltaqa’ ma’ Ġesù permezz tal-Knisja. Ġesù stess, għalkemm jiltaqa’ ma’ Sawlu, Pawlu, fit-triq ta’ Damasku u allura hemm dan il-kuntatt u jibqa’ jgħid Pawlu: Jiena smajt leħen il-Mulej, jiena rajt lill-Mulej bħall-oħrajn. Imma Ġesù jibagħtu għand il-komunità biex jitgħammed, biex jiltaqa’ miegħu fis-sagramenti, xi ħaġa li Pietru m’għandux bżonn jagħmilha għax Pietru kellu l-kuntatt dirett għal tliet snin mal-Imgħallem. Imma Pawlu li hu bħalna, ma ltaqax mal-Mulej f’kuntatt dirett meta kien magħna fuq din l-art, għandu bżonn il-qawwa li Ġesù poġġa fil-Knisja għall-maħfra tad-dnubiet, għar-rikonċiljazzjni.

Allura f’dawn iż-żewġ appostli aħna naraw il-modi differenti ta’ kif wieħed jgħix fl-imħabba tad-dehra ta’ Ġesù. Aħna għandna x-xorti li konna mgħammdin mill-Appostlu Missierna li ġie fostna ħabsi, ikkundannat biex jidher quddiem Ċesri, imma ġie fostna bil-qawwa tal-kelma ta’ Ġesù li ġabitilna wkoll il-fejqan. Jibda l-ewwel b’missier Publiju, imbagħad ifejjaq, jgħid Luqa fl-Atti tal-Appostli, lill-morda kollha tal-gżira. Din hi l-qawwa tal-isem ta’ Ġesù, din il-qawwa li ġab fostna l-Appostlu Missierna.

Aħna u niċċelebraw din il-festa tal-Imnarja – aħna tradizzjonalment insejħulha hekk għax missirijietna kienu jagħmlu mixegħla kbira fil-festa tal-lum – ejjew inħarsu lejn dawn iż-żewġ dwal kbar tal-Knisja, Pietru u Pawlu u nitolbu wkoll il-grazzja li bħalhom aħna wkoll ikollna din l-esperjenza tal-imħabba ta’ Ġesù, tal-ħarsa tiegħu hu u jagħmel minna l-komunità ta’ dawk li nemmnu, il-Knisja ambjent ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ paċi, ta’ missjoni. Ejjew nitolbu l-grazzja li aħna wkoll ngħixu bħal dawn iż-żewġ appostli fl-imħabba tad-dehra tal-Mulej.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 12:1-11
Salm: 33:2-9
Qari II: Tim 4:6-8,17-18
L-Evanġelju: Mt 16:13-19

Aktar ritratti