Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum neħtieġu naqra paċenzja, b’din is-sħana kollha! Grazzi li ġejtu xorta f’din is-sħana, b’din ix-xemx tiżreġ, grazzi ħafna taż-żjara tagħkom!

F’din is-serje ta’ katekeżi fuq iż-żelu appostoliku, qed niltaqgħu ma’ xi figuri eżemplari ta’ rġiel u nisa ta’ kull żmien u post, li taw ħajjithom għall-Vanġelu. Illum se mmorru ’l bogħod, fl-Oċeanja, f’kontinent magħmul minn ħafna gżejjer, kbar u żgħar. Il-fidi fi Kristu, li tant emigranti Ewropej wasslu f’dawk l-artijiet, malajr qabdet l-għeruq u għamlet frott kotran (ara Eżortazzjoni appostolika postsinodali Ecclesia in Oceania, 6). Fost dawn hemm reliġjuża straordinarja, Santa Mary MacKillop (1842-1909), fundatriċi tas-Sorijiet ta’ San Ġużepp tal-Qalb Imqaddsa, li ddedikat ħajjitha għall-formazzjoni intellettwali u reliġjuża tal-foqra tal-Awstralja rurali.

Mary MacKillop twieldet qrib Melbourne minn ġenituri li emigraw l-Awstralja mill-Iskozja. F’żgħożitha, ħassitha msejħa minn Alla biex taqdih u tagħti xhieda tiegħu mhux biss bil-kliem, imma fuq kollox b’ħajja mibdula mill-preżenza ta’ Alla (ara Evangelii gaudium, 259). Bħal Marija Maddalena, li kienet l-ewwel waħda li ltaqgħet ma’ Ġesù Rxoxt u ġiet mibgħuta minnu biex twassal l-aħbar lid-dixxipli, Mary kienet konvinta li kienet hi wkoll mibgħuta biex ixxerred l-Aħbar it-Tajba u tiġbed oħrajn għal-laqgħa ma’ Alla l-ħaj. 

Hi qrat b’għerf is-sinjali taż-żminijiet, u fehmet li għaliha l-aħjar mod kif tagħmel dan kien permezz tal-edukazzjoni taż-żgħażagħ, fl-għarfien li l-edukazzjoni Kattolika hija għamla ta’ evanġelizzazzjoni. Hija għamla kbira ta’ evanġelizzazzjoni. Hekk, jekk nistgħu ngħidu li “kull qaddis jew qaddisa hu missjoni; hu pjan tal-Missier biex jirrifletti u jlaħħam, f’mument determinat tal-istorja, xi aspett tal-Evanġelju” (Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 19), Mary MacKillop dan għamlitu fuq kollox permezz tat-twaqqif tal-iskejjel.

Karatteristika essenzjali taż-żelu tagħha għall-Vanġelu kienet tikkonsisti f’li tieħu ħsieb tal-foqra u tal-imwarrbin. U dan hu importanti ħafna: fit-triq tal-qdusija, li hi t-triq Nisranija, il-foqra u l-imwarrbin huma protagonisti, u persuna ma tistax timxi ’l quddiem fil-qdusija jekk ma tiddedikax ruħha wkoll għalihom, b’xi mod jew ieħor. Huma, li għandhom bżonn tal-għajnuna tal-Mulej, iwasslu l-preżenza tal-Mulej. Darba qrajt frażi li laqtitni; kienet tgħid hekk: “Il-pratagonista tal-istorja huwa t-tallab: it-tallaba huma dawk li jiġbdu l-attenzjoni dwar l-inġustizzja, li hi l-faqar il-kbir tad-dinja”; jinħlew flus biex jiffabbrikaw l-armi u mhux biex jipproduċu l-ikel… U tinsewx: ma hemmx qdusija jekk, b’xi mod jew ieħor, ma hemmx l-għożża għall-foqra, għal dawk fil-bżonn, għal dawk li huma xi ftit jew wisq fit-trufijiet tas-soċjetà. Din l-attenzjoni għall-foqra u l-imwarrbin wasslet lil Mary biex tmur hemm fejn oħrajn ma ridux jew ma setgħux imorru. Fid-19 ta’ Marzu 1866, Festa ta’ San Ġużepp, fetħet l-ewwel skola primarja f’subborg ċkejken tal-Awstralja ta’ Isfel. Wara segwew bosta oħrajn li hi u sħabha s-sorijiet waqqfu fil-komunitajiet rurali fl-Awstralja u fi New Zealand. Immultiplikaw ruħhom, għax iż-żelu appostoliku hekk jagħmel: jimmultiplika l-opri.

Mary MacKillop kienet konvinta li l-iskop tal-edukazzjoni hu l-iżvilupp integrali tal-persuna kemm bħala individwu u kemm bħala membru tal-komunità; u li dan jitlob għerf, paċenzja u karità min-naħa ta’ kull għalliem u għalliema. L-edukazzjoni fil-fatt ma tikkonsistix f’li timla l-irjus bl-ideat: le, mhijiex dan biss. Fiex tikkonsisti l-edukazzjoni? F’li ssieħeb u tqawwi l-qalb tal-istudenti fil-mixja tal-maturazzjoni umana u spiritwali, turihom kemm il-ħbiberija ma’ Ġesù Rxoxt tista’ twessa’ l-qalb u tagħmel il-ħajja iżjed umana. Teduka jfisser tgħin lil dak li jkun jaħseb tajjeb: iħoss it-tajjeb – il-lingwaġġ tal-qalb – u jagħmel it-tajjeb – il-lingwaġġ tal-idejn. Din il-viżjoni hi għal kollox attwali llum, meta qegħdin inħossu l-bżonn ta’ “patt edukattiv” li jista’ jgħaqqad il-familji, l-iskejjel u s-soċjetà kollha kemm hi.

Iż-żelu ta’ Mary MacKillop għat-tixrid tal-Vanġelu fost il-foqra wassalha wkoll biex tibda diversi opri oħra ta’ karità, ibda mid-“Dar tal-Providenza” miftuħa f’Adelaide biex tilqa’ anzjani u tfal abbandunati. Mary kellha ħafna fidi fil-Providenza ta’ Alla: kienet dejjem fiduċjuża li f’kull sitwazzjoni Alla se jipprovdi. Imma dan ma ħelishiex mill-ansjetajiet u d-diffikultajiet li jiġu mill-appostolat tagħha, u Mary kellha raġun tinkwieta: riedet tħallas il-kontijiet, tittratta mal-isqfijiet u l-qassisin lokali, tieħu ħsieb l-iskejjel u tikkura l-formazzjoni professjonali u spiritwali tas-Sorijiet tagħha; u, iktar tard, il-problemi tas-saħħa. Minkejja dan, qalb dan kollu, baqgħet trankwilla, iġġorr bis-sabar is-salib li hu parti integrali mill-missjoni.

F’okkażjoni minnhom, fil-Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, Mary qalet lil waħda mis-sorijiet l-oħra: “Binti, ili snin twal li tgħallimt inħobb is-Salib”. Ma ċedietx fil-mument ta’ prova u ta’ dalma, meta l-ferħ tagħha kien mhedded mill-oppożizzjoni u mir-rifjut. Araw ftit: il-qaddisin kollha sabu oppożizzjonijiet, anki fi ħdan il-Knisja. Kurjuża din. Anki hi kellha. Baqgħet konvinta li, anki meta l-Mulej taha “ħobż l-imrar u l-ilma tan-niket” (Iż 30:20), l-istess Mulej ma kienx idum ma jwieġeb għall-karba tagħha u jdawwarha bil-grazzja tiegħu. Dan hu s-sigriet taż-żelu appostoliku: ir-relazzjoni kontinwa mal-Mulej.

Ħuti, id-dixxipulat missjunarju ta’ Santa Mary MacKillop, it-tweġiba kreattiva tagħha għall-ħtiġijiet tal-Knisja ta’ żmienha, l-impenn tagħha għall-formazzjoni integrali taż-żgħażagħ illum jispiraw lilna lkoll, imsejħin biex inkunu ħmira tal-Vanġelu fis-soċjetajiet tagħna li qed jinbidlu b’rata mgħaġġla. L-eżempju tagħha u l-interċessjoni tagħha jwieżnu l-ħidma ta’ kuljum tal-ġenituri, tal-għalliema, tal-katekisti u tal-edukaturi kollha, għall-ġid taż-żgħażagħ u għal futur iżjed uman u mimli tama.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard