Nuncio Michael Fitzgerald

“Il-futur tal-Eġittu huwa issa f’idejn il-poplu”. Hekk stqarr in-Nunzju Appostoliku tal-Eġittu. L-Arċisqof Michael Louis Fitzgerald li assuma l-irwol fl-2006, qal lill-aġenzija Zenit li “sta għall-poplu Eġizzjan biex issa jsib is-soluzzjoni t-tajba għall-kriżi preżenti”.

Wara tmintax-il jum ta’ protesti nazzjonali li ħallew saħansitra madwar 300 persuna mejta, il-President Eġizzjan Hosni Mubarak, ta’ 82 sena, ċeda l-poter. Huwa mexxa l-pajjiż għal 30 sena. L-Arċisqof fakkar li l-Papa Benedittu XVI talab għall-Eġittu u għall-poplu Eġizzjan sabiex isibu l-armonija u l-paċi. Innota wkoll li ma kien hemm ebda stqarrija uffiċjali mis-Santa Sede.  Żied li t-tagħlim tad-duttrina soċjali tal-Knisja hu ċar. Kull komunita umana qal li teħtieġ awtorita li tmexxija, pero l-awtorita ma ġġibx l-leġittimita morali tagħha minnha nnifisha. Kompla jgħid li għandha taġixxi għall-ġid komuni, bl-użu ta’ mezzi moralment leċiti li permezz tagħhom jinkiseb il-ġid komuni.

B’referenza għall-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, in-Nunzju qal li “il-ġid komuni jikkonsisti fi tlett elementi essenzjali: l-ewwel, ir-rispett għad-drittijiet fundamental ital-bniedem u l-promozzjoni tagħhom; it-tieni, il-prosperita jew l-iżvilupp tal-ġid spiritwali u temporali tas-soċjeta; u finalment il-paċi u s-sigurta.

L-Arċisqof Fitzgerald qal li l-ilmenti tad-dimostranti għar-reġim ta’ Mubarak jaqgħu taħt dawn l-elementi strutturati. Meta mistoqsi dwar ir-rwol tal-kattoliċi Eġizzjani fil-ġrajjiet kurrenti, In-Nunzju qal li “bħala ċittadini tal-pajjiż, għandhom jerfgħu r-responsabbilta biex jimbuttaw lil pajjiżhom lejn soċjeta li tagħti iktar kas tal-ġustizzja u l-ugwaljanza”

Dwar id-djalogu inter-reliġjuż huwa qal li l-ġrajjiet fl-aħħar ġimgħat nisslu sens ta’ solidarjeta bejn l-Insara u l-Musulmani, li fi kliemu, għandha tkun bażi għal iżjed djalogu u koperazzjoni fis-soċjeta.