Il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni li niċċelebraw nhar il-Ħamis li ġej, 8 ta’ Diċembru, hi festa għażiża ħafna għalina l-Maltin. Hi festa li għandha messaġġ importanti wkoll fl-istess kelma li tant għandha tifsira – “kunċizzjoni” – għax tfakkarna li aħna niċċelebraw lil Marija mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Hi bla tebgħa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Fl-istess festa hemm din id-dikjarazzjoni ċara li l-ħajja umana hi għażiża mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. 

Meta aħna nitkellmu fuq l-għożża tal-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil, u r-rispett lejn id-dinjità ta’ din il-ħajja li bdiet, ma ngħidux hekk għax hija l-fidi li tgħidilna li hemm il-ħajja umana mill-konċepiment, jew għax il-Knisja tgħidilna hekk. Hi x-xjenza li tgħidhielna din. Anke scan tat-tarbija fil-ġuf turik l-iżvilupp gradwali tal-ħajja umana meta tarbija għadha ma twelditx. Fil-ġuf hemm xi ħadd, mhux xi ħaġa. Li tgħidilna l-fidi hi biex ngħożżu din il-ħajja li bdiet għax kull ħajja hija don ta’ Alla.

Fid-dawl ta’ dan, irridu nuru t-tħassib kbir tagħna rigward l-emenda li qed tiġi diskussa bħalissa fil-Parlament u li, jekk tiġi approvata, iddaħħal l-abort f’Malta.

L-emenda proposta ddaħħal xi ħaġa ġdida. Titkellem ukoll fuq sitwazzjonijiet fejn mhux il-ħajja tal-omm fil-periklu iżda s-saħħa tagħha, u tipproponi li tista’ tħares is-saħħa billi toqtol ħajja umana ġdida. Dan ifisser abort

L-emenda proposta ma titkellimx biss fuq is-sitwazzjoni ta’ omm li tkun f’periklu li tmut minħabba t-tqala tagħha. Nafu li meta jkun hemm periklu ta’ dat-tip, it-tobba dejjem jippruvaw isalvaw lill-omm u lit-tarbija, u meta ma jirnexxilhomx isalvawhom it-tnejn, isalvaw lill-omm. Kull meta sar hekk tul is-snin, qatt ma nħolqu problemi legali għall-ommijiet jew għat-tobba. Ma kienx hemm bżonn ta’ tibdil fil-liġi biex l-omm tkun salvata jekk tkun fil-periklu tal-mewt.

Imma l-emenda proposta ddaħħal xi ħaġa ġdida. Titkellem ukoll fuq sitwazzjonijiet fejn mhux il-ħajja tal-omm fil-periklu iżda s-saħħa tagħha, u tipproponi li tista’ tħares is-saħħa billi toqtol ħajja umana ġdida. Dan ifisser abort. L-istorja ta’ għadd ta’ pajjiżi turina li l-abort daħal proprju bl-użu ta’ din il-kelma “saħħa”, kif qed jiġi propost fl-emenda. Din hi ħaġa serja ħafna. Aħna nafu li fejn is-saħħa teħtieġ kura, għandha tingħata kull kura meħtieġa, u fejn l-omm għandha bżonn l-għajnuna, għandha tingħata kull appoġġ li teħtieġ. Imma m’għandekx toqtol ħajja umana biex tħares is-saħħa ta’ xi ħadd. Meta wieħed jinnega d-dinjità tat-tarbija fil-ġuf, il-pedament tar-rispett lejn id-dinjità ta’ kull bniedem – inkluż tal-mara u tal-professjonist – jitfarrak.

Nixtiequ nagħmlu appell ħerqan biex insemmgħu leħinna b’mod ċar favur il-protezzjoni tal-ħajja f’kull waqt tagħha – mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u f’kull waqt tagħha. Nagħmlu wkoll appell speċjali lil dawk li jġorru fuq spallejhom ir-responsabbiltà kbira biex jiddeċiedu rigward l-emenda, biex l-għażla tagħhom tkun favur il-ħajja u mhux favur il-mewt. 

Nitolbu ħafna lil Ommna Marija, Immakulata Kunċizzjoni, li dejjem tfakkarna fil-ħajja li tibda mat-tnissil, biex tidħol għalina u tgħinna ħalli dejjem nipproteġu kull ħajja umana b’għożża kbira.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

✠ Anton Teuma
    Isqof ta’ Għawdex

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju