• Nhar is-Sibt 25 ta’ Frar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa mal-komunità tan-Nigret fiċ-Ċentru Pastorali San Luqa, ir-Rabat.

  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Ċentru Pastorali San Luqa, in-Nigret
    25 ta’ Frar 2017

    Il-Mulej qed jgħidilna li hemm bżonn nixtarru, mhux qed jgħidilna biex noqgħodu fuq il-mejda tal-ikel b’idejna marbuta l-ġurnata kollha u l-ikel jaqa’ mis-sema; mhux qed jgħidilna biex il-ġenituri li għandhom l-uliedhom joqgħodu b’idejhom marbuta u jiġi xi Father Christmas iħabbat fuq il-bieb iġib il-ħwejjeġ għal uliedhom, imma qed jgħidilna xi ħaġa forsi iżjed importanti. Kull min għandu familja jrid jaħseb għall-ikel, kull min għandu familja jrid jaħseb għall-ilbies, imma altru taħseb għall-ikel tal-familja tiegħek u biċċa ħobż li tkun qlajtha bl-għaraq ta’ ġbinek li tikolha fil-paċi ma’ martek u uliedek, u altru tkidd lilek innifsek ħajtek kollha tiġri wara iżjed u iżjed flus.

    Ġesù qed jgħidilna: “ma tistgħux taqdu lil Alla”, jiġifieri jkollok il-paċi fil-qalb tiegħek, “u lill-flus” (Mt 6, 24), trid tagħżel. Ħafna nies huma u jiġru wara l-flus jitilfu l-ikbar teżor li għandu l-bniedem: il-paċi tal-qalb tiegħu. Kemm mibegħda, kemm għira, kemm vjolenza jsiru għax dak li jkun jitbiegħed minn Alla u jagħżel il-flus għall-qalb tiegħu.

    Il-Mulej qed jgħidilna: “jekk intom tafdaw f’Alla għax tobduh”, għax inti tafda f’Alla tiegħek, jgħidlek ‘la tisraqx’ u ma tisraqx, jgħidlek ‘la tigdibx’ u ma tigdibx, jgħidlek ‘tieħux il-mara ta’ ħaddieħor’ u toqgħod bi kwietek ma’ martek, jew mar-raġel tiegħek. Hekk tkun qed tafdah lil Alla, mhux kwistjoni ta’ sentiment biss.   

    Ġesù qed jgħidilna wkoll biex inħarsu lejn il-ktieb tal-ħolqien. Jiena dawn l-espressjonijiet ta’ Ġesù jogħġbuni ħafna għaliex niftakar fihom, meta nkun per eżempju fil-kampanja f’dawn il-ġranet sbieħ u inti tara l-fjuri tal-għelieqi – ma żrajnihomx aħna, ma ħadniex ħsiebhom aħna. Is-sena li għaddiet meta m’għamlitx xita, qalulna “din is-sena neħduha brejk”, din is-sena għamlet naqra iżjed u l-widien fil-kampanja tagħna ħadu r-ruħ, ħadu pjaċir bl-ilma. Jiena nieħu pjaċir nara l-ġmiel li l-Mulej jagħtina u niftakar fil-kelma ta’ Ġesù li smajna llum: “jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa” (v. 30). Kultant inti tmur fil-kampanja, lanqas tinnota imma meta tkunu għaddejjin minn hawn sa’ Santa Katerina jew min jaf sal-Lunzjata, ieqfu ftit anke mat-triq kemm hemm lellux ħelu fuq ix-xagħri, fil-Milied kellna n-narċis, issa jibdew l-orkidej.

    L-orkidea hija fjura ċkejkna, irid ikollok l-għajn biex taraha, ħafna drabi l-orkidej fil-forma ta’ nsetti nsejħulhom bil-Malti ‘dubbiena’ jew ‘in-naħla’. Iż-żerriegħa biex tagħmel l-ewwel fjura trid ħamsa u għoxrin sena, għalhekk meta tara l-fjura tirrealizza kemm hi prezzjuża – m’għamilt xejn inti, għax biex tikber fil-ħamrija irid ikun hemm ċertu fungus għal tal-apposta, jekk iż-żerriegħa ma ssibhiex, ma tikbirx. Inti tara miraklu kbir tal-Mulej. Bħalissa bdew l-orkidej, għandna sa’ Mejju ingawduhom. Il-qares fix-xagħri, fejn inti ma tippredentix li se ssib teżori kbar. U l-Mulej jgħidlek: “jekk Alla libbes hekk b’mod sabiħ imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilek” se jieħu ħsiebek! Mhux biex nitgħażżnu, norbtu jdejna, ngħidu: “iva, issa jieħu ħsiebna”. San Pawl stess jgħallimna: “min ma jridx jaħdem dan lanqas biss għandu dritt jiekol” (2 Tess 3, 10).

    Imma aħna nieħdu ħsieb xulxin, nafdaw fil-Mulej u ngħidulu: “Mulej, jien m’iniex se nibdlek għal ftit flus”. Jiena naħseb dik l-għażla li jrid minna l-Mulej illejla. Aħwa jiġġieldu ma aħwa, nies m’għandhomx ħin għall-familja, għax minn xogħol għall-ieħor – veru, ikollok bżonn tagħmel anke li ma tridx speċjalment meta tkun ħadt loan li trid tħallasha għax il-bank mhux se joqgħod jgħidlek “issa naqralek biċċa mill-Evanġelju, m’hemmx għalfejn tħallasni”, jekk jgħidlek hekk, aħjar. Jgħidlek: “sinjur, jekk ma tħallasnix, oħroġ mid-dar u ara x’se tagħmel”. Jiena nifhem li f’ċerti ċirkustanzi speċjalment l-koppji żgħażagħ isibu lilhom infushom fihom u li kultant veru jkollok tagħmel li ma tridx imma xorta għandna nagħmlu ħilitna biex il-kelma li qalilna: “ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien” (Mt  6, 34) nifhmuha.

    Nitolbuh il-grazzja li l-ħajja tagħna tkun ħajja ta’ nies onesti, ta’ nies li meta jieklu biċċa ħobż bi ftit ġobon jew ġbejna friska, li lanqas l-aqwa sultan ma jkollu bħalha, igawduha, ma tinżlilhomx velenu, igawduha fis-sliem. Dik il-kelma tal-Iskrittura: “ieklu l-ħobż tagħkom bis-sliem”. U allura din il-kelma ta’ Ġesù: “fittxu l-ewwel is-Saltna t’Alla u l-ġustizzja tiegħu u dan kollu jingħatalkom ukoll” (v. 33). Il-Mulej jieħu ħsieb, mhux bilfors trid tirbah is-super five, imma se jieħu ħsiebek għaliex mhux se jabbandunak.

    Jiena nixtieq nagħlaq billi nitlob barka speċjali bl-interċessjoni ta’ San Luqa, u San Pawl Missierna fuq din il-komunità. It-talba tiegħi għal din il-komunità, ikollna vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi. Din tkun l-ikbar rigal li jagħtikom il-Mulej jekk minn din il-komunità jkollkom id-don ta’ vokazzjonijiet. Nitolbu anke għaż-żgħażagħ li qed jippreparaw għaż-żwieġ, biex jgħażlu żwieġ nisrani u ma jinkwetawx għax Alla jieħu ħsiebkom. Itolbu biex ikollkom is-saħħa fix-xogħol u l-paċenzja b’xulxin. Għaliex lill-miżżewġin San Ġorġ Preca, lil Dr Spiteri meta mar għandu tafuha l-istorja qallu: “Sinjur, ħa niżżewweġ, tagħtini parir?”. “Ħi, taf x’ngħidlek? Fuq kull blata ta’ kull kamra tad-dar ikteb dawn it-tliet kelmiet: ‘paċenzja, paċenzja, paċenzja’ u jirnexxilek”. Dr Spiteri smajtu jien stess jgħid: “kelli nieħu paċenzja, sewwa qal!”, għax hu kien kalm u l-mara kienet naqra inqas. 

    Din il-kelma nagħtihielkom ukoll biex intom tinħabbu, kulħadd iġorr il-piż tiegħu u ngħixu lkoll fis-sliem. Tinkwetawx ruħkom għax il-Mulej, kif jgħid il-profeta Isaija fl-Ewwel Qari: “jien ma ninsik qatt” (Is 49, 15).

     
    ✠ Charles J. Scicluna
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratt: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja